Il-Cote D'Azur: Jgħixu l-Miljunarji…aħna nżuruha
Il-vjaġġi tal-Bużu
Ir-Riviera Franciża hi fil-fatt imsejħa, il-Cote d’Azur jew il-kosta l-kaħla minħabba l-baħar Mediterranju li hi mdawra bih din il-kosta spettakolari.
Il-Cote d’Azur hi l-art tal-miljunarji iżda tappartjeni għal kull min joħlom dwarha. Fiha 120 kilometru ta’ kosta u 40 kilometru ta’ bajjiet. Ir-riviera Franċiża hi waħda mill-aktar resorts famużi fid-dinja u testendi tul il-baħar Mediterran fuq in-naħa tal-Punent minn Menton ħdejn il-fruntiera Taljana, u tinkludi l-bliet ta’ Monaco, li hu stat indipendenti, Nizza, Antibes u Cannes.
Nizza kienet Taljana u ngħatat lura bħala rigal lil Franza
Bla dubju li l-aktar belt magħrufa u mfittxija matul din il-kosta hi dik ta’ Nizza. Sas-seklu tmintax, il-belt kienet maħkuma mir-rejiet Taljani ta’ Savoia, fejn Emmanuel Philibert, id-duka ta’ Savoia kien anke għamel il-lingwa mitkellma f’Nizza dik Taljana bi djalett speċjali. Iżda fl-1860 minħabba li Nizza għenet lit-Taljani fil-gwerra kontra l-Awstrija, kienu tawha lura lil Franza bħala rigal. Kienet qamet rewwixta f’dawn iż-żminijiet minħabba li Giuseppe Garibaldi kien imwieled f’Nizza.
Nizza li hi t-tieni l-aktar belt Franċiża popolari mat-turisti wara Pariġi, hi belt mimlija ħajja bil-bajja tagħha mdewda b’nies jilgħaqu x-xemx Mediterranja fis-sajf. Wieħed ma jistax ma jagħmilx passiġġata mal-Promenade Anglais li hu promenade mibni mis-sinjuri Ingliżi fis-seklu 18 biex setgħu jimxu mal-kosta Mediterranja mingħajr ma jħammġu ż-żraben tagħhom bir-ramel. Illum dan il-promenade ikun mimli b’diversi nies jippasiġġaw fih u jitpaxxew bil-baħar sabiħ tal-Mediterran.
F’Nizza, wieħed għandu jżur il-knisja Ortodossa Russa ta’ San Nikola u l-belt il-qadima fejn fiha, wieħed isib diversi ħwienet tal-ħwejjeġ, ħwienet tal-għaġin, pastiċċeriji u anke suq fil-pjazza medjevali ta’ Nizza. Għal min iħobb l-arti, wieħed jista’ wkoll iżur il-mużew stupend tal-pittur famuż Matisse.
Èze: Il-villaġġ tal-fwieħa
Franza hi msemmija għall-fwejjaħ tagħha u ma jistax jonqos li mar-Riviera Franċiża ma żżurx fabbrika tal-fwejjaħ li huma magħmulin mill-fjuri ta’ madwar din il-kosta. Fwejjaħ ta’ klassi li tħallas ħafna inqas mis-soltu. Èze hu villaġġ medjevali li jinsab fuq għolja bħal speċi ta’ bejta tal-ajkli jħares fuq il-baħar Mediterran. Fuq iI-villaġġ antik fortifikat, għadhom jirrenjaw ir-rovini ta’ kastell tas-seklu 12. Wieħed jista’ jitla’ sa ħdejh u jgawdi l-panorama spettakolari minn hemm fuq u l-ġardin Exotique li wara telgħa iebsa biex tidħol fih, trid tħallas xi ħaġa wkoll. Ngħid għalija nħossni ħafna aħjar fit-toroq kollha ‘cobblestones’ dojoq, mserrpin u mtarrġin, milli mdawwar bil-vilel u jotts tal-miljunarji u artisti f’Cannes u St Tropez. Wara passiġġata li tagħtik nifs ġdid, wieħed jista’ jżur xi fabbrika tal-fwejjaħ u jibqa’ jxomm dan il-villaġġ permezz tal-fwejjaħ uniċi li tista’ tixtri minn hawn.
