Jitnieda Perlina TV – app ġdida bi programmi u logħob interattiv bil-Malti għat-tfal

Din il-pjattaforma se tkun simili għal pjattaformi diġitali popolari tat-televiżjoni bħal Disney u Netflix, u fiha se jkun hemm kontenut ġdid li se jkun qiegħed jiżdied minn xahar għal ieħor

Sharp Shoot Media, kumpanija b’20 sena esperjenza fit-televiżjoni lokali, nediet Perlina TV. Din hija app ġdida bi programmi divertenti u esklussivi għall-istess pjattaforma diġitali, li se jkunu kollha kemm huma bil-Malti, u li l-għan tagħha huwa li t-tfal ikollhom post sigur fejn jistgħu jieħdu gost isegwu u jitgħallmu. Dan il-materjal awdjoviżiv se jkun adattat għal tfal li għandhom sa seba’ snin.  

Din il-pjattaforma se tkun simili għal pjattaformi diġitali popolari tat-televiżjoni bħal Disney u Netflix, u fiha se jkun hemm kontenut ġdid li se jkun qiegħed jiżdied minn xahar għal ieħor. Fost l-oħrajn, se jkun hemm xow bil-pupazzi, sensiliet animati oriġinali, kif ukoll diversi karattri li se jkunu qed iduru madwar Malta u Għawdex biex ilaqqgħu lit-tfal mal-istorja u l-kultura tagħna.  

Dawn huma wħud mill-programmi u l-logħob li se jkun hemm f’Perlina TV: 

Għall-ewwel darba se jkollna xow magħmul minn pupazzi li jgħixu f’razzett, u li flimkien se jesperjenzaw avventuri ħelwin filwaqt li jitgħallmu jgħixu flimkien f’armonija. Frattarija se jlaqqagħna ma’ tmien karattri partikolari li permezz tagħhom se niltaqgħu ma’ xi sfidi tal-ħajja waqt li jedukawna fuq għadd ta’ suġġetti.  

Fis-sensiela animata ġdida msejħa F’Ħajt tas-Sejjieħ se naraw grupp ta’ annimali indiġeni li nsibu fil-kampanja lokali. Dawn se jgħallmu lit-tfal diversi affarijiet, bħan-numri, il-kuluri, l-istaġuni u l-ġranet tal-ġimgħa, b’kanzunetti miktubin apposta. Din is-sensiela animata se tkun fuq livell li t-tfal imdorrijin jaraw fuq pjattaformi barranin, iżda li f’dan il-każ se tkun bil-Malti. 

Linu Perlinu huwa karattru ħelu ieħor, li b’entużjażmu ta’ tfajjel ċkejken se jkun qed jiskopri diversi postijiet ta’ interess għat-tfal, filwaqt li jitgħallem x’hawn madwarna fil-gżejjer Maltin u Għawdxin.  

Se jkunu qed jitwasslu għadd ta’ stejjer għal qabel jorqdu t-tfal. Din hija sensiela mmirata sabiex it-tfal jitgħallmu japprezzaw stejjer minn awturi lokali, huma u jisimgħu diversi personalitajiet jaqrawlhom dawn l-istejjer, li se jkunu animati bl-istampi li jżewqu l-ktieb.  

Se nidħlu wkoll Fid-dinja ta’ Faqqusu; sensiela maħduma bit-teknoloġija tar-realtà virtwali li se teħodna f’dinja surreali għal tfal ta’ età bikrija. Permezz ta’ diversi lwien u oġġetti se nkunu qegħdin nolqtu wkoll l-attenzjoni ta’ tfal bi bżonnijiet differenti. Faqqusu u Perla huma żewġt itfal li jgħixu fi rħula mdawrin bil-ġugarelli, u se jkunu qegħdin iwasslulna logħob Malti varjat, kif ukoll in-numri u l-ittri bil-Malti.   

Se jkun hemm ħafna iktar programmi interessanti, bħall-Istejjer tan-Nannu, li se tkun sensiela bbażata fuq ħrejjef popolari, iżda li se jkunu b’laqta iktar lokali.  

Sharp Shoot Media se tkun qed tuża l-esperjenza u l-kreattività biex kull tifel u tifla jkollhom l-opportunità jitgħallmu l-Malti permezz ta’ programmi awdjoviżivi, tant li ’l quddiem se jsiru xi proġetti mmirati għal tfal b’abbiltajiet differenti wkoll.  

Il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed ukoll jagħti s-sostenn tiegħu lejn din il-pjattaforma ġdida. Is-Sur Albert Marshall, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, kompla jżid kemm hu importanti li jitwieldu inizjattivi bħal dawn. Dan għaliex, apparti fl-importanza nazzjonali li qiegħda tingħata lil-lingwa nazzjonali, dawn l-inizjattivi se jkunu qed joħolqu wkoll opportunitajiet għal artisti lokali, li issa għandhom post ieħor fejn jistgħu jesprimu t-talenti tagħhom. 

Perlina TV se jkun aċċessibbli għall-pubbliku minn Novembru li ġej. 

 

More in Divertiment