Il-Karnival ta’ Venezja: Storja ta’ 740 sena

€760 joħduk lura għal żmien ir-rinaxximent

 

Din is-sena, il-karnival ta’ Venezja se jiġi ċċelebrat bejn it-23 ta’ Jannar u d-9 ta’ Frar, għax bħalma kulħadd jaf, l-10 ta’ Frar se jkun Ras ir-Randan. Il-Karnival ta’ Venezja hu Karnival mill-aktar antik, mill-aktar ċelebrat fl-Ewropa u hu fi klassi għalih fejn il-maskri u l-kostumi li wieħed jara f’Venezja ma jarahom imkien. Il-lussu tal-kostumi huma meraviljużi. Filwaqt li min jiddeċiedi li jattendi għal xi ballu mill-ħafna li jiġu organizzati f’Venezja, se jkun ballu memorabbli.

 

Ballu li trid tmur bil-fors bil-kostum, allura tista’ tixtrih, jew kif jagħmlu ħafna jikruh. Fih ikun hemm ikla kbira tradizzjonali u żfin rinaxximentali matul il-lejl kollu. Hemm oħrajn li jorganizzaw ballijiet biss bla ikel. Hemm min imur Venejza biex joqgħod jieħu gost bil-kostumi li jkun hemm mat-triq. Iżda jien nissuġerilkom li jekk vera tixtiequ tgawdu karnival mhux tas-soltu inkitbu għal wieħed mill-ballijiet ta’ Venezja. Jew kif isejħulhom huma, ‘Ballo in Maschera’.

 

L-istorja tal-Karnival

 

Ta’ Venezja huwa karnival bi storja kbira, bl-aktar dokument antik li jagħti dritt li jużaw il-maskri f’Venezja jmur lura sat-2 ta’ Mejju 1268, jiġifieri 740 sena ilu.

 

Fis-seklu 14 ħarġu liġijiet ġodda bil-għan li jwaqqfu d-deklin morali tal-poplu Venezjan ta’ dak iż-żmien. Fit-22 ta’ Frar 1339 kienet ħarġet liġi li tiprojbixxi nies bil-maskra fil-belt matul il-lejl. Dan id-digriet jgħinna nifhmu l-libertinaġġ li kien jeżisti f’din il-belt bħal meta ħareġ digriet ieħor li kien kontra l-liġi li l-irġiel jidħlu fil-kunventi lebsin ta’ nisa biex jikkommettu reati sesswali. Dak iż-żmien, fil-kunventi kienu jgħixu nisa sfurzati biex jibqgħu hemm mill-ġenituri tagħhom u għalhekk għal ħafna mis-sorijiet, ma kienet teżisti l-ebda vokazzjoni.

 

Fi Frar tal-1603 kien ġie projbit li nies bil-maskra ma setgħux anke jidħlu f’kunventi biex jitkellmu mas-sorijiet kif kienet l-użanza dak iż-żmien, u żdiedet ukoll il-liġi li ebda masquerado ma seta jidħol fil-Knejjes. Imbagħad fit-13 ta’ Awwissu 1608 ħareġ id-digriet li min jilbes maskla matul is-sena kien qed ikun ta’ theddida għar-Repubblika Venezjana. Għalhekk kull ċittadin, nobbli jew barrani seta’ jilbes maskra biss waqt il-Karnival jew xi ikla uffiċjali.

 

Min kien jikser din il-liġi kellu penali ħorox, jiġifieri sentejn ħabs, sena u nofs jaqdef fuq bastiment tar-Repubblika marbut minn saqajh u 500 lira Taljana. Il-penali għan-nisa kienu differenti. Dawn kienu jiġu msawta bi frosta minn Pjazza San Marco sal-Ponte Rialto. Filwaqt li kienu jiġu projbiti li jidħlu fit-territorju tar-Repubblika Venezjana għal 4 snin u 500 lira Taljana.

