Ittri tal-Ħadd 26 t' Ottubru
L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]
Ikompli l-battibekk fuq il-Kunsill Malti għall-Isport
Dr. Luciano Busuttil
Ċermen KMS
Nagħmel referenza għall-ittra miktuba minn Clyde Puli li dehret fil-ġurnal tiegħek tad-19 t’Ottubru 2014.
Nibqa’ dejjem impressjonat bil-mentalità tal-amministrazzjoni preċedenti li tagħha Clyde Puli, kien il-Ministru responsabbli mill-isport u mill-Kunsill Malti għall-Isport.
Clyde Puli semma’ lista sħiħa ta’ proġetti li saru fi żmien amministrazzjoni preċedenti. Kulħadd huwa kapaċi jivvinta proġetti u joħloq ideat u jibni impjanti jiswew il-miljuni. Mhux kulħadd kapaċi jagħmel baġit tajjeb u jħallas għal dawn il-proġetti. Fil-fatt il-problema prinċipali li sibt fil-KMS kienet li kien għad hemm diversi kontijiet li kienu għad iridu jitħallsu minħabba impenji li saru fi żmien li Clyde Puli u li ma tħallsux. Il-kontijiet għadni nirċevihom sal-lum għal xogħlijiet li saru fl-2012. Dawn il-kontijiet ivarjaw minn xogħlijiet fil-pixxina nazzjonali tal-Qroqq, fil-kumpless Sportiv ta’ Ħal-Kirkop, kif ukoll f’wegħdiet sproporzjonati li saru fl-aħħar xhur qabel Marzu 2013 fejn deher ċar li l-KMS ma kienx jiflaħ għalihom. Mhux hekk biss, il-KMS kien qed ibati minn problema serja ta’ organizzazzjoni finanzjarja li l-effett tagħha kien għadu qed jinħass sa ftit xhur ilu. Spiċċajna b’dejn ta’ miljun u mitejn elf ewro, meta bejn l-2011 u l-2013 kien hemm €4,000,000 fil-banek. Huwa faċli tonfoq il-flus u jħallsu ta’ warajk!
L-iskola nazzjonali tal-Isport hija proġett tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-ispiża toħroġ minn hemm u mhux mill-kotba tal-KMS. Ma saret l-ebda spiża sabiex l-aġenzija għall-kontra d-doping tiġi introdotta. Il-KMS kull m’għamel huwa li impjega ħaddiem, sar bord u beda jsir l-evalwazzjoni u issa qed tingħata l-awtonomija li tixirqilha.
Fuq il-proġetti li saru bejn l-2011 u l-2013 ħafna minnhom għadhom bil-problemi għax kif għidt kienu għadhom ma tħallsux. Proġetti, li ħafna minnhom ma kienx hemm bżonnhom. F’Ħal Qormi, Clyde Puli nefaq aktar minn €300,000 f’bandli, open gym u faċilitajiet oħra sbieħ liema somma setgħet però tintuża fuq il-Pixxina Nazzjonali li tħalliet mitluqa għal 20 sena sħaħ, u llum ninsabu ffaċjati bi plant room mimlija ħsarat strutturali. Clyde Puli ma kienx kapaċi jġib fondi tal-ERDF biex inbiddlu l-mod kif insaħħnu l-ilma, b’mod aktar effiċjenti u b’nofs il-prezz. Il-KMS f’sena u nofs ta’ din l-amministrazzjoni rnexxielu jġib dan il-proġett b’nofs miljun mill-Unjoni Ewropea.
Mehmuż ma’ din l-imejl qed nibgħatlek l-ispiża kollha relatata mas-serata tal-isports award li swiet lejliet l-elezzjoni tal-2013, aktar minn €100,000. Din is-sena, swiet €15,000 għax għamilna ċert li ma jkollniex ħela. L-ammont ta’ flus minfuqa għall-awards kien ikun ħafna ikbar li kieku l-ħaddiema tal-KMS u l-Kumitat Organizattiv ma ħadmux bil-għaqal u permezz ta’ serje ta’ bartering agreements ma frankawx eluf ta’ ewro lill-KMS. Fuq kollox kien hemm trasparenza liema bħala li tat sodisfazzjon lill-finalisti kollha.
Qbadna t-triq it-tajba li niffrankaw il-ħela fosthom pagi ta’ seba’ ħaddiema li tpoġġew litteralment lejliet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Ħaddiema li ġew iċċertifikati żejda anke b’rapport indipendenti fejn qal li l-KMS kellha aktar nies milli għandha bżonn. Karigi li ġew maħluqa u li tħallew vojta proprju sa lejliet l-elezzjoni u li mtlew l-għada tal-elezzjoni. Il-pagi ta’ dawn kienu eċċezzjonali, b’kuntratti li minn definiti saru indefiniti.
Clyde Puli ma jafx x’inhu jgħid u għadu jara l-persuni bl-uċuh, jekk humiex Nazzjonalisti jew Laburisti. Fil-KMS hemm ħaddiema li lkoll għandhom l-opinjoni politika tagħhom. Ħaddiema li saħansitra kienu persuni ta’ fiduċja f’ministeri taħt amministrazzjoni oħra li urew il-kapaċitajiet tagħhom u għalhekk huma afdati f’xogħolhom. Kull ħaddiem huwa ġġudikat fuq il-ħidma tiegħu u tagħha u mhux fuq l-opinjoni politika. Il-persuni li Clyde Puli semma ma ddaħħlux minn barra ċ-ċivil anzi l-qariba tal-Eks Segretarju Ġenerali tal-PL hija ħaddiema tal-IPSL li lill-KMS ma swietlu xejn u li llum din m’għadhiex taħdem il-KMS; il-mara tas-Sindku Laburista, hija impjegata taċ-ċivil u l-Kap ta’ One Sport mhuwiex impjegat tal-KMS, iżda huwa konsulent tal-Ministeru li qed jagħmel xogħol mal-KMS kif mitlub mill-Ministeru u mill-Bord tal-KMS. Jekk Clyde Puli jrid imeri s-sewwa, lest li anke nippubblika l-ittra datata 8 ta’ Marzu 2013 biex ħaddiem ħabib kbir tiegħu partikolari jibda xogħol fl-10 ta’ Marzu 2013. Dan biex ma nsemmix il-pastażata ta’ kundizzjonijiet li ċertu kuntratti għandhom, mhux biss kuntratti ta’ impjieg imma wkoll kuntratti ta’ servizz.
Dwar il-katnazzi li qed isemmi Clyde Puli, frott ta’ storja fqira li dehret f’ġurnal hekk imsejjaħ indipendenti, għandu żball kbir. Mhuwiex minnu li l-bibien tal-emerġenza magħluqa bil-katnazz għax dawk li dehru huma bibien li fi żmienu wkoll kienu magħluqa. Jidher li Clyde Puli ma kienx ikun fil-kumpless tal-Kottonera fi żmien meta kien Ministru.
Bil-provi din l-amministrazzjoni hija aħjar minn dik preċedenti. Imqar wieħed isemmi Summer on the Move. Taħt it-tmexxija tiegħu, l-aħħar Summer on the Move swiet €120,000 f’telf. Din is-sena għamilna l-profitt għal kważi €60,000. Dan sar meta n-numri żdiedu u l-prezzijiet baqgħu l-istess. Il-figuri, f’dan l-eżempju sempliċi, juru d-differenza u juru din l-amministrazzjoni tal-KMS x’issarraf, u kemm hi ahjar minn dik ta’ żmien Clyde Puli!