L-Indja: It-trijanglu tad-deheb

Vjaġġi mal-Bużu

Xena minn fuq Amber Fort f’Jaipur
Xena minn fuq Amber Fort f’Jaipur

L-Indja hu pajjiż li wieħed jista’ jqisu bħala kontinent sħiħ. Pajjiż li fih issib minn kollox, ħajja kaotika, tesperjenza s-slums li tant huma msemmijin għalihom, il-lukandi esklussivi, l-ikel eċċezzjonali fejn f’kull parti jinbidlu l-ħwawar u l-kċina, il-muntanji, il-baħar mill-isbaħ, monumenti li qatt ma tara bħalhom, tempji u kultura li għall-bidu jaħsdek iżda maż-żmien taffaxinak u tixroblok l-ispirtu tiegħek.

Iddeċidejt li f’dawn il-paġni tiegħi bil-mod il-mod nibda ndur ma’ dan il-pajjiż u ngħaddi l-esperjenzi tiegħi f’dik in-naqra li rnexxieli ndur s’issa.

 

It-Trijanglu tad-deheb

Ma tistax iżżur l-Indja u ma tesperjenzax it-trijanglu tad-deheb billi b’karrozza bl-arja kundizzjonata u bi gwida miegħek tinżel l-ajruport ta’ New Delhi, iddur dawra tajba ma’ Delhi u s-sistema kaotika mħallta mal-ħwejjeġ ikuluriti tas-Sari, il-monumenti, is-slums u l-ħornijiet li huma l-ħoss vibranti ta’ din il-belt. Minn hawn, iżżur it-Taj Mahal u Fatehpur Sikri ta’ Agra u tieqaf Jaipur li hi l-belt ir-roża mżejna bl-istorja rjali tagħha bi żjara fil-Palazz Rjali. Delhi, Agra u Jaipur hu t-trijanglu tad-deheb li wieħed jista’ jżommu bħala teżor etern fil-memorji tiegħu.

 

Ġurnata numru 1: Delhi

L-ewwel ġurnata ħalliha biex tmur tara l-palazz Akshdam Palace li hu palazz mibni ftit tas-snin ilu bi stil li taħsbu li ilu mibni eluf ta’ snin. Inkredibbli l-ġmiel tiegħu. Wieħed jista’ jżuru mingħajr ma jħallas, iżda m’hemmx ċans li tieħu ritratt, għax miegħek ma tista’ ddaħħal xejn lanqas mobile jew borża...idek f’idek. Tmorrux f’festa pubblika għax il-kjuwijiet ikunu enormi. Wara nagħtikom parir tirkbu r-rickshaw u żżuru ftit is-suq u Connaught Place fejn hemm diversi ristoranti li tistgħu tieklu tajjeb u anke shopping.

L-għada wara kolazzjon Indjan flimkien mal-gwida, żuru Delhi, bil-parti l-antika u l-parti l-ġdida, bid-differenza tkun b’xi toroq inqas ffullati minn oħrajn u b’bini differenti fejn fil-ġdida wieħed isib l-ambaxxati. Żjara fir-Raj Ghat li hu l-memorial ta’ fejn hemm kkremat Mahatma Ghandi, hija essenzjali. Tgħaddi mir-Red Fort u ieqfu Jama Masjid fejn hemm waħda mill-akbar moskej fl-Asja li ntużaw 5,000 bennej biex inbniet u kienet disinjata mill-Imperatur Shah Jahan f’nofs il-15-il seklu. Minn hemm, wieħed imur India Gate li hu monument għas-suldati li mietu fl-ewwel gwerra dinjija meta l-Indja kienet parti mir-Renju Unit. Ibqgħu għaddejjin minn Rajpath (it-triq tar-re) għal Rashtrapati Bhava fejn hemm il-Parlament Indjan u r-residenza tal-President flimkien ma’ bini ieħor governattiv.

Qutb Minar (Delhi)– minarett tas-seklu 13 imqabbel ma’ kreazzjoni tas-seklu 21, ajruplan
Qutb Minar (Delhi)– minarett tas-seklu 13 imqabbel ma’ kreazzjoni tas-seklu 21, ajruplan

Interessanti wkoll li żżuru Qutb Minar mibni fis-seklu 13, minarett ħamrani li hu 72.5 metri għoli li jibda b’wisa’ ta’ 14.32 metri u jispiċċa b’wisa’ ta’ 2.75 metri. Iż-żona li hemm imdawra miegħu hi waħda arkeoloġika u hi sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO fejn l-entratura tiegħu Alai-Darwaza gate hi ‘masterpiece’ tal-arti Indo-Musulmana li nbniet fl-1311, hemm ukoll żewġ moskeji fosthom Quwwatu’l-Islam li hi l-eqdem moskea fil-parti ta’ fuq tal-Indja li nbniet b’materjal li reġa’ ġie użat minn fdalijiet ta’ 20 tempju ta’ Brahman.

 

Ġurnata numru 2: Agra

Wara triq twila ta’ madwar 4 sigħat tasal Agra, fejn anke jekk bħala kilometri mhix ta’ barra minn hawn, 205 km b’kollox, l-istat tat-toroq u t-traffiku jeħodlok ħafna aktar ħin biex tasal.

