L-Iżvizzera: Il-Ġenna tal-art
Jitkellmu b’4 lingwi iżda m’għandhomx waħda tagħhom
Jekk kienet teżisti xi ġenna fl-art żgur li din kienet fl-Iżvizzera. Pajjiż li hu meqjus bħala wieħed mill-iżgħar fl-Ewropa b’popolazzjoni ta’ 8 miljuni u b’daqs ta’ 26,000 kilometru kwadru. Immaġina li meta mqabbla ma’ Malta li hi 200 kilometru kwadru, hi 130 darba akbar minnha u meqjusa fost l-iżgħar.
L-Iżvizzeri jitkellmu b’erba’ lingwi iżda mbagħad m’għandhomx waħda tagħhom. 74% minnhom jitkellmu bil-Ġermaniż, 21% bil-Franċiż, 4% bit-Taljan u 1% bil-lingwa romantika imsejħa r-Romansh li normalment jitkellmuha biss lejn in-naħat ta’ San Moritz. Minkejja dan, il-lingwa Ingliża qed issir il-ħames lingwa minħabba l-fatt li huma l-ħafna Żvizzeri li jekk tistaqsihom bl-Ingliż iweġbuk lura bl-Ingliż.
Ir-rata tan-nies illiterati hi ta’ 1%, li hi kważi nulla meta wieħed ikun jaf li f’Malta fl-2012, kienet ta’ 36%. Il-medja tal-età li jgħixu l-Iżvizzeri hi ta’ 86 sena għan-nisa u 81 sena għall-irġiel u hi fost l-ogħla fid-dinja, milħuqa biss mill-Iżvediżi u l-Ġappuniżi.
Il-qligħ medju ta’ kull persuna hu ta’ madwar €52,000 fis-sena jew ta’ €4,000 fix-xahar, għaliex ta’ min ikun jaf li fl-Iżvizzera, is-salarji jitħallsu fuq 13-il xahar.
Anke jekk ħafna jaħsbu li l-belt kapitali hi Zurich, fil-fatt, il-kapitali hi Berna għalkemm l-aktar bliet prominenti huma Zurich, Ġinevra, Basel u Lausanne.
L-Iżvizzera hi kważi kollha muntanjuża fejn l-Alpi jieħdu 3 minn kull 5 partijiet (3/5) tal-Iżvizzera. Pajjiż li għandu kollox minbarra baħar, għax dan il-pajjiż hu magħluq bejn 5 pajjiżi oħra Ewropej. Fuq in-naħa tal-Punent insibu Franza, fit-Tramuntana insibu l-Ġermanja, fuq in-naħa tal-Lvant insibu l-Awstrija u Liechtenstein u fin-naħa t’isfel hemm l-Italja.
L-Awstrijaċi kienu għamlu diversi attentati biex jirbħu din l-art iżda qatt ma rnexxielhom u n-newtralità tal-Iżvizzera kienet deċiża fl-1515. Illum, l-Iżvizzera hi magħmula minn 26 ‘canton’ jew stat li kollha huma awtonomi minn xulxin, għalkemm jaqgħu taħt parlament wieħed li jinsab f’Berna.
Il-villaġġi u bliet Żvizzeri jaffaxinawk, billi kollha kemm huma huma mdawrin b’muntanji u lagi, dan il-pajjiż hu magħruf għall-ġmiel naturali tiegħu. Il-muntanji, għall-vjaġġaturi Maltin huma ħolma speċjalment għaliex diversi minnhom għandhom il-quċċati tagħhom bis-silġ anke fis-sajf. Bil-Matterhorn tkun l-ogħla muntanja b’4,478 metru u anke t-Titlis tigarantixxi borra 365 ġurnata fis-sena u li biex titla’ fuqha tirkeb l-unika ‘cable car’ li ddur 360 grad matul il-vjaġġ tagħha sal-quċċata, u tħallik tara xenarju spettakolari bil-kumdità kollha.
Ix-xmajjar ukoll jagħmlu parti importanti mill-Iżvizzera fejn ix-xmara Rhine hi l-aktar waħda prominenti u t-tieni l-akbar fl-Ewropa wara d-Danubju, b’1,230 kilometru. Tibda mill-Kanton ta’ Grabunden fl-Iżvizzera, titlaq għal Ġermanja, tgħaddi mill-Olanda u tispiċċa fil-Baħar tat-Tramuntana. Qabel tidħol fil-Ġermanja tagħmel kaskada mill-isbaħ li jsejhulha Rhine Falls. L-akbar kaskada fl-Ewropa u min iżurha jibqa’ ċċassat bil-maestożità tagħha.
La hemm il-muntanji, bil-fors li jkun hemm il-lagi u fil-fatt fi Żvizzera hemm 16-il lag bl-akbar wieħed minnhom ikun Lac Leman jew kif ħafna jsibuh, Lake Geneve li fih 581 kilometru kwadru, ħames darbiet akbar minn Malta.
Iżda min jaħseb li l-Iżvizzera hi biss muntanji, xmajjar u lagi jmur żbaljat għax hi mimlija bliet u villaġġi medjevali, kastelli u għelieqi mimlija dwieli, frott u ħxejjex. Dan barra l-foresti mimlija annimali u tajr li huma protetti mill-Gvern wara li ħa ħsieb li jaqta’ l-kaċċa minn diversi żoni.
L-ikel tradizzjonali
L-Iżvizzera mhux pajjiż irħis, speċjalment fejn jidħlu ristoranti u ikel. Iżda ma tistax tmur l-Iżvizzera u ma dduqx il-fondue, ir-raclette u r-rosties. Tliet platti tradizzjonali kollha bbażati fuq il-ġobon. Għax il-pajjiż għandu l-aqwa baqar u nagħaġ li jagħtu ħalib mill-aktar bnin minħabba li dawn jirgħu b’mod naturali. Il-ġobon tagħhom hu l-għira ta’ ħafna u għalhekk fondue tal-ġobon ma tistgħux tfallu li tikluh. Tippruvawx tieklu għaġin hemmhekk, għax barra li hi għolja mmens xejn mhi tajba, fejn il-kelma ‘al dente’ ma teżistix. Lanqas il-pizez mhuma fost l-itjeb.
Kif tasal hemm
L-uniku mod kif tasal hemm hu bl-Air Malta għal Zurich. Iżda jekk wieħed jikri karozza u jagħżel li jagħmel road trip fl-Iżvizzera, allura jista jieqaf Bergamo (Ryan Air) jew Milano (Ryan Air/Air Malta) u jibda l-vjaġġ tiegħu minn Lugano li hu siegħa bogħod minn Milan. Inkella minn Turin (Ryan Air) jibqa’ tielgħa lejn Aosta u jidħol l-Żvizzera min-naħa ta’ Franza.