Kotba | Kollox jibda minn lajla ...
Elena Cardona tesplora lil Lajla (awtoppubblikat, 2024), poeżija-storja ta’ Lara Calleja, biex flimkien mal-personaġġ ewlieni Lajla tiskopri aħjar il-filosofija tal-ħajja ta’ din it-tifla biex tikseb il-ġwienaħ tal-kuntentizza tal-qalb
Kollox jibda minn lajla ... il-gdim u l-ħakk tal-vampiri żgħar tan-nemus, il-qtugħ ta’ dawl jgħallek u jwaħħal fil-qilla tas-sajf, il-bewsa fuq il-ħaddejn taħt qamar kwinta u l-ħolm. Lajla hu l-isem tal-protagonista f’din il-poeżija-storja miktuba minn Lara Calleja, iżda fil-lingwa Għarbija din il-kelma tirreferi għal-lejl – dak il-ħin li jkun id-dlam u fejn ix-xemx tistrieħ u jixref il-qamar. Ġeneralment il-lejl hu assoċjat mal-irqad u fost il-ħafna affarijiet li jseħħu matul il-lejl hemm il-ħolm. Xi darba jew oħra kulħadd joħlom xi ħolma. Ħafna jgħidu li ma joħolmux għax ma jiftakru xejn meta jqumu iżda dan ma jfissirx li min ma jiftakarx ma jkunx ħolom. Hawn ukoll min joħlom b’għajnejh miftuħa mingħajr ma jmiss mal-ebda mħadda. Fil-verità diversi proġetti minn tagħna jitwieldu f’dawn il-mumenti eċitanti u produttivi ta’ matul il-ġurnata.
Xi studji xjentifiċi jisħqu li l-ħolm mhuwiex funzjonali b’mod indipendenti imma jitqies iktar bħala koprodott tal-moħħ li waqt li jkun rieqed jirrifletti l-attivitajiet fiżjoloġiċi u psikoloġiċi tal-ħalliem, ngħidu aħna bħat-tisħiħ tal-memorja, ir-regulazzjoni tal-emozzjonijiet u l-mod ta’ kif wieħed jirċievi l-istimuli esterni. Min-naħa l-oħra, skont Freud, il-ħolm iwassal direttament għas-subkonxju u għalih l-interpretazzjoni tal-ħolm hija teknika importanti psikoanalitika. Wieħed joħlom b’dawk l-affarijiet li jkunu ripressi ġos-subkonxju tagħna, xi minn daqqiet affarijiet koroh jew inkella affarijiet li fil-ħajja ta’ kuljum mhux possibbli li jitwettqu. F’dan il-ktieb Lajla wkoll toħlom – ħolma sabiħa li fl-ispazju ristrett u saffokanti tagħha ma tistax isseħħ. X’inhi l-ħolma ta’ Lajla? Għaliex ma tistax isseħħ? X’inhuma l-għasfar ta’ kull lewn u daqs li jittajru mal-paġni tal-ktieb? Hi daqshekk diffiċli biex il-ħolma ta’ Lajla ssir realtà?
Fuq in-naħa ta’ wara tal-qoxra tal-ktieb, Ramona Depares tikteb ‘Lajla hi jien. Lajla hi int. Lajla hi kull min kien u għadu joħlom li jtir.’ Iżżid ukoll li din il-poeżija-storja hija kontinwazzjoni ta’ Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers, 2020), rebbieħ tal-Premju Unjoni Ewropea għal-Letteratura u tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2021, fejn l-għasafar ma jinstemgħux ipespsu minħabba t-traffiku li qiegħed joħnoq kullimkien. Iżda din id-darba hemm it-tama – bħalma Lajla għamlet l-almu kollu tagħha biex issib il-paċi, l-istess jistgħu jagħmlu l-qarrejja. Fuq kollox, naqbel perfettament ma’ dan il-kumment preċiż u skjett ta’ Depares u kważi ma jifdalli xejn xi nżid iktar. Dan il-ktieb, li deher għall-ewwel darba fl-2024, huwa illustrat min iella, li tagħmel biċċa xogħol tajba immens fejn jidħlu l-illustrazzjonijiet.
