Ittri tad-29 ta' Ġunju 2014

It-tradizzjoni tal-ġirja bil-vara tal-Ħamrun 

Joe C. Cordina

Ħamrun

Waqt il-quddies tas-Sibt 31 ta’ Mejju fil-knisja ta’ San Gejtanu l-Ħamrun inqara digriet ta’ Mons. Arċisqof Pawlu Cremona fejn tħabbar li t-tradizzjoni tal-ġirja bil-vara fil-festa ta’ San Gejtanu, kellha tibqa’ ssir. Din l-aħbar intlaqgħet b’ċapċip, turija ta’ kemm din it-tradizzjoni hi tant għażiża għall-Ħamruniżi.

Il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun hi magħrufa sew għal marċi brijużi li jsiru fi Triq il-Kbira San Ġużepp però barra dawn il-marċi l-festa ta’ San Gejtanu hi magħrufa wkoll għal mod spettakulari li bih il-vara tiddaħħal fil-knisja wara l-purċissjoni, meta r-reffiegħa bil-vara fuq spallithom jitilgħu jiġru d-disa’ tarġiet taz-zuntier. Din it-tradizzjoni ilha ssir is-snin u qatt ma kien hemm xi inċident serju. Ġieli ġara li l-vara qisha tmil imma mal-ewwel tiġi f’postha. Però s-sena li għaddiet qam ħafna għagħa għax hekk kif ir-reffiegħa bil-vara fuq spallithom kienu kważi waslu fl-aħħar tliet tarġiet taz-zuntier, il-vara mielet fuq ġenb wieħed u kienet qisha ser taqa’ qabel ma n-nies kienu pronti u żammewha milli tkompli tmil. Dakinhar in-nies, flok warrbet biex teħles mill-periklu, ġriet għal taħt il-vara u tellgħeta ’l fuq. Kif il-vara ġiet f’postha tkompliet id-daħla tagħha fil-knisja. 

Dan l-inċident qajjem ħafna xnigħat li l-ġirja kienet se titwaqqaf u dan seta’ jwassal għal xi nkwiet u għalhekk din id-deċiżjoni ta’ Mons. Arċisqof u l-Kappillan kienet tassew għaqlija mhux biss għax waqfet ħesrem xnigħat u polemiki imma wkoll għax tat ċans biex tiġi ppreservata tradizzjoni unika fix-xenarju tal-festi Maltin. Iktar u iktar meta żżomm f’moħħok li f’dan iż-żmien ta’ materjaliżmu estrem u antagoniżmu għal dak kollu li hu reliġjuż qegħdin fil-periklu li nnaqqru minn dak li għandu x’jaqsam mal-kult u t-tradizzjonijiet insara.

Ta’ min ifaħħar din id-deċiżjoni ta’ Mons. Arċisqof u l-Kappillan li din it-tradizzjoni kellha tibqa’ ssir naturalment bit-teħid ta’ ċerti prekawzjonijiet biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun xi inċidenti simili. 

Dwar ir-reffiegħa wieħed jissuġerixxi li ssir sejħa pubblika mill-Kappillan għal dawk li jkunu jixtiequ jerfgħu fil-vara ta’ San Gejtanu. Ma’ din is-sejħa naturalment għandhom ikunu marbuta ċerti kundizzjonijiet u regoli fosthom il-qagħda fiżika ta’ dak li japplika, li jkun mill-parroċċa u joqgħod fil-parroċċa, li jkun lest li jingħaqad fi fratellanza, li jieħu sehem f’purċissjonijiet oħra fil-parroċċa u fil-funzjonijiet tal-knisja. B’hekk din it-tradizzjoni tant għażiża għall-Ħamruniżi u għal dawk kollha li jiġu apposta għaliha tkompli ssir u żżid mar-rikezza li l-festi Maltin primarji u sekondarji għandhom fit-tradizzjonijiet u l-folklor u għalhekk ta’ min ifaħħar din id-deċiżjoni ta’ Mons. Arċisqof u l-Kappillan tal-Parroċċa San Gejtanu.

More in Ittri