Kotba | L-eku tal-passat
Daniel Cossai jidħol fil-qalba tal-ispazji liminali tal-ħajja permezz tar-rumanz ġdid ta’ Roberta Bajada, Shadow Woods (Merlin Publishers, 2024)
Ottubru huwa xahar ta’ tranżizzjoni. Iservi ta’ pont bejn ix-xhur ta’ sħana u ta’ kesħa. Naqilbu s-siegħa. In-natura tinbidel u magħha nibdew nibdlu ħwejjiġna aħna u noħorġu l-kutri tant għal qalb ħafna qarrejja. Fil-kultura globali, Ottubru sar sinonimu mal-Halloween u l-istejjer tal-biża’. F’Malta, jaħbat eżatt qabel Jum il-Mejtin, l-ikbar tranżizzjoni immaġinabbli.
Sirt inħobb, kull Ottubru, naqra xi storja b’dawn l-elementi li jmorru id f’id mal-ambjent ta’ dan ix-xahar. Din is-sena kien imiss lil Shadow Woods ta’ Roberta Bajada.
Shadow Woods, fil-fatt, jaqbad perfettament dan is-sens ta’ tranżizzjoni: bejn stadji differenti tal-ħajja, bejn ħajja u mewt, bejn ir-realtà u l-immaġinazzjoni, u bejn dinjiet differenti, naturali u sopranaturali. Fil-qofol ta’ kollox hemm il-park tad-divertiment abbandunat u fittizju f’nofs bosk f’Dark Oaks, Texas, tant popolari fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet iżda li wasal biex jiżżarma. Dal-post misterjuż iqanqlilna kurżità kbira meta, kmieni fl-istorja, naraw lill-protagonist Daniel jirrifjuta kważi bil-herra li jħalli lil uliedu jżuru l-park abbandunat meta jgħaddu minn ħdejh fi triqithom minn Boston lejn Dark Oaks, fejn kellhom iqattgħu ġimagħtejn fid-dar taz-ziju Jeff fejn trabba Daniel meta kien għadu jgħix qrib Shadow Woods fl-aqwa tiegħu, jew meta nsiru nafu li omm Daniel meta kien għadu tifel ukoll kienet tgħidlu li tħallih imur kullimkien ħlief hemm.
Meta sirt naf bil-ktieb l-ewwel darba, l-idea tal-park fi storja li tieħu xi ftit mill-fantasija u mill-orrur, mill-ewwel fakkritni fi ktieb ieħor li qrajt f’xi Ottubrijiet ilu, Something Wicked This Way Comes ta’ Ray Bradbury. Wara li lestejt Shadow Woods, nibqa’ nqabbilhom sa ċertu punt, u dan nagħmlu b’sens ta’ tifħir billi l-ktieb ta’ Bradbury huwa għal qalbi ħafna. Għalkemm ma nafx jekk l-awtriċi hix familjari miegħu, l-influwenza tiegħu tinħass fl-ambjent u f’ċerti aspetti tal-plott.
Shadow Woods jalterna b’mod kostanti bejn iż-żjara ta’ Daniel u familtu fir-raħal ta’ Dark Oaks fl-2018 u l-aħħar ftit żmien li qatta’ hemm fi tfulitu, u b’mod partikolari jum wieħed f’Diċembru 1988, meta Daniel żar il-park għall-ewwel darba u ġraw għadd ta’ affarijiet li biddlulu ħajtu għal dejjem. Jikkorrispondi ma’ dawn it-tranżizzjonijiet hemm il-qlib bejn il-fantastiku-immaġinarju u r-reali-fiżiku. Il-ħajta komuni f’dawn in-narrattivi, li mad-daqqa t’għajn jidhru separati, hija s-sens ta’ karattri li jmorru lura biex jikkonfrontaw il-passat, li qatt ma jista’ jindifen għalkollox.
Din ir-reċensjoni wkoll se tkun waħda ta’ żewġ dinjiet opposti.
