L-aqwa films klassiċi tal-biża’ matul is-snin (L-ewwel parti)
F'analiżi ta' tliet partijiet, Carmel Bonnici jitfa' ħarstu fuq il-films klassiċi tal-orrur. Minn La Manoir Du Diable, għal Psycho, dawn huma l-films tal-orrur sal-1960
Sa mill-bidu nett taċ-ċinema, il-films tal-biża’ u t-twerwir qajmu kurżità kbira lil ħafna nies. Dan hu ġeneru vast ħafna li jinkludi diversi aspetti, fosthom dawk sopranaturali, psikoloġiċi, tal-ġenn, ta’ kreaturi mitiċi jew aljeni, minn sorsi letterarju (speċjalment kotba), kif ukoll ta’ vjolenza brutali jew imdemmija fejn, fil-preżent, dawn il-kwalità ta’ produzzjonijiet huma magħrufa bħala splatter movies. Matul is-snin, dan il-ġeneru ra tibdil konsiderevoli, kemm fl-andament tiegħu, kif ukoll fl-intensità li ġġenera.
Kien biss ftit snin wara li bdew jidhru l-ewwel xogħlijiet ċinematografiċi f’nofs is-snin disgħin tas-seklu għoxrin li l-Franċiż Georges Melies ħoloq La Manoir Du Diable, magħruf ukoll bħala The Haunted Castle jew The House Of The Devil (1896), film ta’ 3 minuti biss li ġie kkunsidrat bħala l-ewwel film tal-biża’.
Wara, bejn is-snin 1900 u 1920 inħadmu pataflun films tal-biża’, jaħasra fil-preżent mitlufin għal dejjem. Dan il-ġeneru ta lok biex inħadmu diversi produzzjonijiet klassiċi bejn is-snin 1920 u 1930, il-maġġoranza minnhom muti, mill-Ġermanja ta’ żmien ir-Repubblika Weimar (dik ta’ qabel il-miġja tan-Nażisti). Fost dawn insibu The Cabinet Of Dr. Caligari (1920), Nosferatu (1922) (mill-ktieb ta’ Bram Stoker Dracula), The Golem (1920), Waxworks (1924), The Hands Of Orlac (1924), Vampyr (1932) u oħrajn.
Matul is-snin dehru ħafna films ta’ livell għoli, xogħlijiet klassiċi u anki kulti. Dwar xi wħud minnhom se nagħti informazzjoni pertinenti b’mod kronoloġiku. Din il-lista mhijiex finali u kulħadd jista’ jkollu l-għażla tiegħu.
CAT PEOPLE (1942): Id-Direttur hu Jacques Tourneur u l-atturi huma Simone Simon, Kent Smith, Tom Conway u Jack Holm. It-tul ta’ dan il-film hu 73 minuta. Forsi l-istorja u l-elementi tal-andament mhumiex daqshekk interessanti, iżda dan it-thriller klassiku jibbaża fuq mumenti ta’ qtajja’ u terrur u jinqeda l-aktar permezz ta’ dellijiet chiaroscuro li tassew iżommuk imwaħħal mas-siġġu. Il-produttur Val Lewton wara dan id-debutt qawwi tiegħu kompla jsaħħar b’films oħrajn tal-biża’ li ġew wara. Smith isir iħobb lill-istramba u mistħija Simon li hi ffissata li ġejja minn razza ta’ panteri u li f’xi att ta’ mħabba tinbidel f’waħda minnhom u ssir feroċi. Il-final hu wieħed intelliġenti b’atmosfera palpabbli ta’ stennija ta’ terrur. Dan il-film reġa’ nħadem fl-1982, b’mod aktar elaborat, bil-kulur, aktar spint sesswalment, però b’inqas impatt.
DEAD OF NIGHT (1945): Film Brittaniku dirett minn Alberto Cavalcanti, Charles Crichton u Basil Dearden b’tul ta’ 102 minuti. Jaħdmu Mervyn Johns, Michael Redgrave, Roland Culver u Sally Ann Howes. Produzzjoni li tqajjimlek ġismek xewk xewk dwar ġabra ta’ diversi mistednin ġo dar statali fejn kollha jirrakkontaw stejjer tal-waħx. Wieħed minnhom kien qed ibati minn ħolm makabru li issa tassew qed iseħħ. Tassew tajba s-sekwenza ta’ Michael Redgrave bħala ventrilokwista (wieħed b’kapaċità li jitfa’ leħnu f’xi pupazz, eċċ.).
NIGHT OF THE DEMON (1957). (U.S.A. CURSE OF THE DEMON): Film ta’ 83 minuta dirett minn Jacques Tourneur, bl-atturi Dana Andrews, Peggy Cummins, Niall MacGinnes u Maurice Denham. Andrews hu psikoloġista strett u ċiniku li jmur l-Ingliterra għalkemm ma jemminx li serje ta’ mwiet li seħħew kienu kkawżati minn seħer antik. L-atmosfera makabra u inkwetanti tal-film sa mill-bidu nett taqbdek ġo morsa u tassew tikkonvinċik u ma titilqekx sal-final. L-istorja hija bbażata minn fuq il-ktieb ta’ Montagu R. James, Casting The Runes. Film eċċezzjonali f’livell ta’ xogħol kult.
PSYCHO (1960): Forsi l-aktar film infami tal-maestro ta’ produzzjonijiet tal-biża’, eċitament u twerwir, id-Direttur Alfred Hitchcock. L-atturi huma Anthony Perkins, Janet Leigh, Vera Miles, John Gavin u Martin Balsam. Il-ħin ta’ dan ix-xogħol verament smat hu ta’ 108 minuti. Wara dawn is-snin kollha li għaddew minn fuqu, dan il-film għadu jbeżża’ sal-preżent. Janet Leigh taħrab meta tisraq xi flus u tfittex fejn talloġġja għal lejl fil-Bates Motel (12-il kabina, 12-il xawer u 12 vakanti) immexxija minn Norman Bates, ġuvni mhux moħħu floku u mix-xwejħa “ommu” li dejjem kienet tiddominah. F’dan ix-xogħol brillanti li jwerwrek, Hitchcock juża ħafna set pieces li minkejja li rajna bħalhom bosta drabi hawn, bil-mużika b’battuti qawwija tal-bravu Bernard Herrmann, xorta jaqtgħuk minn ġewwa speċjalment il-qtil li jsir fix-xawer. Dan il-film li għamel suċċess kbir fi żmienu u li jibqa’ jidwi fil-menti ħafna żmien wara li tarah, kien ikklassifikat għall-kbar biss. In-novella kitibha Robert Bloch, aktarx ispirata minn wieħed serial killer. Warajh ħarġu tliet sequels u xogħol ieħor għat-TV imsemmi Bates Motel.