L-Awstrija: L-art tal-muntanji...l-art ta’ madwar ix-xmajjar

It-torta oriġinali hekk imsejħa ‘Sachertorte’ hi l-aktar kejk famuż fid-dinja kollha sa mill-1832

Dan il-kliem jifforma parti mill-innu nazzjonali Awstrijak u huwa veru fatt! Għalkemm l-Awstrija hi aktar minn hekk.

L-Awstrija hi art ta’ rikkezzi arkitettoniċi u hi art rikka bi storja kbira, meta kienet tiddomina l-Ewropa fis-seklu sittax fi żmien il-familja Hapsburg. U anke jekk fin-negattiv, kienet tiddomina l-Ewropa meta kien Awstrijak, Adolf Hitler li ttanta xortih li jirbaħ id-dinja taħt il-kappa tan-Nażi.

F’dan l-artiklu se nduru dawra mal-Awstrija li tinsab f'nofs l-Ewropa, fejn se nibdew bil-belt kapitali Awstrijaka, Vjenna li hi l-akbar stat mid-disgħa li hemm fl-Awstrija.

Vjenna: Il-Belt Imperjali

Fi Vjenna jgħixu madwar żewġ miljun abitant u hi l-10 l-akbar belt bħala popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Vjenna hi viċin ħafna tar-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Ungerija.

Ma tistax tmur Vjenna u ma żżurx il-Palazzi Imperjali u affaxxinanti ta’ Hofburg u Schonbrunn li fil-ġonna tiegħu wieħed anke jista’ jżur l-aktar ‘zoo’ antik fid-dinja. Il-ġonna ta’ Schonbrunn m’għandekx għalfejn tħallas biex tippassiġġa fihom. Fihom, wieħed jista’ jimmaġina dawk ir-rejiet u prinċpijiet u prinċipessi li kienu jippassiġġaw fihom fis-snin tad-deheb meta l-Hapsburg kienu jirrenjaw. Iżda ma tistax ma ddaħħalx idejk fil-but biex iżżur dawn il-palazzi minn ġewwa wkoll, għax ir-rikkezzi u l-ġmiel ta’ dak li jġibu magħhom il-flus huma xi ħaġa li jħalluk iċċassat.

Vjenna fiha aktar minn 100 mużew tal-arti li jżuruhom aktar minn tmien miljun persuna fis-sena. Waqt li jkun qed jippassigga mal-belt kapitali Awstrijaka, wieħed ma jistax ma jarax il-kattidral ta’ San Stiefnu, l-Opera House, il-parlament Awstrijakk u l-ġonna tal-madwar, filwaqt li jqatta’ ftit ħin fuq il-Ferris Wheel tant antika u tant imsemmija fil-Prater li hu wieħed mill-eqdem ‘theme parks’ fid-dinja. Hemm, wieħed jista’ jqatta’ serata mill-aqwa. Xi ħaġa interessanti f’dan l-amusement park hu li ma trid tħallas xejn biex tidħol, iżda tħallas jekk tkun trid tirkeb xi ride mill-bosta li hemm. Bla dubju li t-tfal, se jneffquk xi ħaġa mhux ħażin jekk tkun qed iżżur il-Prater magħhom.

Minkejja dan, jien dejjem ippreferejt li mmur iż-żona Grinzing fejn hemmhekk tmur f’wieħed mid-dverni ‘heurige’ tradizzjonali fejn iservu l-inbid li jkun għadu qed jiffermenta b’togħma partikolari u ħelu, waqt id-daqq u l-kant tal-operetti popolari. Din iż-żona hi mimlija dverni, ristoranti u bars, bid-daqq live li ma tistax tfalli li tmur jekk iżżur Vjenna.

 

Sachertorte: Biċċa minn Vjenna

It-torta oriġinali hekk imsejħa ‘Sachertorte’ hi l-aktar kejk famuż fid-dinja kollha sa mill-1832 fejn ir-riċetta oriġinali hi sigriet moħbi biss fil-lukanda li ġġib l-istess isem Sacher Hotel. U din wieħed jista’ jsibha biss fil-kaffeterija tal-lukanda msejħa Café Sacher li jinsab faċċata tal-opera house. Anke jekk ġieli ssib ftit tal-kju biex tidħol, ma tistax iżżur Vjenna u ma tqattax ftit ħin hemm u timtela’ bi ftit kaloriji, iżda sew l-esperjenza tas-servizz u t-togħma bnina tat-torta żgur li tibqa’ memorabbli. Tinsewx ukoll li magħha tordnaw il-kafè tant imsemmi ta’ Vjenna, il-Wiener Café. Jien mort u ma ddispjaċinix, u kif nerġa’ mmur Vjenna, nerġa’ mmur għax hawn twieldet is-Sachertorte fl-1832.

Salzburg: Il-Belt tas-Sound of Music

Salzburg hi r-raba’ l-akbar belt fl-Awstrija u hi l-aktar magħrufa għal Mozart u għas-Sound of Music. F'Salzburg wiehed jista’ jgawdi t-toroq tal-belt antika, waqt li jitpaxxa bil-muzika ta' Mozart.

L-isem ta' Salzburg ingħata għall-kastell tal-melħ minħabba l-ħafna braken li kienu jġorru l-melħ tul ix-xmara Zalzach.

Għalkemm Salzburg kienet qalgħet ħafna bombi fil-gwerra, il-belt antika rnexxielha tibqa’ ntatta. Salzburg iżuruha wkoll tmien miljun turist fis-sena. Ħafna minn dawn it-turisti probabbilment ma kinux jersqu ’l hawn li ma kienx għal bniedem famuż li tant paxxiena u għadu jpaxxina bil-mużika tiegħu: Wolfgang Amadeus Mozart, li għex l-ewwel 25 sena tiegħu f'din il-belt Awstrijaka u wieħed jista’ anke jżur id-dar tiegħu jew aħjar il-mużew ta' Mozart.

Hohen Salzburg (Salzburg ta’ fuq) hu wieħed mill-aktar kastelli sodi fl-Ewropa li jinsab 400 metru fuq ix-xmara Salzach li jiddomina l-pajsaġġ ta' din il-belt. Wieħed jista’ jitla’ jgawdi l-veduta minn hemm fuq permezz ta' funikular mill-belt l-antika, ux-xena li tara minn hemm fuq hi waħda spettakolari. Kartolina ħajja. Ngħid għalija Salzburg hi waħda mill-aktar bliet favoriti tiegħi.

Minn hemm, wieħed jista’ jitlaq il-bini medjevali u jiftaħ il-pulmun fil-‘Lake District’ tal-Awstrija, f'Hallstatt. Xenarju spettakolari li kien gawdut sew minn l-Imperatur Franz Josef kif ukoll minn Julie Andrews fil-film The Sound of Music. Hallstatt hi oasi tal-paċi.

Kif tasal hemm

L-Air Malta hi l-aħjar mezz li twasslek Vjenna. Tinsewx li Vjenna u l-Awstrija hi sabiħa mhux biss fis-sajf iżda f’kull staġun. Bix-xitwa tagħti dehra bajdanija u romantika fl-Alpi Awstrijaċi.

Mhux ta' b'xejn li l-Awstrija hi destinazzjoni ferm imfittxija mill-Maltin għax dan hu l-pajjiz tal-mużika, kultura u xenarju spettakolari.

 

 

 

 

More in Divertiment