Wales: L-art tal-kastelli u l-għoljiet

  • Kampanja spettakolari u shopping irħis

Wales hi penisola fil-naħa tal-punent tal-Ingilterra, u hi mdawra b’ħafna għoljiet u muntanji u tmiss mal-Oċean Atlantiku. Ix-xmara Dee hi x-xmara prinċipali, u l-belt kapitali Cardiff hi wkoll port u ċentru tal-bini tal-vapuri.

 

Kif wieħed jista’ jinnota, Wales tagħmel parti mill-Ingilterra u taqa’ wkoll taħt il-Gvern Ingliż, iżda fl-istess waqt għandhom lingwa għalihom, il-lingwa Keltika, li hi mitkellma minn dawk li jgħixu mal-fruntiera tal-Ingilterra. Din il-lingwa hi mitkellma minn madwar miljun ruħ f’Wales. L-abitanti hemmhekk, jitkellmu kollha bil-lingwa Ingliża iżda l-poplu ta’ Wales tħabat ferm biex iżomm il-lingwa tiegħu ħajja, tant li l-Gvern ta’ Wales jinkoraġixxi u jappoġġja kotba u plays bil-lingwa Keltika.

 

Il-leġġenda tgħid li d-dragun aħmar kien l-emblema tar-re Gwynedd li għex fis-seklu 5. Illum, din l-emblema tad-dragun insibuha fuq il-bandiera ta’ Wales u l-emblema Rjali.

 

Wales ukoll hi msemmija bħala l-pajjiż tal-kastelli, bl-isbaħ wieħed ikun dak ta’ Conway mibni mir-re Dwardu I fl-aħħar tas-seklu 13. Interessanti wkoll li wieħed ikun jaf, li l-ewwel pjanta tas-sweet peas kibret hawnhekk u kienet ir-reġina Eleonor, omm ir-Re Dwardu li kabbret l-ewwel pjanta fil-ġnien irjali tagħha.

 

Wales minn naħa t’isfel, hi magħquda mal-Ingilterra permezz ta’ Severn Bridge li jgħaddi minn fuq ix-xmara Severn, u hemm tilqgħek it-tabella ‘Welcome to Wales’ jew ‘Kreso Cumri’ għax f’Wales kull tabella hi miktuba b’żewġ lingwi, dik Ingliża u l-oħra bil-Welsh.

 

Caerphilly castle
Caerphilly castle

Wales hi mimlija kastelli mibnija mill-Ingliżi b’Caerphilly Castle ikun wieħed mill-akbar kastelli fl-Ewropa. Il-mod kif inhu mibni ħitan wara ħitan u mdawwar b’‘moat’ (tip ta’ diċċ wiesa’ mimli bl-ilma), kien kunsidrat bħala ‘state of the art’ fis-seklu 13 għad-difiża qawwija tiegħu.

Viċin insibu r-rovini ta’ Tintern Abbey fil-vallata trankwilla tax-xmara Wye. Darba kienet l-aktar abbażija (‘abbey’) sinjura f’Wales u mibnija fl-1131 f’sit magħżul mill-patrijiet Normanni għat-trankwillità. Kienet abbażija tal-patrijiet Ċisterċensi sal-1536 sa ma Enriku 8 waqqagħha. Tintern Abbey għal sekli sħaħ ispirat diversi patrijiet għat-talb u lill-poeta William Wordsworth għall-poeżija meta kiteb, "I felt a presence that disturbs me with the joy of elevated thoughts."

 

Cardiff: magħrufa għall-kastell u shopping

Il-kapitali ta’ Wales li kienet proklamata bħala belt kapitali fl-1955, hi l-akbar belt bl-akbar popolazzjoni, li kważi tlaħħaq dik ta’ Malta.

Severn Bridge
Severn Bridge

Il-fatt li tinsab fiċ-ċentru ta’ tliet sistemi ta’ xmajjar, The Taff, The Ely u The Rhymney dejjem għamilha bħala vantaġġjuża għan-negozju fejn l-ewwel poplu li ħa vantaġġ minn din il-lokalità kienu r-Rumani li bnew fortifikazzjoni fl-istess sit fejn illum hemm Cardiff Castle fil-55-60 AD. Xi fdalijiet mill-ħitan oriġinali Rumani għadek tista’ tarahom fl-interpretation centre tal-kastell. Din il-fortizza Rumana pproteġiet l-abitanti t’hawnhekk sat-350 AD fejn ġiet abbandunata fi tmiem ir-renju Ruman fil-Gran Brittanja.

