Ittri tat-22 ta' Ġunju 2014
Gvern li ma jismax il-vuċi ta’ kulħadd!
Daren Decelis
Ħad-Dingli
Il-kwiet, il-paċi u s-serenità li konna qegħdin ngħixu fihom aħna l-familji li noqogħdu fi Triq il-Knisja Ħad-Dingli, dan l-aħħar spiċċaw fix-xejn, wara li xi ħadd fil-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli stess, għoġbu jilqa’ lment ta’ xi ħadd
ieħor li mhux residenti fl-istess triq, sabiex titwaħħal “road hump” b’detriment għalina r-residenti. U dan minħabba l-istorbju kontinwu minn kull vettura li tgħaddi.
Kienu kollha għalxejn l-ilmenti u l-protesti li tressqu għall-attenzjoni tal-Kunsill Lokali mir-residenti. Għax flok mal-Kunsill Lokali kien ta’ tarka għall
familji li jgħixu f’din it-triq, sabiex ma jħallix din l-inkonvenjenza ssir, injorahom u rrombla minn fuqhom. Tant li qalilhom li jekk iridu jipprotestaw, jagħmlu dan ma’ Transport Malta.
Fid-dawl ta’ dan kollu, tajjeb illi min hu kkonċernat jagħmel l-istudju li sar, sabiex saret din ir-“road hump” wieħed pubbliku.
Wara kollox ftit aktar minn sena ilu aħna ġejna mwiegħda bi Gvern li jisma’ lil kulħadd, u mhux li xi wħud ikunu preġudikati għax il-vuċi tagħhom hija waħda baxxa.
Biex intejbu l-ħajja tal-istudenti
Josephine Gatt-Ciancio
Kalkara
Ħafna jitkellmu dwar il-bullying fl-iskejjel iżda huma ftit li jgħidu x’jikkawżah.
Ġieli l-bullying jiġri għax it-tfal jgħiru għal dak jew dik l-istudent/a li tiġi mfaħħra mill-għalliem/a.
Ċerti għalliema jaqbdu ma’ xi student/a u joqogħdu jfaħħruha quddiem il-klassi kollha.
L-istudenti l-oħra jgħiru u jkun hemm minnhom min jasal biex isawwat jew jgħajjar lil dak jew dik l-istudent/a.
X’jista’ jsir? Jew l-għalliem ma jfaħħar lil ħadd, ħaġa li jien ma naqbilx magħha, jew inkella l-għalliem isib xi ħaġa tajba f’kulħadd anke jekk tasal li tfaħħar żarbun illustrat ta’ student/a.
Hekk kulħadd iħossu li għandu xi kwalità speċjali u ma jgħirx għall-oħrajn.
Fid-dinja kulħadd iħoss il-bżonn li jispikka u jekk bniedem ma jirnexxilux jispikka fit-tajjeb ħafna drabi jispikka billi jagħmel il-ħażin.
Ħaġa oħra, l-iskola għandha tagħmel l-almu tagħha biex toħloq komunitajiet ta’ studenti. Hekk għandhom jinħolqu gruppi ta’ interess komuni. Hekk ikun hemm grupp ta’ ġbir tal-bolli, grupp tal-fotografija eċċ. Dawn il-gruppi għandhom, jitmexxew minn youth workers li joħorġu l-grupp inkwistjoni fil-ħin ħieles tal-istudenti bħas-Sibt u l-Ħadd. Hekk l-istudenti jidraw jiddevertu flimkien u hekk jonqsu l-perikli ta’ drogi eċċ għax il-grupp ikollu interessi komuni.
L-aħjar li l-youth workers ikunu koppji u mhux individwi biex jonqos iċ-ċans ta’ abbuż.
Hemm bżonn li ż-żgħażagħ jissoċjalizzaw bejniethom taħt il-kontroll tal-youth leaders u mhux inħallu ż-żgħażagħ jgħaffġu għal rashom.