Firenze: Mużew ħaj

  • Belt attiva u ħajja, mimlija bi ħwienet tal-aqwa moda, ristoranti, pubs u anke suq li jarma kuljum

Firenze, il-kapitali tat-Toskana bla dubju hi l-isbaħ belt fid-dinja (skont jien u miljuni ta’ turisti li jżuru l-belt tat-twelid tar-Rinaxximent). Mużew ħaj, belt mimlija arti, belt mimlija kultura, belt b’arkitettura tipika. Il-belt fejn twieldu l-crème de la crème ta’ dawk li kitbu l-istorja artistika Taljana: Dante, Leonardo, Brunelleschi, Michelangelo, Donatello, Galileo Galilei, Franco Zeffirelli u Roberto Cavalli huma l-ftit minn dawn il-personaġġi li bidlu mhux biss l-Italja iżda d-dinja kollha tal-arti.

 

Ftit tax-xhur ilu ddeċidejt li nqatta’ ġimgħa fil-qalba tal-isplendur Toskan. Iddeċidejt li noqgħod f’lukanda 2 star fejn il-ġar tiegħi ma kien ħadd għajr Dante Alighieri għax il-lukanda kienet biss żewġ bibien ’il bogħod mid-dar fejn għex Dante li llum hi konvertita f’gallarija tal-arti kontemporanja.

 

Iċ-ċentru storiku ta’ Firenze hu mimli pjazez mill-aktar eleganti, palazzi rinaxximentali, ġonna, knejjes, mużewijiet u gallariji tal-arti. U biex jirnexxilek tiskopri kull ċentimetru ta’ din il-belt, kulma għandek bżonn hu żarbun tajjeb għall-mixi, mappa u saqajn tajba. Ikolli nammetti li biex dortha sew domt tlett ijiem sħaħ b’10 sigħat ta’ mixi kuljum, fejn żort l-Uffizi u palazzi Pitti fid-dettal. Għajjejt fuq li għajjejt iżda kien ‘worth it.’ Forsi stajt neħodha aktar bil-mod u nagħmel jumejn oħra fil-belt, meta minflok, użajt l-istess ġranet biex żort bliet oħra affaxxinanti fil-viċin, bħal San Gimignano li hi belt medjevali fortifikata u Siena, li wieħed jista jilħaqhom bi vjaġġ mhux daqstant twil bil-kowċ u li jiġik ferm irħas milli tmur bit-tren.

Biex jirnexxilek tidħol l-Uffizi li hu mużew bl-akbar kollezzjoni ta’ arti li jġibulek għajnejk wara widnejk, normalment trid toqgħod fil-kju għal ħafna ħin. Iżda hemm żewġ modi kif tista tiskappa dan il-kju, jew li taqta’ l-biljetti minn fuq l-internet li jiswewk id-doppju iżda tqabbeż il-kju. Inkella tmur kmieni mat-8.30 am ħalli x’ħin jiftaħ tkun minn ta’ quddiem fejn fi kwarta jirnexxilek tagħmilha.

Kif tkun hemm, ma tistax ma timmeraviljax ruħek tħares lejn il-wiċċ li jimmesmerizzak ta’ Venus ta’ Botticelli, jew il-faxxinu tax-xogħol tal-istess maestro, ‘Primavera’, u ħafna u ħafna aktar. Qattajt erba’ sigħat sħaħ nippassiġġa u niċċassa lejn il-kapulavuri filwaqt li ma ndunajtx li saqajja bdew juġgħuni bl-għajja.

Ġurnata oħra u ġurnata oħra twila ta’ mixi. Qsamt il-famuż Ponte Vecchio u hemm sibt jistennieni Palazzo Pitti, ħallast €12 oħra u sibt ruħi fil-Giardini Boboli. Nammetti li ddeċidejt li ma nżurx il-gallarija tal-arti li kien hemm, għax ridt inħalli għajnejja biex jitpaxxew b’David ta’ Michelangelo fl- Accademia għaż-żjara ta’ wara.

Barra l-arti, Firenze hi belt attiva u ħajja, mimlija bi ħwienet tal-aqwa moda, ristoranti, pubs u anke suq li jarma kuljum fejn fih jinbiegħu kull tip ta’ ġgieget tal-ġilda, basktijiet tal-ġilda u ingravajjet mill-isbaħ u jkolli nammetti li ma stajtx ma nixtrix nofs tużżana ingravajjet ta’ Firenze (għalkemm ma nafx jekk kinux magħmulin iċ-Ċina).

U xi ngħidu għal kċina Toskana, skwiżita u unika fejn il-pappa col pomodoro, il-bistecca alla fiorentina mdemmija u la ribollita jinżlu għasel b’xarba inbid Chianti.

Malli tinżel ix-xemx Firenze timtela bil-‘buskers’, żgħażagħ ikantaw fit-toroq u jiżfnu fil-pjazez waqt li t-turisti Ġappuniżi kollha jiġbdu r-ritratti tal-istatwi li jżejnu Piazza della Signoria. Dawk kollha li jridu jispiċċaw il-lejl b’xi xarba tajba, jistgħu jsibu lokal fiż-żona ta’ Santa Croce (speċi ta’ Paceville). Min-naħa tiegħi għażilt li nagħmel passiġġata romantika qalb l-opri ta’ arti ta’ Firenze fejn għamilt waqfa għal ġelat tajjeb minn waħda mill-ġelateriji artiġjanali li hemm.

Ma semmejtx id-Duomo u d-diversi knejjes li hemm f’Firenze, fejn żgur li jekk iżżur Firenze se tidħol fid-Duomo u titla’ anke fil-koppla ta’ Brunelleschi li hi koppla li ħafna periti jistudjaw fuqha sal-lum. Barra hekk, attenti għax kull knisja li hemm trid tħallas madwar €4 biex tidħol għax kollha huma meqjusa bħala opra tal-arti. Dejjem jekk ma jkollokx karta tal-identità ta’ Fiorentino li tista tidħol b’xejn biex titlob. Hemm madwar 12-il knisja li wieħed jista’ jżur f’Firenze.

 

 

 

 

More in Divertiment