Brussell: Tħobbha jew tobgħodha
Belt mimlija kuntrasti sew fil-bini tagħha kif ukoll fl-etniċità
Personalment, lili Brussell togħġobni. Mort għal darba darbtejn u nerġa’ mmur, għax il-mod ta’ ħajja li hemm fiha togħġobni. Hawn min jobgħodha minħabba t-temp griż, iżda anke Londra hemm temp griż u xorta lili tinżilli għasel. Hawn min jobgħodha għax jaħdem hemm u allura jaraha bħala l-post fejn wieħed fiha jaraha biss xogħol, xogħol u xogħol. Jien mhux wieħed minnhom. Brussell, li hi l-belt kapitali tal-Belġju fiha ftit minn kollox. Belt b’ħafna ftuħ, belt mimlija ħajja filgħaxija, belt li fiha ħafna ‘shopping’, il-belt taċ-ċikkulata, il-belt fejn tinħema l-politika Ewropea, belt tal-mużewijiet u l-belt fejn l-integrazzjoni hi waħda li taħdem kważi għall-perfezzjoni. Din il-belt, naħseb li fiha iżjed barranin milli Belġjani, iżda hemmhekk ħassejtni komdu b’ħafna kulturi etniċi. Il-kuntrasti huma mpoġġija fuq saffi, in-naħa tal-Belġjani Flemish u dawk li jħossuhom Franċiżi, filwaqt li l-ħaddiema multikulturali mill-Ewropa kollha mħallta mal-immigranti.
Meta jkollok iċ-ċans li żżurha fid-dettall, issib li Brussell hi storika iżda fl-istess waqt moderna, burokratika iżda libera fl-istess ħin, hi belt kunfidenti iżda mingħajr xinxilli. Mimlija bini b’faċċati artistiċi, mħalltin mal-kruha ta’ bini kollu konkrit mis-snin sittin u bini reali kontrastat mal-bini kollu ħġieġ tal-Unjoni Ewropea. Iżda Brussell hi l-belt li fiha wieħed jista’ jgħix.
Bla dubju li ż-żona tal-Grand Place hi l-aktar waħda popolari. Pjazza enormi mdawra b’bini arkeoloġikament mill-isbaħ. L-arkitettura tal-Gran Place tieħdok f’perjodi differenti u fi stili differenti, fejn il-barokk hu mħallat mal-Gotiku flimkien mal-istil irjali tar-Re Louis XIV. Minn din il-pjazza grandjuża hemm diversi trejqiet li jwassluk f’naħat differenti ta’ Brussell. Hemm triq li twasslek għar-ristoranti, wieħed ħdejn l-ieħor, kollha jgħidu li huma Taljani (li naħseb li qas qatt ma resqu lejn l-Italja) u kollha bil-platti tal-vongoli u pizez. Kollha jgħajtu bl-ispeċjalità tagħhom, meta kulma tkun qed tiekol huma vongoli ffriżati bħalma ssib fis-supermarkets Maltin. Ristoranti ppakkjati bit-turisti li jinqabdu fix-xibka, aktar mill-istess vongoli, fejn nagħtikom parir biex tibqgħu għaddejjin. Għax fil-madwar hemm ristoranti itjeb u aħjar, fejn forsi tħallsu xi ftit iżjed iżda tieklu ħafna aħjar.
Trejqa oħra twassalkom sal-famuż ‘Piss Boy’ jew kif jsejħulu l-Belġjani ‘Manneken Pis’, il-monument tat-tfajjel jagħmel pipi. Kulħadd jistenna li se jara xi monument fuq l-istil ta’ David ta’ Michelangelo, speċjalment meta kull fejn tħares, tara ‘suovenirs’ ta’ dan it-tfajjel. Iżda meta tintasab fil-kantuniera ta’ dan it-tfajjel famuż, issib statwetta tal-bronż mhux itwal minn metru, tieħu ritratt tiegħu u tibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn. Monument li għal Belġjani hu simbolu tal-ħajja ribelluża tal-belt. Nagħtikom parir li wara d-diżillużjoni ta’ dan il-Mannekin, tieqfu tieħdu birra mill-bars mirquma sew bil-birra tradizzjonali Belġjana li hi waħda mill-aqwa fl-Ewropa.
