Ittri tal-Ħadd 22 ta' Marzu
L-ittri jridu jkunu ffirmati u mhux itwal minn 300 kelma. Indirizzaw l-ittri tagħkom: Lill-Editur Illum, MediaToday, Vjal ir-Riħan, San Ġwann jew imejl [email protected]
Bjorn Azzopardi
Kunsillier –
Ħal-Qormi
Ftit tal-ġimgħat ilu bħala parti mill-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’Ħal Qormi mort inżur xi familji fiż-żona tal-Ħandaq fejn illum hemm Ta’ Ganza cash & carry, żona residenzjali maġenb Triq l-Imdina. Dawn il-familji kienu kollha kelma waħda, il-periklu kontinwu sabiex jaqsmu lejn iċ-ċentru ta’ Ħal Qormi.
F’dawn it-tmien snin li ilni Kunsillier Lokali niftakar li saru diversi proġetti fiż-żona fosthom li t-toroq taż-żona kollha ingħataw it-tarmac, saru roadmarkings u tabelli ġodda kif ukoll ġiet installata crash barrier fi Triq l-Imdina sabiex tiżdied is-sigurtà f’din it-triq li t-traffiku fiha ma jieqafx. Ġiet installata wkoll speed camera ’il fuq miż-żona imsemmija sabiex jitnaqqas is-sewqan eċċessiv fiż-żona. Madankollu dawn ir-residenti qed jitolbu sett dwal tat-traffiku ġdid sabiex tagħtihom aċċess għaċ-ċentru ta’ Ħal Qormi. Din it-talba ilha ssir għal diversi snin u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi għamel diversi talbiet ma’ Transport Malta. Iżda Transport Malta qed tibqa’ ssostni li l-post mitlub mhux tajjeb għal sett dawl tat-traffiku għax jinsab f’liwja, filwaqt li dejjem tenfasiżża li hemm żewġ settijiet dawl tat-traffiku fil-viċin, wieħed qabel id-dħul għaż-żona industrijali tal-Ħandaq u l-ieħor faċċata tas-showroom tal-KIA.
Fiż-żona imsemmija ta’ kuljum tara nies ta’ kull eta’ jippruvaw jaqsmu minn fejn Ta’ Ganza għal man-naħa l-oħra għal diversi raġunijiet fosthom biex jagħmlu xirjiet jew biex imorru saċ-ċentru tas-saħħa li tinsab hekk kif taqsam it-triq. Kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa dawk li jridu sempliċiment imorru saċ-Ċentru tas-Saħħa, li min jiġi bżonn iċ-Ċentru tas-Saħħa ġeneralment ma jkunx jiflaħ ħafna, irid jimxi sa fejn is-showroom tal-KIA, jaqsam mid-dawl tat-traffiku li hemm hemm u jerġa’ jinżel bil-mixi Triq il-Vitorja saċ-ċentru tas-saħħa. Għal min ikun mgħobbi b’xirja mhix prattika lanqas li jmur bil-mixi sal-eqreb dawl tat-traffiku u jerġa’ jdur id-dawra, u allura ħafna jiddeċiedu li jissugraw ħajjithom u jaqsmu Triq l-Imdina xorta waħda. Fil-fatt tul is-snin saru diversi inċidenti fiż-żona msemmija iżda s’issa dan id-dawl tat-traffiku kien u għadu xewqa ta’ dawn ir-residenti.
Bħala Kunsillier Lokali nifhem it-tbatija u l-periklu li esposti għalih dawn ir-residenti. Il-fatt li fl-istess triq hemm settijiet oħra dawl tat-traffiku ma narax għalfejn m’għandux jiġi identifikat post fejn isir sett ġdid. Fil-verità dan is-sett huwa l-aktar wieħed mit-tnejn l-oħra diġà eżistenti li jista’ jwasslek għaċ-ċentru ta’ Ħal Qormi fejn fi ftit minuti tista’ tasal għaċ-Ċentru tas-Saħħa u għall-iskola primarja ta’ San Ġorg. Għal dawn ir-raġunijiet nemmen li Transport Malta għandha tikkunsidra bil-kbir it-talba ta’ dawn ir-residenti sabiex tnaqqas il-periklu li huma esposti għalih ta’ kuljum!
Diżastru
Edward Torpiano
Floriana
Nagħmel referenza għal-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2015 fis-7.00pm fil-Każin Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, fejn Raymond Tabone, is-Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar, ikkummenta, mhux biss dwar x’inhu jiġri fil-lokalità, imma wkoll dwar it-taħwid li hemm fil-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar.
Nistaqsi lill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Laburista, lill-Viċi Sindku Alex Bezzina u lis-Sindku Ray Tabone, (magħruf bħala roadrunner), dwar x’setgħet kienet ir-raġuni li mid-data 10 ta’ Marzu 2012 sad-data tal-11 ta’ April 2015 kien hemm ir-riżenja tal-Kunsillier Laburista Jason Camilleri, ir-riżenja tal-Kunsillier Laburista Carmel Hili, ir-riżenja tas-Segretarju Eżekuttiv John Camilleri, ir-riżenja tas-Segretarju Eżekuttiv George Abela, filwaqt li s-Segretarju Eżekuttiv Frans Chircop diġà avża li ser jitlaq, u r-riżenja tas-Sindku Mario Salerno (iżjed moħħu f’Ħal Kirkop).
Nixtieq nistaqsi għalfejn, wara li s-soltu jinfexx jgħajjar lir-residenti għar-raġuni li lmentaw, infexx jgħajjar lill-Kandidat Pawlu Bugeja- għar-raġuni li organizza laqgħa għall-barranin bla ma avża lil sħabu, (ġodda) Laburisti u infexx jgħajjar lill-handyman li ma apprezzax kemm jaqla’ flus f’overtime minn mindu beda jmur il-Qawra jaqta’ s-siġar.