Il-musical ‘Ċetta from Valletta’ se jittella’ din il-ġimgħa
Din il-ġimgħa, l-udjenzi Maltin se jkollhom l-opportunità li jerġgħu jiskopru l-karattru ikoniku ta’ Ċetta, fil-musical ġdid u oriġinali 'Ċetta from Valletta'
Din il-ġimgħa, l-udjenzi Maltin se jkollhom l-opportunità li jerġgħu jiskopru l-karattru ikoniku ta’ Ċetta, fil-musical ġdid u oriġinali “Ċetta from Valletta”. Din il-produzzjoni, ispirata mill-kanzunetta popolari ta’ Paul Arnaud, tagħti ħajja ġdida lil Ċetta u l-personaġġi madwarha.
L-istorja tibda fil-bidu tas-snin ħamsin u ssegwi lil Ċetta, tfajla ferħana, imrobbija minn zijitha, il-mara ta’ qalb kbira Karmena u ħuha Duminku, li għażlu li ma jiżżewġux biex jieħdu ħsieb lil Ċetta. Fil-qalba tal-Mandraġġ, Ċetta ssir ħabiba ta’ kulħadd, minn baħrin sa ġirien.
Imma l-ġrajjiet tagħha ma jiqfux hemm. Mal-ħabiba tagħha Rita, tinqabad f’taqbida romantika ma’ żewġt irġiel mill-Belt Valletta, Ċensu u Pawlu, li jaħdmu flimkien ma’ Rita fil-Caffé Premier, fi Pjazza Reġina. Ċetta hija wkoll kantanta b’talent li taspira li timxi mill-palk ta’ Strada Stretta biex tkanta fil-Premier – pass li jibda avventura ġdida għal kulħadd.
F’dan il-musical, niltaqgħu wkoll ma’ karattri bħan-Notarju Antonio u l-qaddej tiegħu Ugolin, ħbieb tal-Baruni Nobbli Carlo u l-familja tiegħu li jgħixu Tas-Sliema. Fl-istess waqt, l-udjenzi jiftakru l-frażijiet famużi bħal “Penny for the pigeons” u l-mużika ta’ Oscar Lucas u l-banda tiegħu.
Mill-Mandraġġ sa Tas-Sliema nisimgħu l-ħolm, ix-xewqat u l-imħabba ta’ Ċetta. Dan il-musical żgur se jqanqal nostalġija u emozzjonijiet qawwija waqt li jieħu lill-udjenzi fi vjaġġ maġiku fil-passat tal-belt kapitali. Titlifx din l-opportunità unika biex tara lil Ċetta tirritorna fuq il-palk.