Malli ddur il-kantuniera, wieħed isib ukoll l-Jeanneke Pis, li it-tifla li tagħmel pipi u ħdejn din isib wieħed mill-aqwa bars, pub jew club għidulu li tridu id-‘Delirium’ li jkun ippakkjat biż-żgħażagħ u mhumiex filgħaxijiet jixorbu kull tip ta’ birra li hawn fid-dinja. Din hi żona stil Paceville ta’ Brussell.
Bla dubju li triq oħra li hi ferm popolari ma’ kull min imur Brussel hi dik ta’ Rue Neuve, triq twila mimlija bi ħwienet ta’ kull tip li fiha wieħed jista’ jqatta’ ġurnata jixtri. Bil-ħaqq, hemm ukoll il-Primark fost ħwienet oħrajn li jkollu kjuwijiet ma jispiċċaw qatt. Għalkemm hemm ukoll Avenue Louise li hi shopping avenue enormi bi ħwienet ta’ ditti aktar rinomati u forsi xi ftit aktar ‘expensive’. Din iż-żona togħġobni aktar speċjalment għax hi ħafna aktar miftuħa u inqas iffullata.
Mill-Gran Place sa Avenue Louise, wieħed jista’ jmur bil-mixi, mixja twila li iżda tieħdok qalb l-isbaħ monumenti, palazzi rjali, ġonna u diversi mużewijiet. Bejn iż-żewġ żoni, wieħed isib il-Pjazza Sablon. Pjazza b’Katidral Ingliż fiha, iżda li wieħed ma jmurx għall-Katidral iżda għal xi wieħed mill-ħwienet ta’ lussu taċ-ċikkulata. Tidħol idduq u tixtri żgur. Mhux irħas iżda l-aqwa fost l-aqwa.
Kif tispiċċa Avenue Louise hemm żona Afrikana, mimlija ħwienet Afrikani u ristoranti Afrikani. Hija żona sigura u interessanti. Minn hemm tkompli miexi u ssib ruħek ħdejn il-Parlament Ewropew li nagħtikom parir li żżuruh. Billi tmorru fil-Parlamentarium.
Mixja żgħira minn wara l-Parlament tieħdok f’Antoine fi Place Jourdan li ilu jservi ċ-chips għal 60 sena sħaħ mill-11.30 ta’ filgħodu sas-1 ta’ bil-lejl. Kiosk, li fakkarni f’dak ta’ Pjazza Fra Diegu tal-Ħamrun, fejn issib l-itjeb ‘pomme frite’ (patata chips) li hemm mhux biss il-Belġju iżda mad-dinja kollha. Trid tistenna xi ftit fil-kju iżda ma jiddispjaċikomx. Il-porzjonijiet huma abbundanti u għalkemm moqlija fiż-żejt għal darba darbtejn, ma jkunux daqshekk mxaħħmin.
Brussell tgawdi minn metro ferm effiċjenti fejn tixtri biljetti, f’pakkett ta’ 10 li jiswa €14 iżda jekk taqta’ stazzjon, wieħed wieħed, jiswewlek €2.10 il-wieħed, li tgħodd ukoll għall-buses.
Bil-Metro żuru wkoll l-Atomium, li hu bini li nbena għal Expo58 li fih 9 sferi tal-istainless steel b’dijametru ta’ 18-il metru l-waħda. Hu mużew fl-istess ħin. Iżda barra l-ispettaklu li joffri dan il-bini majestuż, madwaru hemm mixjiet sbieħ fil-boskijiet tal-madwar. Barra li hemm theme park u l-Mini Europe fejn wieħed litteralment jara l-Ewropa taħt saqajh.
Kif tasal Brussell
Lejn Brussell tasal bl-ajru dirett mal-Airmalta u issa wkoll bir-RyanAir. Hemm diversi lukandi fejn toqgħod, iżda nagħtikom parir biss li ma toqgħodux ħdejn l-istazzjon tal-ferrovija ‘Gare Du Nord’ għax hemmhekk l-uniku post li ma ħassejtnix komdu.
Il-Ġimgħa d-dieħla neħodkom Brugge ftit kilometri bogħod minn Brussell. Imsejħa Venezja tal-kontinent.