Praga: il-belt tal-elf kampnar
- B’4 miljuni u nofs turist fis-sena, hi fost l-aktar sitt ibliet li jżuruha turisti fl-Ewropa
Praga hi magħrufa bħala l-belt tad-deheb jew aħjar bħala l-belt tal-elf spiral (kampnar) għax minn kull fejn tħares, tara kampnari għoljin ifeġġu minn fuq ix-xefaq ta’ din il-belt mimlija kultura. Tant li l-parti l-antika u l-kastell hu monument komplet tal-UNESCO b’toroq pavimentati u b’arkitettura li taqtgħalek nifsek. Din il-belt hi wkoll mimlija ristoranti, bars, clubs u famuża mmens għal-ħajja ta’ bil-lejl (night life).
Il-belt kapitali u l-akbar belt fir-Repubblika Ċeka hi wkoll l-14 l-akbar belt fl-Unjoni Ewropea b’popolazzjoni ta’ 1.3 miljun persuna. Iżda kuljum fi Praga jkun hemm 2 miljun persuna, bit-turiżmu dejjem jikber f’din il-belt li tant saret imfittxija minn turisti minn madwar id-dinja kollha.
Charles Bridge
Passiġġata ma' Charles Bridge hi l-aktar attività sabiħa għal dawk li jżuru Praga. Għax mid-9 ta filgħodu ’l quddiem dan il-pont li hu twil nofs kilometru, jinbidel f'teatru tat-triq, nies ibigħu minn kollox, buskers ta’ kull tip u eluf ta’ turisti. Jekk tridu tgawdu s-serenità ta' dan il-pont mill-isbaħ, morru kmieni filgħodu. Fir-rassa ħudu ħsieb il-bwiet u l-kartieri.
Il-Pjazza ta’ Wenceslas
Din hi l-aktar parti vibranti ta' Praga, mimlija lukandi appartamenti, bars, clubs u ristoranti, banek u x-shopping district. Hi t-tieni pjazza prinċipali fi Praga u tinsab fil-parti l-ġdida ta' Praga.
Ġdida għax kien taha dan l-isem King Charles, meta bniha fl-1348 għax għalih kienet ġdida u bagħet tissejjaħ hekk.
Minn din il-pjazza, wieħed jasal għal kull attrazzjoni oħra fi Praga. Hi twila 750 metru u wiesgħa 60 metru. U kienet inbniet biex tkun suq għall-bejgħ taż-żwiemel 650 sena ilu.
Illum kull parata li ssir fi Praga tuża din il-pjazza grandjuża għax tesa’ madwar 400,000 persuna, daqs il-popolazzjoni ta' Malta kollha.
Wara dan il-monument, wieħed isb il-Mużew nazzjonali u fuq ix-xellug l-Istate Opera House.
L-Arloġġ Astronomiku
Ironikament jekk trid tara l-ħin meta tkun quddiem dan l-arloġġ astronomiku, aħjar tħares lejn l-arloġġ li hemm fuqu għax niżgurakom li ma tifhmu xejn minn dan l-arloġġ mekkanizzat tal-1490 mill-kreatur tiegħu Master Hanus, li jgħidu li wara li lestih għamewh ħalli ma jkunx jista’ jikkupjah u jagħmel xi ieħor x'imkien ieħor, għalkemm din hi biss leġġenda. Dan hu l-aktar arloġġ astronomiku antik li għadu jaħdem.
L-erba’ figuri li hemm mal-ġenb tal-arloġġ jiċċaqalqu kull siegħa, dawn kienu erba’ figuri li jisimbolizzaw erba’ affarijiet li kienu mibgħudin dak iz-żmien li nbena l-arloġġ. L-ewwel hemm il-figura li tirrapreżenta l-vanità, b’figura tħares lejn il-mera. Imbagħad hemm il-qammiel iżomm borża bid-deheb li tirrapreżenta l-regħba u l-użura. It-tielet figura tirrapreżenta l-mewt, bi skeletru li jħabbat il-ħin kull siegħa, u t-Tork li jirrappreżenta l-pjaċiri u d-divertiment bla rażan.
Fin-naħa ta’ fuq hemm l-istatwi tat-12-il appostlu li narawhom kull siegħa. Bis-serduq jidden ukoll.
Il-bambin ta’ Praga
Fin-novella klassika Ċeka 'I served the King of England', tissemma statwa mirakoluża 'Bambino di Praga' u ħafna dejjem qisuha bħala fittizja. Iżda jibqa’ fatt li din il-knisja Karmelitana għandha bambin tax-xema’ li għandu 400 sena li jissejjaħ il-bambin ta' Praga li jgħidu li ilu jipproteġi lil din il-belt minn dak iż-żmien. Hemm tradizzjoni li din il-figura ċkejkna ta' 47 ċentimetru jiġifieri pied u nofs, għandu 70 libsa differenti li jbiddluhomlu s-sorijiet skont il-kalendarju reliġjuż.
Il-kastell ta’ Praga
L-aktar attrazzjoni popolari ta' Praga hu l-kastell, li hu l-aktar kastell antik fid-dinja skont il-Guiness Book of Records. Huwa twil 570 metru u jinsab mibni fuq art kbira daqs 7 grawnds tal-futbol.
Dan il-kastell minn dejjem kien il-post fejn irrenjaw il-mexxejja Ċeki billi kien ir-residenza uffiċjali tal-kapijiet tal-istati. Dan sakemm l-ewwel president tar-Repubblika Ċeka, Vaclav Havel għażel li ma jgħixx iktar hawn u jmur jgħix fid-dar tiegħu.
X’tiekol fi Praga
Barra l-ġmiel, l-istorja, l-ispirali u l-pontijiet, Praga tħossha kburija bil-birra artiġjanali tagħha li hi waħda mill-itjeb fl-Ewropa u forsi l-irħas jekk ma teħodiex minn fuq mejda fil-pjazza l-antika, għax hawn il-prezz jittrippla. Il-fatt li Praga hi mdawra mill-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija u l-Polonja, wassal biex ir-riċetti tradizzjonali tagħhom spiċċaw mid-dinja kulinari tagħhom, biex huma stess jgħidulek li l-ikel proprju Ċek jippreferu li jikluh mid-dar milli mir-ristoranti. Dan għaliex fir-ristoranti ssib ħafna platti ta’ pajjiżi ġirien. Iżda l-aħħar li mort, nammetti li sibt ristoranti li kapaċi joffru laħam tajjeb (għax kważi l-platti tagħhom kollha bbażati fuq laħam) bil-gravy tipiku tagħhom. Attenti biss mir-ristorantiu fiċ-ċentru turistiċi fejn huma kollha nases għat-turisti bi prezzijiet eżaġerati u bi kwalità mill-aktar baxxa.
Kif Tasal
L-aħjar mod hu bl-ajru bil-Lufthansa jew Air Malta, iżda jkolli nammetti li l-prezzijiet mhux dejjem irħas wisq. Jekk int avventuruż tista tmur sa Vjenna u taqbad kowċ inkella tren li tieħu madwar 3 sigħat u twasslek Praga.