‘Suldat ta’ Kristu’ – Dramm dwar San Sebastjan Martri
Id-dramm s-'Suldat ta' Kristu,' se tlaqqagħna iktar mill-qrib mal-qaddis San Sebastjan Martri, u l-ġrajja fittizja tal-familja ta’ Nenu, furnar Qormi
Il-produzzjoni s-Suldat ta' Kristu, b'direzzjoni u kitba ta' Shaun Formosa, se tlaqqagħna iktar mill-qrib mal-qaddis San Sebastjan Martri, u l-ġrajja fittizja tal-familja ta’ Nenu, furnar Qormi.
Flimkien se nassistu għal rakkonti minn fomm il-furnar u martu, u mit-tifla tagħhom Marija dwar it-tfulija, iż-żgħożija ta’ Sebastjan bħala kap tal-gwardja pretorjana, iżda iktar minn kollox, ix-xogħol li wettaq qrib l-Insara u l-pagani ta’ żmienu.
Se nassistu wkoll għaż-żewġ martirji u għall-glorja tal-istess qaddis.
X’sinifikat jista’ jkollu għalina fil-ħajja tal-lum San Sebastjan? X’messaġġ irid iwasslilna? Il-pressjoni tas-soċjetà moderna, id-distrazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u x-xettiċiżmu mifrux lejn il-fidi, huma kollha elementi fid-dinja tal-lum li joffrulek sfida biex verament tkun Suldat ta’ Kristu. Il-ħajja ta’ San Sebastjan Martri għandha tispirana għall-kuraġġ, il-konvinzjoni, id-dedikazzjoni, ir-reżiljenza u s-sagrifiċċju ta’ dan il-qaddis.
Dan id-dramm se jittella’ nhar it-Tnejn 8 u t-Tlieta 9 ta’ Lulju fit-8:30 ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi.
Sabiex tinkiseb iktar informazzjoni u jinxtraw il-biljetti, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mad-Drama Group San Sebastjan permezz tal-paġna tal-grupp fuq Facebook jew billi jċempel fuq 79092963.