Oriġinarjament, il-kastell inbena tal-injam u 100 sena wara, fis-seklu 12 Robert Consol, id-Duka ta’ Gloucester reġa’ bnieh tal-ġebel. Fejn il-ħitan inbnew fuq il-fdalijiet rumani.

Cardiff ipproduċiet diversi ismijiet famużi fis-seklu li għadda meta Shirley Bassey u Charlotte Church huma d-divas tal-mużika u li telgħu minn Cardiff. Cardiff hi msemmija wkoll bħala l-kapitali tax-shopping. Barra l-ħwienet fil-High Street li jġennu lil dawk ix-shopaholics hemm shopping mall enormi, St David’s li fih madwar 2 kilometri fuq tliet sulari u fih 200 ħanut fejn tonfoq flusek, dan barra shopping arcades oħra li hemm fil-High Street.

 

Cwmcarn forest drive

Il-kampanja Ingliża f’Wales hi waħda li taqtgħalek nifsek bil-ġmiel naturali tagħha. Sew jekk tmur fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Wales u anke fin-naħa t’isfel hemm mixjiet jew inkella ‘drives’ bil-karrozza li jħallulek memorja dejjiema u jirilassawk. Personalment krejt karozza u soqt fil-foresta Cwmcarn forest drive li fiha 11-il kilometru u tieħdok f’foresta mill-isbaħ b’xeni ta’ meravilja. Fiha seba’ picnic sites fejn hemm anke fihom xi skulturi. Fihom ukoll trejqiet biex wieħed jagħmel passiġġati, lag fejn wieħed jista’ jistad u anke trakki tar-roti. Hemm ukoll faċilitajiet ta’ fejn wieħed jista’ jagħmel xi BBQ billi kulma trid tagħmel, tixtri ċ-charcoal u l-ikel u tibda ssajjar f’ambjent li jiftaħlek aptit kbir (dejjem jekk ma tkunx ix-xita).

 

 

Snowdon Railway tieħdok fil-quċċata ta’ Wales

 

Fuq in-naħa ta’ fuq ta’ Wales wieħed isib dik li hi msejħa bħala muntanja, Snowdon. Muntanja qasira meta mqabbla mal-muntanji fuq il-kontinent. Fil-fatt hi għolja biss 1,150 metru iżda xorta waħda niggarantilkom li x-xenarju minn hemm fuq hu wieħed spettakolari. Illum nitilgħu għoli ta’ 3,650 pied fis-saqaf ta' Wales. Hi l-akbar u l-unika muntanja ta' Wales u minn hemm fuq wieħed jista' jara xenarju spettakolari.

Sal-1869 biex titla’ fil-quċċata ta' din il-muntanja kellek bilfors jew timxiha inkella fuq xi ħmar. Fis-16 ta' Novembru 1894, ġie deċiż li tinbena railway li twasslek sal-quċċata biex bis-saħħa tagħha żdied mhux ftit it-turiżmu f’dik il-parti tant sabiħa ta’ Wales, fin-naħa ta’ fuq.

Biex titla’, tħallas madwar €30 bir-ritorn iżda hi esperjenza mill-isbaħ. Barra minn hekk jekk tħobb timxi, tista’ titla bit-tren u tinżel bil-mixi (għax ’l isfel kull qaddis jgħin). Ħudu ħsieb li ssibu ġurnata ċara għax jekk ikun hemm is-sħab fil-baxx titla’ u ma tara xejn u tkun ħallast il-flus għalxejn. Mela ċċekkjaw ftit kif ikun it-temp minn fuq is-sit stess qabel tmorru hemm. Esperjenza li m’għandekx titlef.

 

Kif tasal hemm

 

Hemm żewġ modi kif tista’ tmur Wales. Tista’ tmur Londra u tikri karozza jew tren fejn teħodlok biss sagħtejn u nofs. Iżda l-aħjar mod hu li tmur bir-RyanAir Bristol u f’inqas minn siegħa taqsam il-bridge u ssib ruħek Cardiff u n-naħa t’isfel ta’ Wales. Inkella jekk trid, tista’ tibda ż-żjara tiegħek minn fuq RyanAir għal Liverpool u tinżel Wales minn hemm u jekk trid tista tieqaf f’belt li ssaħħrek bl-isem ta’ Chester qabel taqbad Wales min-naħa ta’ fuq.

 

 

 

 

 

 

 

More in Divertiment