Varanasi: L-eqdem belt fid-dinja...sagra u unika

Il-Belt sagra fejn twieled il-Buddha. Fiha 2,000 tempju u 3,300 miljun niċċa

"Eqdem mill-istorja, eqdem mit-tradizzjoni, eqdem mil-leġġenda, u tidher eqdem minn kollha f’daqqa magħquda flimkien” - Mark Twain

 

Hekk iddeskriva din il-belt il-kittieb Mark Twain. Min-naħa tiegħi, Varanasi inqisha bħala l-belt sagra u maġika fejn ir-reliġjon Hindu tħossha madwarek. Għall-Indjani, meqjusa bħala l-Mekka tal-Musulmani, Ruma tal-Kattoliċi u l-Bihar tal-Buddisti. Hi belt li tmur lura għas-seklu 11 QK u hi l-eqdem belt fid-dinja u li għandha madwar 3,000 sena. Dan ikompli juri li r-reliġjon Hindu hi l-eqdem reliġjon fid-dinja, anke jekk din qatt ma kellha fundatur u lanqas oriġini. Awturi jiddeskrivu din ir-reliġjon bħala żvilupp reliġjuż Indjan li ilha 4,000, sena li jagħmilha l-eqdem fid-dinja. Barra minn hekk, il-fatt li hemm 900 miljun Hindu jagħmilha t-tielet l-akbar reliġjon fid-dinja wara l-Kristjanità u l-Iżlam.

Varanasi tiġbed lejha pellegrini mill-Indja kollha biex jinħaslu fl-ilma sagru tax-xmara Ganges, imsejħa mill-Indjani ‘Mama Ganga’. Hemmhekk l-Indjani jmorru jinħaslu fl-ilma mniġġes ta’ din ix-xmara. Ilma li għalihom ifisser ħafna fejn kull min jirnexxilu jxerred l-irmied tal-maħbubin li jkunu għadhom kif tilfu, jiffrankawlhom eternità sħiħa jirrinkarnaw lilhom infushom. L-irmied u xema’ mal-kurrent tiela ’l fuq tal-Mama Ganga jfisser ħelsien tar-ruħ mill-eternità f’din id-dinja. Min-naħa tiegħi, jien bgħatt xema’ għal missieri li kien miet sena qabel filwaqt li sellimtlu b’demgħa ħierġa minn għajnejja. Din hi l-fidi tal-Hindu li l-Ewropej isejħulha reliġjon, imma huma jqisuha bħala filosofija spiritwali. Barra minn hekk, jingħad li meta tinħasel f’din ix-xmara tinħasel minn dnubietek (ngħid għalija bqajt bid-dnubiet għax ma ssugrajtx immiss l-ilma kollu tinġiż u nemus).

Meta kont hemm, flimkien ma’ xi ġurnalisti barranin, iddeċidejt li nqum fil-5 ta’ filgħodu u mmorru ħdejn il-Mama Ganga fejn sibna dgħajsa tistenniena li bil-qaddief ċkejken iżda b’qadfa soda, ħadna lejn nofs ix-xmara, waqt tlugħ ix-xemx. Xena spettakolari li ma tistax tmur mill-memorja tiegħi. Kwiet perfett b’eluf ta’ Indjani u gurus jinżlu fix-xmara jinħaslu u jitolbu għas-serħan tal-erwieħ tagħhom u bix-xadini jaqbżu minn fuq tempju għal ieħor.

Fil-fatt, fit-toroq imserrpin ta’ Varanasi hemm 2,000 tempju fejn fil-belt hemm ukoll 3,300 miljun niċċa. Ma’ kull pass, tara niċċa u bla dubju hi belt unika, belt sagra u mimlija spiritwalità.

Iżda Varanasi mhux imsemmija biss għall-ispirtwalità tagħha iżda hi magħrufa wkoll għall-ħarir fin tagħhom, u għall-Università tal-Hindu. Mijiet ta’ gurus b’daqna twila bajda, jitolbu u jagħtu l-pariri spirtwali fit-toroq quddiem xi niċċa huma parti minn Varanasi. Din il-belt qaddisa kienet u għadha s-simbolu tal-ispiritwalità, filosofija u mistiċiżmu għal eluf kbar ta’ snin fejn anke twieled Siddharta Gautama Buddha li skont il-Hindu, hu rinkarnazzjoni ta’ alla Vishnu.

 

Dashashwamedh Ghat

Il-kelma Ghat tfisser il-parti imtarrġa li twassal għal xmara, li hi meqjusa bħala xmara sagra. F’Varanasi id-Dashashwamedh Ghat hi t-taraġ prinċipali tal-Mama Ganga. Tinsab ħdejn il-Vishwanath Temple li hu dedikat lil Shiva u probabbilment hu l-aktar ‘ghat’ spettakolari. Hemm żewġ leġġendi assoċjati miegħu: Waħda li Lord Brahma ikkreaha biex jilqa’ lil Lord Shiva. L-oħra hi li Lord Brahma issagrifika 10 żwiemel waqt id-dasa-Asdhwamedha yajna, li hi ritwal Hindu tas-sagrifiċċju taż-żiemel.

 

Ma tistax tfalli li tattendi għar-ritwal li jsir kull filgħaxija hawn, fejn eluf jattendu għal adorazzjoni tan-nar mill-qassisin Hindu fejn jagħmlu dedikazzjoni, bħal speċi ta’ talba lil Lord Shiva, lill-omm ix-xmajjar kollha, Mama Ganga, lil Surja (ix-xemx) u l-Agni (in-nar) u l-univers kollu. Din tissejjah ‘Agni Pooja’ fejn ikun hemm ‘aartis’ speċjali kull nhar ta’ Tlieta u f’festivals reliġjużi.

Kelli x-xorti nattendi waħda speċjali organizzata apposta għall-ġurnalisti mistednin minn madwar id-dinja u nerġa’ ntenni li dak li assistejt għalih hemm, ma nista ninsih qatt.

Varanasi hi belt li jekk iddur id-dinja kollha, bħalha ma ssib imkien. Bħal kull belt Indjana, il-ħmieġ ma jonqosx, iżda dak li tesperjenza f’din il-belt hu uniku. Esperjenza spiritwali li tibqa ttimbrata fil-memorja għall-eternità.

 

Kif tasal hemm

L-aħjar ittir mat-Turkish Airlines sa New Delhi u minn hemm, taqbad ajruplan intern għal Varanasi. Darb’oħra neħdokom il-Bihar, l-art qaddisa tal-Buddha.

 

 

More in Divertiment