
Imniedi Skeċċ – Il-Festival Nazzjonali ta’ Drammi Qosra
Dan il-festival ġdid se jinkludi produzzjonijiet teatrali qosra u oriġinali li qatt ma ttellgħu qabel, u se jesploraw temi kontemporanji u d-diversità kulturali

Bħala parti mill-programm tal-2024/2025, Spazju Kreattiv iniedi l-proġett teatrali innovattiv u varjat li jġib l-isem ta’ Skeċċ – Il-Festival Nazzjonali ta’ Drammi Qosra u li se jittella’ bejn il-5 u s-7 ta’ Ġunju li ġej.
Dan il-festival ġdid se jinkludi produzzjonijiet teatrali qosra u oriġinali li qatt ma ttellgħu qabel. Kull dramm, b’medda ta’ bejn 10 u 20 minuta, se jkun bil-Malti jew bl-Ingliż u jesplora temi kontemporanji u d-diversità kulturali. Wieħed se jkollu ċ-ċans li f’serata waħda jara d-drammi kollha. Il-produzzjonijiet magħżula se jiġu ppreżentati tliet darbiet fuq it-tlett ijiem f’diversi bnadi ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta.
L-għan prinċipali ta’ dan il-festival huwa li jservi ta’ pjattaforma prinċipali għal vuċijiet ġodda u talent emerġenti, filwaqt li jinkoraġġixxi l-kreattività u perspettivi friski fis-settur tat-teatru. Il-festival se jinkludi taħlita ta’ kittieba li diġà għandhom esperjenza, kif ukoll oħrajn ġodda fil-qasam teatrali. B’hekk, din l-inzjattiva se toffri spazju għal atturi u diretturi li ilhom fil-qasam kif ukoll għal dawk li qed jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fit-teatru. Dan se jgħin biex filwaqt li l-livell ikun dak mixtieq, jitħalla spazju għal min qatt ma kellu l-opportunità li jħaddem il-ħiliet tiegħu u b’dan il-mod jintlaħaq il-qofol ta’ dan il-festival għal perspettivi u vuċijiet ġodda.
Joseph Galea, id-Direttur tal-Festival Skeċċ, stqarr li “Bħal inizjattivi ewlenin oħra li jtella’ Spazju Kreattiv, Skeċċ għandu jsib postu fil-kalendarju artistiku ta’ pajjiżna. Bħala ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività, żgur li Spazju Kreattiv huwa l-post ideali sabiex jikkura festival bħal dan permezz ta’ spazji differenti. Nittamaw li dan il-festival iħalli legat billi fis-snin li ġejjin naraw aktar kittieba u gruppi kreattivi li jkunu bdew il-vjaġġ tagħhom hawn u li jkomplu javvanzaw fix-xena teatrali.”
Id-Direttur ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopari qal li “Permezz ta’ dan il-proġett ġdid, Spazju Kreattiv jibqa’ fuq quddiem biex jipprovdi opportunitajiet lil artisti emerġenti biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’qafas professjonali li jiftħilhom il-bibien fis-settur. Barra minn hekk, il-festival jippermetti li jintlaħqu udjenzi ġodda li jsibu inizjattivi li jistgħu jirrelataw magħhom. B’hekk, il-programm ta’ Spazju Kreattiv ikun ta’ referenza fejn wieħed jista’ jesperjenza temi u suġġetti topiċi u rilevanti li jqanqlu aktar interess fl-arti u l-kultura.”
Minn sitta u għoxrin applikazzjoni sottomessa ġew magħżula sitt drammi minn ġurija t’esperti li huma:
- “L-Istatwa” ta’ David Aloisio
- “Raġel fuq L-Irġiel” ta’ Karl Schembri
- “Sweet Sixteen” ta’ Josue Formosa
- “Unspoken Bonds” ta’ Stefan Galea Debono
- “Qas Jekk Jinżlu l-Allat” ta’ Clint Chircop
- “Il-Wieħed u Sebgħin” ta’ Brandon Terribile
Għal aktar informazzjoni dwar Skeċċ żur www.kreattivita.org.