l-Umbria: L-art tal-qaddisin u t-Tartufo

Vjaġġi mal-Bużu

Norcia
Norcia

Ħadt l-okkażjoni minn offerta tar-Ryan Air għall-ajruport ta’ Ciampino f’Ruma fejn ħallast biss €49 u offerta oħra minn membru tal-familja li jgħix Terni fl-Umbria biex inqatta’ ftit tal-jiem għandu. L-offerta tiegħu kienet estiża billi jdawwarni bil-karozza tiegħu u jorganizzali ikliet tradizzjonali kull filgħaxija u anke pranzu differenti kuljum. X’irrid iżjed? Offerta li ma stajtx nirrifjutaha u fl-istess ħin xtaqt naqsam din l-esperjenza mill-isbaħ fiż-żona ċentrali tal-Italja. Żona msemmija għat-Tartufo li huwa speċi ta’ faqqiegħ li jitrabba taħt il-ħamrija u jinstab permezz ta’ klieb speċjali u anke b’xi tip ta’ ħnieżer li jxommuh. Faqqiegħ li jiswa ħafna, speċjalment jekk ikun tax-xitwa, għax dak sajfi jinxtara b’nofs il-prezz tax-xitwa. L-Umbria jroxxu minnu sew mal-għaġin biz-zalzett speċjali tagħhom, inkella anke fuq il-laħam li wkoll jagħtih togħma unika. Dan mhux bħal dak li wieħed jixtri mis-supermarkets b’xi €3 għax dak hu biss riħa ta’ tartufo u mhux bit-togħma vera bnina.

Cascia
Cascia

L-art tal-qaddisin (jew persuni mistiċi)

Qatt ma naf li bdejt nikteb fuq pajjiż jew belt u ktibt fuq l-ikel qabel il-ġmiel tal-bliet jew villaġġi. Iżda jkolli nammetti li din iż-żona ħallietni nduq il-benna tal-ġenna f’dak li hu ikel u xenarju li jħallik bla nifs, barra li jħallik tgawdi bliet u rħula medjevali, wieħed isbaħ mill-ieħor, b’arkitettura li ma tagħtikx ċans tħares naħa jew oħra li ma tispiċċax trid tieħu ritratt ta’ dak li jkun hemm madwarek. Fost dawn it-teżori medjevali mpoġġija fuq għoljiet imdawrin bil-muntanji Appennini, wieħed isib arkitettura li timmeżmerizzak. Mhux ta’ b’xejn li ħafna minnhom huma mogħtija t-timbru ta’ patrimonju dinji mill-UNESCO.

Panorama minn fuq Orvieto
Panorama minn fuq Orvieto

Bliet bħal Spoleto, Orvieto, Assisi, Cascia, Norcia u Narni trid timxi diversi tlajja’ biex tara l-arkitettura u l-knejjes romaneski li jfiġġu f’daqqa waħda fi pjazez li joħorġu minn toroq imserrpin.

Iżda xi ħaġa li nnutajt hi li minn din iż-żona ħarġu diversi qaddisin fost l-aktar meqjuma fid-dinja Kattolika Rumana, inkella kif inħobb nsejħilhom jien persuni mistiċi li għexu sekli ilu, iżda li għadhom jgħixu fil-bażiliċi fejn huma meqjuma sal-lum. Qed nirreferi għal San Franġisk f’Assisi, flimkien ma’ Santa Kjara u Santa Rita ta’ Cascia li jsibuha bħala l-qaddisa tal-impossibbli. Kollha huma persuni mistiċi u qaddisin minħabba l-mod kif offrew ħajjithom għal ħaddieħor.

Roccaporena
Roccaporena

Li laqatni f’Cascia u Assisi kien il-fatt li kont naħseb li barra l-oqbra tal-qaddisin m’hemm xejn iżjed x’wieħed jara, iżda kont żbaljat mhux ftit meta speċjalment Assisi rajt li hi belt mill-isbaħ. Patrimonju dinji li iżda għandu difett wieħed, il-karozzi tar-residenti għaddejjin bla waqfien mit-toroq dojoq tal-belt.

Post ieħor li laqatni mmens u nħoss li hu l-isbaħ villaġġ medjevali li qatt żort f’ħajti s’issa (u żort mhux ftit) hu Narni li kulfejn tħares jaffaxinak. Villaġġ tas-seklu 12 bi knejjes li wkoll juru l-arkitettura ta’ 850 sena ilu.

Toroq li jmexxuk taħt il-belt

 

Bliet bħal Cascia, Spoleto, Orvieto u Perugia minħabba t-tlajja’ weqfin li wieħed irid jimxi biex iżurhom, ħadu ħsieb li bnew speċi ta’ ‘metro’ taħt il-belt fejn wieħed jista’ jmur minn pjazza għall-oħra b’‘escalators’ li jmexxuk huma u jiffrankawlek it-tlajja’. Dan żgur li għandu jħajrek biex ma taqtax qalbek int u sejjer lejn dawn il-bliet biex tarahom fil-quċċati tagħhom.

L-ogħla kaskata fl-Ewropa

Il-Kaskada delle Marmore
Il-Kaskada delle Marmore

Madwar 8 kilometri bogħod minn Terni, wieħed isib kaskata magħmula mill-bniedem. Kienu r-Rumani li ħolqu din il-kaskata biex iwasslu l-ilma lejn iċ-ċentru tal-Italja. Hi għolja 165 metru li tagħmilha l-itwal waħda fl-Italja u l-itwal waħda magħmula mill-bniedem fl-Ewropa. Fiha tliet sezzjonijiet. L-ilma tagħha ġej mix-xmara Velino bl-ilma jittieħed mill-lag ta’ Piediluco. Il-mixja tagħha tinfetaħ biex tagħti enerġija lil ‘power plant’ fil-viċin u biex it-turisti jkunu jistgħu jitpaxxew bis-saħħa kbira li jibda nieżel l-ilma biha mill-quċċata, li saħansitra jkollok tilbes inċirata biex ma tixxarrabx għasra. Matul ix-xitwa, l-ilma jinfetaħ kull nhar ta’ Sibt. Interessanti l-fatt li hemm trejqiet li jwassluk sal-quċċata fost xenarju u ħoss ta’ ilma għaddej minn ħdejk. Wieħed jista’ wkoll jitla’ sal-quċċata b’kowċ għal €1 u tinżel mat-trejqa ’l isfel, inkella titla sal-quċċata u tinżel bil-kowċ, jekk ma tkunx trid terġa’ tinżel mal-ħames trejqiet li hemm preparati għal min iħobb jagħmel trekking. Għal min jasal sa fuq, hemm mina li hi msejħa ‘the tunnel of love’ li wieħed joħroġ f’gallarija li tiġi biswit il-kaskada fejn għandek garanzija li ssir qisek fellus. Minkejja dan, l-osservatorju ta’ fuq joffrilek xena spettakolari tal-wied tax-xmara Nera.

Il-kampanja tal-Umbria
Il-kampanja tal-Umbria

Kif tasal hemm

L-aħjar mod li tmur minn Ruma b’Ciampino u Fiumicino jwassluk fil-lokalità li tagħżel fejn toqgħod int. Jien għażilt Terni li hu ċentrali. Post li ma fihx monumenti, iżda hi belt ‘vivabbli’, ħajja mimlija ħwienet u fl-istess ħin mhux kaotika.

 

 

 

 

 

 

 

More in Divertiment