Dar ir-Rummien – L-aktar short film riċenti bil-Malti
Fis-7 ta’ Novembru, fit-8:00 p.m. ġewwa Dar il-Mediterran se jintwera film qasir jismu “Dar ir-Rummien.” Dan se jsir waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Fiera li hija mtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u se tkun miftuħa mill-4 sat-8 ta’ Novembru, bl-iskop tagħha jkun li ssir promozzjoni dwar il-qari tal-letteratura’ Maltija.
Kienet permezz tal-inizzjattiva tal-KNK mal-Public Broadcasting Services li organizzaw kompetizzjoni miftuħa għall-pubbliku fi Frar li għadda, bl-intenzjoni li jiġi mfassal film qasir. Waħda mill-kundizzjonijiet ta’ din il-kompetizzjoni kienet li l-istorja magħzula kellha tkun diġà ppublikata taħt forma ta’ ktieb. Dan sar bl-intenzjoni li l-kunċett tan-narrazzjoni ta’ storja, li qed jinbidel maż-żminijiet, illum l-ġurnata jista’ wkoll jissawwar f’film. Kienet il-produzzjoni ta’ 2DoorsMedia li rebħet dan il-Konkors għall-Films Qosra. L-istorja li jisimha “Dar ir-Rummien”, hija waħda mis-sensiela ta’ novelli qosra u narrattivi ta’ Pierre J.Mejlak, mill-ktieb tiegħu “Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid” ippublikat minn Merlin Libraries. Storja romantika fejn insibu l-protagonist Ġanni, interpretat min Eugene Bajada, jirrakkonta l-istorja tal-ewwel imħabba tiegħu lil bintu Joy, interpretata min Ema Grech.
Il-ko-produtturi Manuel Xuereb u Federico Chini kienu kapaċi jsawru din l-istorja fi ‘screenplay’u jinterpretawha b’baġit ta’ €7,000 investit mill-KNK u bl-għajnuna tal-PBS li offrielhom l-għoddha tad-dwal u lil Joseph Cremona li ħadem bħala Direttur tal-Fotografija. Il-film inħadem fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju, ġewwa Għawdex. L-istorja hija fiha nnifisha frott u wirt is-sbuħija li toffri l-gżira Għawdxija. L-għażla kienet kruċjali għall-viżjoni tad-direttur Federico Chini, li għalih dan huwa t-tieni film qasir li ħadem f’temp ta’ sena.
Din hija opportunità memorabbli għal dawk li pparteċipaw biex jespandu t-talenti tagħhom f’din l-industrija tant prominenti. Żewġ punti ta’ koinċindenza li ta’ min wieħed jinnota huma: Dan il-film qasir se jkun qed jintwera fl-istess żmien li ħa joħroġ il-film ‘By The Sea’ maħdum f’Għawdex xi sena ilu, u ż-żewġ ko-produtturi kienu jaħdmu flimkien fuq Pellikola.
Ix-xogħol fuq il-produzzjoni huwa frott il-ħidma tal-Kummissjoni Maltija tal-Film, li id f’id mal-Gvern taħdem biex tattira produzzjonijiet barranin sabiex jiġu jaħdmu l-films tagħhom ġewwa pajjizna. Aktar ma jkun hawn esperjenzi bħal dawn f’dan il-qasam, aktar ikun jista’ jqum fuq saqajh il-qasam tal-Films Maltin. Fil-fatt fl-aħħar ftit snin qegħdin naraw li l-prodott Malti dejjem jiżdied fil-kwantità u l-kwalità.
Min irid jara dan il-proġett aktar mill-qrib, jista’ jidħol fuq il-paġna uffiċjali fuq Facebook sabiex jara ritratti mill-ġranet tal-filmat. Fl-istess waqt, hemm ftehim mal-PBS sabiex dan il-film qasir jintwera fuq TVM għall-vaganzi tal-Milied. Dan se jagħti ċ-ċans lill-pubbliku Malti biex jitgħaxxaq bis-sbuħija tal-istorja ta’ ‘Dar ir-Rummien’.