Tours tat-teatru nazzjonali Malti jkomplu fix-Xitwa

It-tours se jitmexxew mill-gwida professjonali u attur Jeremy Grech

Teatru Manoel se jkompli għaddej b'‘The Grand Tour of Teatru Manoel’, tour uniku tat-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna b’kollaborazzjoni ma’ House of Tours.  

It-tours se jitmexxew mill-gwida professjonali u attur Jeremy Grech.  

Dawk li se jattendu għal dan it-tour se jkollhom ukoll l-opportunità li jaraw uħud mill-kostumi oriġinali li jiffurmaw parti mid-Dipartiment tal-Kostumi tat-Teatru Manoel b’kollezzjoni ta’ iktar minn 10,000 kostum. Dawn il-kostumi ġew meħjuta mill-ħajjata tat-Teatru Manoel u għalhekk il-viżitaturi se jkunu jistgħu jaraw kif kull kostum għandu dettall partikolari li nħadem b’teknika mill-aqwa.   

Apparti l-kostumi, wieħed jista’ jara wkoll uħud mill-iktar props antiki li kienu jintużaw fit-Teatru qabel ma ġiet introdotta t-teknoloġija moderna kif nafuha llum, fosthom magna tar-riħ, thunder roller u rain box.  

Għall-ewwel darba, dawn it-tours se jkunu aċċessibbli għal kulħadd peress li issa t-Teatru Manoel għandu l-faċilità tal-użu ta’ lift li kien installat iktar kmieni din is-sena. Dan se jservi sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jesperjenza dak kollu li joffri t-teatru nazzjonali ta’ pajjiżna.  

Il-prezz ta’ dawn it-tours se jkun ta’ €20 għal kull biljett u kull grupp se jkun limitat għal 30 persuna. It-tours se jsiru kull nhar ta’ Tlieta fil-11.00am u fit-3.00pm. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew iċempel fuq 2124 6389. 

 

More in Arti