 

50 sena wara dan id-digriet, ħarġet liġi li ħadd ma seta’ jilbes ħwejjeġ tal-Knisja b’maskra. Dan barra li ma setgħux jindaqqu tnabar qabel nofsinhar u ħadd ma seta’ jiżfen qabel jew wara l-ġranet tal-Karnival. Minħabba li ħafna nobbli kienu jmorru lebsin il-maskri jilagħbu fil-casinos ħalli ma jintgħarfux minn dawk li kellhom jagħtuhom, fl-1703 dawn ukoll ġew projbiti li jintlibsu fil-casinos.

 

Imbagħad fl-1776 biex jipproteġu l-unur tal-familja, kull mara riedet bil-fors tilbes maskra u mantar jew kappa meta tattendi t-teatru. Meta r-Repubblika waqgħet f’idejn l-Awstrijaċi, Venezja inbidlet fi provinċja imperjali u ma baqgħetx imsemmija għall-karnival u l-maskri tagħha. Iżda fit-tieni gvern Awstrijakk, reġa’ kien permess li jintlibsu l-maskri.

 

Il-Maskri

Il-Maskra fil-belt ta’ Venezja kif tistgħu taraw għandhom oriġini antiki u kienu jintużaw għal diversi xhur u mhux fil-karnival biss. Dawn kienu jintlibsu mill-ġurnata ta’ Santu Stiefnu li kien jagħti l-bidu lill-Karnival sa nofsilejl tat-Tlieta ta’ qabel il-Ġimgħa l-Kbira. Naturalment, dawn ma setgħux jintlibsu fil-ġranet ta’ festi reliġjużi.

Il-Venezjani kienu jilbsu l-maskra għal ħmistax sħaħ tal-axxensjoni u kienu jdumu jilbsuhom sa nofs Ġunju. Aktar ’il quddiem dawn kienu jintlibsu mill-5 ta’ Ottubru sal-bidu tan-novena tal-Milied, fis-16 ta’ Diċembru).

Matul l-avvenimenti kbar bħal ċeni uffiċċjali jew ċelebrazzjonijiet tar-Repubblika Serenissima kienu permessi l-użu tal-maskri u l-mantari. Il-maskri kienu jintużaw ħafna mil-lagħba biex ħadd ma jkun jaf min huma meta jidħlu jilagħbuhom u anke biex il-kredituri tagħhom ma jgħarfuhomx. Kienu jintużaw ukoll min-nobbli falluti li kienu jittalbu fit-toroq.

€760 joħduk lura għal żmien ir-rinaxximent

Bla dubju li biex tgawdi l-aqwa u l-aktar ballu mfittex f’Venezja trid tħallas €760 ir-ras. The Venice Grand carnival Masquerade Ball isir f’palazz rikk fuq il-Canal Grande. Waiters mill-aktar senswali joffrulek ‘finger foods’ u jilqgħek fil-bieb ħadd aktar minn Casanova. Tiġi meħud fuq il-mejda tiegħek fejn tiġi servut b’gala dinner u bl-aktar inbejjed fini ta’ Venezja. Waqt l-ikla jkun hemm diversi wirjiet artistiċi. Wara l-ikla, kulħadd jinżel fis-sular ta’ isfel għal lejl sħiħ ta’ mużika u żfin b’xorb bla limitu li hu inkluż fil-prezz.

Bla dubju li dan hu l-ogħla avveniment għax hemm avvenimenti oħra li jiswew inqas u li tista’ tieħu gost ukoll. Biex wieħed jaħseb kif jista’ jgawdi l-karnival ta’ Venezja, jista’ jidħol fis-sit venice-carnival-italy.com, fejn wieħed jista’ jibbukkja dirett minnha. Biex tasal Venezja, ir-Ryan Air hu l-aħjar mod. Billi tmur lejn Treviso u minn hemm tmur lejn Venezja.

More in Divertiment