Xi ħaġa li tispikka f’dan ix-xogħol hija d-disinn tal-ktieb fejn l-ispazju li toffri l-karta huwa mħaddem tassew b’mod oriġinali. Waqt li l-ambjent li qiegħda tgħix fih Lajla jikkonstrinġi l-‘possibbilità li jkollha l-ġwienaħ’, dan jagħmel kuntrast mal-istrofi stampati fuq il-paġni. Fil-paġni mdaqqsa hemm biss żewġ jew tliet strofi li jserrħu għajnejn il-qarrejja. Dan iġiegħel lill-qarrejja biex jgħarblu u jixtarru dawn il-versi u jirriflettu fuq il-ħajja ppakkjata li jgħixu ta’ kuljum. Anke l-kuluri li jlewnu l-paġni huma rifless tal-emozzjonijiet ta’ Lajla – fid-dinja fejn ‘kulħadd ikellmek’, ‘ma jċanfrek ħadd’ u ‘kulħadd ħbieb miegħek’ u ‘[ħ]add ma jwarrbek, żgur li qatt’, il-kuluri huma ċari, ferriħija u joffru kenn u serħan. Imma f’dak il-lejl li ma setgħetx toħlom u l-għeluq kien jinħass kullimkien jiddomina l-kulur iswed. Wara dawn il-paġni, fil-ħajja ta’ Lajla ssir bidla, li mhux biss tiġi milqugħa tajjeb mill-protagonista iżda wkoll mill-qarrejja li jaraw it-tama tinbet fl-ispazji miftuħa u ħodor.
Nemmen li l-qofol ta’ din il-poeżija-storja jintlaħaq permess ta’ din l-istrofa solitarja lejn tmiem il-ktieb:
’Mma mhux ġwienaħ bħal tal-għasafar,
jew dawk li ħolmot bihom billejl.
’Mma ġwienaħ ġewwa qalbha,
ħa jtajruha lejn kuntentizza,
mhux importanti ħafna ’l fejn.
Din l-istrofa turi biċ-ċar li Lajla twelled il-libertà li tant ilha tixtieq wara dixxerniment impenjattiv. Dan għaliex minkejja l-problemi tagħha bħala tifla, fosthom in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ma’ missierha minħabba l-ħajja mgħaġġla tiegħu u l-istress li timponi fuqha s-soċjetà biex tkun dejjem attenta u lventa, Lajla ħadmet kontinwament biex tilħaq u tkun dak li vermanet tixtieq. Fil-fatt il-kuntentizza li sabet Lajla mhijiex riżultat ta’ affarijiet esterni iżda hija xi ħaġa ġewwiena, fejn is-sors ewlieni ta’ dan id-dillirju ta’ ferħ jinsab fl-esseri tagħha, fil-profondità ta’ qalbha. Kienet in-natura li ġġiegħelha tiddentifika ruħha magħha u tħossha kompleta.
Ikolli ngħid li dan il-ktieb m’għandux udjenza partikolari, huwa miftuħ għal kull min hu disponibbli għall-bidla, li jsib il-libertà tiegħu jew tagħha fl-aktar affarijiet sempliċi bħan-natura. Mal-ewwel daqqa t’għajn, it-test jidher sempliċi, b’lessiku xejn tqil u kapaċi jinqara mit-tfal tal-primarja. Ir-rima tagħmel lit-test iktar melodjuż u jappella għat-tfal. Iżda jekk ikolli nqabblu ma’ pasta, dan il-ktieb qisu l-millefoglie. Calleja titfa’ saffi rqaq ta’ għaġina jħokku fuq xulxin, mingħajr ammont żejjed ta’ krema. Apparti li hu ktieb attwali immens għaż-żminijiet li qegħdin ngħixu, kull saf ta’ din l-għaġina jirrappreżenta sfida li teżisti fis-soċjetà Maltija. L-ironija hija fina u l-qarrejja kapaċi ma jindunawx biha jekk ma jiqfux u jirriflettu ma’ kull paġna. Il-karba għal-libertà u li wieħed jesprimi l-eżistenza huma essenzjali mhux biss f’dan il-ktieb imma fil-ħajja tagħna lkoll.