L-imħabba bejn l-imperatur u martu ħoloq wieħed mill-isplenduri tad-dinja – it-Taj Mahal (Agra)
L-imħabba bejn l-imperatur u martu ħoloq wieħed mill-isplenduri tad-dinja – it-Taj Mahal (Agra)

Bla dubju li Agra se tkun il-highlights tal-ġita bit-Taj Mahal, li hu wieħed mill-isplenduri tad-dinja, jaqtagħlek nifsejk meta tasal quddiemu u tibda tieħu ritratt wara l-ieħor fejn kulħadd jipprova jiġbed xi ritratt differenti iżda kulħadd jispiċċa jagħmel subgħajh jew taparsi qed iżzommu fuq il-pala ta’ jdejh. Meta żżur it-Taj Mahal tisma l-istorja ta’ mħabba bejn l-Imperatur Mughal, Shah Jahan mat-tielet mara tiegħu Mumtaz Mahal, l-imħabba li ħolqot dan il-monument grandjuż, li dam 20 sena biex inbena u ntużaw 20,000 bennej u 1,000 iljunfant biex tlesta.

Post ieħor interessantissimu u splendur ieħor hu l-Agra Fort. Eżempju arkeoloġiku tal-Imperu tal-Mughal li jmur lura għall-1080 AD li hi mibnija fuq ix-xmara Yamuna. L-aħjar mod kif tgawdi it-Taj Mahal hu li titlaq filgħaxija minn Delhi biex iżżur it-Taj Mahal fis-6 am eżatt mat-tlugħ tax-xemx għax l-abjad tiegħu jiddi bix-xemx tielgħa warajh huwa xi ħaġa spettakolari.

 

Ġurnata numru 3: Jaipur

Wara l-kolazzjon morru sal-kapitali antika ta’ Amber fejn waqfa għal ritratt ta’ sit famuż qabel tidħol fil-belt, il-Hawa Mahal hu xi ħaġa li ma tistax tfalli li tagħmel. Il-palazz li hu għoli 5 sulari ta’ lewn roża, fih 900 tieqa li n-nisa li kienu jgħixu fih kienu jittawlu minnhom biex jaraw il-ħajja ta’ barra.

 

Kif tasal Amber Fort issib iljunfant jistenniek biex iwasslek sal quċċata tal-għolja fejn barra x-xenarju spettakolari li tara minn hemm fuq, tista’ tisma stejjer mill-isbaħ dwar l-imperu ta’ eluf ta’ snin ilu li jirrakuntalek il-gwida b’ċertu fervur. Interessanti kif forti mibni fis-seklu 17 irnexxielu jinseġ l-istili tal-Hindu u tal-Mughal. Splendur ieħor f’dan il-forti hu Sheesh Mahal li hi s-sala tal-mirja fejn ir-riflessjoni ta’ dan il-ħġieġ jagħti ħajja u dawl lil din il-kamra.

 

Kif tinżel bil-Jeep jew bir-rickshaw żuru l-belt ir-roża ta’ Jaipur, fejn hawn wieħed iħoss preżenza ta’ Musulmani aktar minn bliet oħra. Fl-Indja r-reliġjonijiet huma ntegrati sew flimkien u jgħixu trankwilli mingħajr problemi ta’ xejn. Jaipur hu mimli palazzi, ġonna u arkati u diversi mużewijiet ta’ armi u manuskritti antiki. Filwaqt li żżuru l-Palazz Rjali u l-osservatorju astronomiku li nbena mill-Maharaja fis-seklu 16.

 

Kif tasal hemm:

Hemm diversi modi u linji tal-ajru li jwassluk sa Delhi, iżda nista b’wiċċi minn quddiem nagħtikom parir biex tużaw it-Turkish Airlines li joffru l-aħjar prezzijiet u l-aħjar servizz fejn minn Malta, titlaq għall-Istanbul u għal New Delhi.

 

Issa tista’ tapplika għal Visa online

Sadattant il-Kummissarju għall-Indja f’Malta, din il-ġimgħa ħabbru li issa tista’ tapplika għal Visa online u takkwistaha dak il-ħin stess. Qabel ridt tibgħat il-passaport Ruma u tistenna xi ġimgħat biex tirċeviha. Ilum f’ħames minuti tkun għandek billi tmur fuq is-sit www.indiavisaonline.org.in

 

Ħudu ħsieb

Oqogħdu attenti li tieklu mil-lukandi u minn ristoranti tajbin li jgħidulkom bihom il-gwidi li tista’ tafdahom b’għajnejk magħluqa. L-ilma tal-fliexken mhux kollu tajjeb. L-uniku ilma tal-flixkun tajbin huma Bisleri, Kinley u  Aquafina (f’din l-ordni) għax huma magħmula mill-Coca Cola u Pepsi u ħudu ħsieb li jkunu ssiġġillati għax hemm min juża l-fliexken u jimlihom bl-ilma normali li jagħmlilkom id-deni.

 

 

More in Divertiment