Monaco: Il-ġenna tal-miljunarji
Min-Nizza permezz ta’ triq matul il-kosta, wieħed jasal ukoll fil-prinċipjat ta’ Monaco fi triq mimlija vilel lussużi triq li ilha mibnija mill-1860 u li fiha kienet tilfet ħajjitha f’aċċident tat-traffiku Grace Kelly.
Mat-triq, wieħed jista’ jara wkoll it-Tropaeum Alpium jew it-Trofew ta’ Augustus li kienet mibnija mill-Imperatur Ruman Augustus Cesare biex jiċċelebra r-rebħa definittiva fuq it-tribujiet Kelti Liguri li kienu jippopolaw dan ir-reġjun, u li kienu jattakkaw lin-negozjanti li kienu jkunu sejrin Ruma.
Minn hemm tasal Monaco, pajjiż ċkejken iżda sinjur mdawwar minn Franza. Monaco hu msemmi bħala ġenna għal dawk li ma jridux iħallsu taxxi u l-maġġoranza tal-abitanti huma kollha sinjuruni u barranin.
Il-kastell fuq l-għolja ta’ Monaco inbidel fil-palazz tal-prinċep Grimaldi u f’nofsinhar ikun hemm iċ-changing of the guards.
Min imur Monaco bilfors li jrid iżur l-casino famuż ta’ Montecarlo fejn tħallas xi ħaġa żgħira biex tidħol. Personalment, ma nħobbx nilgħab, iżda jibqa’ fatt li dan il-casino hu maestuż. Quddiemu jkun mimli b’karozzi mill-aktar lussużi pparkjati, u taħt il-casino li tinżel b’lift wieħed jista’ jieħu xi ritratt mat-triq fejn issir it-tiġrija tal-Grand Prix. Attenti li ma taqilgħux xi daqqa ta’ karrozza.
Cannes: famuża maċ-ċelebritajiet
Belt oħra famuża mar-Riviera Franċiża hi dik ta’ Cannes li hi salib it-toroq bejn l-Alpi, il-Provence, Monaco u l-Italja. Cannes hi l-aktar belt magħrufa mar-Riviera Franċiża, famuża għal-lukandi stupendi tagħha, karozzi, bajjiet u viżitaturi. Cannes saret l-aktar destinazzjoni turistika għall-jet setters u ċelebritajiet famużi. Filwaqt li l-parti antika tagħha hi magħrufa għax-xenarju panoramiku tagħha.
Antibes: famuża għan-night life
Bejn Nizza u Cannes, wieħed isib Antibes, belt favorita oħra mat-turisti. Hemm wisq ġmiel fil-parti antika ta’ din il-belt bil-fortifikazzjonijiet matul il-kosta, toroq dojoq mimlija bi ħwienet mill-isbaħ, kafetteriji u ristoranti. Fil-preżent Antibes hi msejħa Antibe Jean le Pins u ż-żona ta’ Jean Le Pins hi l-aktar frekwentata mit-turisti għax hemmhekk wieħed isib il-bajjiet u n-night life.
Il-Cote D’Azur hi destinazzjoni stupenda biex wieħed jagħżel li jagħmel il-vaganza tiegħu...ġiti għal din id-destinazzjonijiet li hi l-art fejn jgħixu l-miljunarji u aħna nżuruha.
Kif tasal
Hemm diversi modi kif iddur il-Cote D’Azur. Wieħed jista jmur bir-Ryan Air sa Marsilja, u jaqbad karrozza minn hemm. Anke Turin tista’ twasslek għal Costa Azzurra. Hi kosta twila u tintlaħaq minn diversi postijiet. Wieħed jista jżurha bit-tren, inkella jieħu xi eskursjoni. Iżda l-aħjar mod hu li tikri karrozza u ddur mal-kosta.