Mingħajr dubju, huwa ktieb li ħadt ħafna gost naqrah. L-istil ta’ Bajada jżommok. Ċerti immaġnijiet li tuża u d-deskrizzjonijiet inġenerali huma miktubin b’ħila kbira. L-isfond Amerikan tfassal tajjeb; għalkemm miktub bil-Malti, qatt ma ninsew li hi storja ambjentata fl-Amerka, b’karattri Amerikani li, sa fejn jgħidilna l-ktieb, m’għandhom l-ebda rabta ma’ Malta. Fil-fatt, għoġbitni sew li Bajada ma ddejqitx tuża l-Malti biex tirrakkonta storja tant iżolata mill-kuntest tal-gżejjer tagħna u hekk marbuta ma’ post barrani, anki jekk fittizju. Spiss inħoss li r-rumanzi bil-Malti jillimitaw ruħhom wisq għal stejjer tal-Maltin, bħallikieku mhux kull lingwa tista’ tintuża biex tgħid kull xorta ta’ storja.
Għalkemm, kif semmejt, jinħass ċertu dell ta’ ktieb magħruf fuq il-plott ta’ Shadow Woods, madankollu xorta nħoss li Bajada toffri ċerta innovazzjoni u nefħet nifs ġdid fil-kitba Maltija. Ir-rumanz donnu għandu f’moħħu udjenza adolexxenti — għalkemm bl-ebda mod mhu għaż-żgħar biss — u naħseb li ħafna qarrejja f’din l-udjenza se jieħdu gost jaqraw xi ħaġa differenti.
Imma jien m’għadnix ngħodd fost dik l-udjenza, u l-gost ma jistax ikun l-unika kriterju li nqis bħala reċensur. Il-ktieb għoġobni, mhux għax huwa bla difetti, imma minkejja xi nuqqasijiet xorta waħda tani pjaċir. Madankollu, fuq livell tekniku, inħoss li ma jaħdimx daqstant tajjeb. Jipprova jagħmel wisq f’wisq ftit, u sforz t’hekk jinħass qisu għandu naqra kriżi tal-identità. F’mitejn paġna, il-ktieb jgħaddi minn ktieb tal-waħx għal wieħed xi naqra iżjed maġiku, għal sens ultrareali li kważi jispiċċa każ ta’ misteru li jrid jiġi solvut. Għalkemm l-atmosfera ta’ dinjiet differenti jirfsu fuq xulxin, u li jitħalltu flimkien huwa l-ispirtu tar-rumanz u s-sors ewlieni tal-gost tiegħu, kultant din tinħass magħmula bla wisq ħsieb.
Xi affarijiet, għax hekk jagħmel sens għall-konklużjoni aħħarija, jintrabtu sew, anki jekk kultant b’mod naqra sfurzat; trajettorji oħrajn qishom jintesew, jitwarrbu u jibqgħu bla konklużjoni sodisfaċenti, biex ma ngħidx li jinħassu kważi kienu bla skop.
Il-ktieb fih numru ta’ mumenti ta’ rivelazzjoni importanti, imma dawn jitilfu naqra mill-qawwa narrattiva tagħhom għax mill-mod kif huma ppreżentati, malli taqa’ l-ewwel pedina, il-maġġoranza ta’ dak li jsegwi, ħlief forsi l-ġrajjiet tal-aħħar tletin paġna, huwa xi naqra ovvju, u allura nispiċċaw b’għadd ta’ episodji fejn qisna diġà nafu x’se jiġri. Id-deus ex machina, teknika fejn toħroġ soluzzjoni kważi mill-ajru biex tmexxi l-plott ’il quddiem, rajtha użata xi ftit iżżejjed.
Stilistikament, minkejja l-espressjoni sabiħa ta’ Bajada, hemm teknika rikorrenti li tistona grammatikament, li wasslitni nistenna li hemm xi skop warajha li se jinkixef eventwalment imma baqa’ qatt ma wasal. M’għandix dubju li l-edituri u l-awtriċi għandhom raġuni għaliex inkludewha, imma umilment inħoss li ma ħadmitx u kellha tiġi editjata ’l barra għax, kull darba, tispikka u ttellef ir-ritmu tal-qari mingħajr skop narrattiv evidenti.
Huwa b’din it-togħma li ħallieni Shadow Woods. Bħala ktieb, żgur li mhux se ninsieh u l-gost li tani, imma nħoss li — x’ħasra — il-viżjoni ta’ Bajada ma laħqitx l-ogħla potenzjal tagħha. Din biċċa xogħol tajba li setgħet tiġi rfinata ħafna iżjed waqt l-editjar biex tilħaq livell saħansitra ogħla.