Dinjità u tolleranza
Il-kunċett ta’ paċi ġie ttradut u kkalpestat minn individwi li jippretendu li jgħixu f’din id-dar tagħna imma ddeċidew li jibnuha mill-ġdid fuq bażi ta’ esklużjoni u fanatiżmu
M’aħniex qed ngħixu fi żminijiet normali. Ċertament mhuwiex normali li żewġ Musulmani jidħlu fi knisja f’raħal kwiet fin-Normandija, Saint-Etienne-du-Rouvray, ħdejn Rouen nhar it-Tlieta filgħodu, u jżommu lill-qassis u l-kongregazzjoni ostaġġi. Wara xi tliet kwarti, ġiegħlu lill-qassis jinżel għarkupptejh qabel ma ħanxrulu għonqu filwaqt li kienu qed jiffilmjaw l-att barbariku. Irriżulta li ż-żewġ Misilmin li wetqu dan l-att kienu ppruvaw imorru s-Sirja u kienu magħrufa mill-awtoritajiet. Wieħed minnhom kien bil-parole u kien qed jiġi segwit. Tfaċċaw filmati tagħhom jaħilfu l-ġurament ta’ fedeltà lill-Istat Iżlamiku li dlonk ipproklama l-qtil bħala att tas-suldati tiegħu. Iż-żewġ terroristi ġew maqtula fuq iz-zuntier tal-knisja hekk kif xirfu mill-għatba tal-knisja ’l barra.
Att selvaġġ b’simboliżmu qawwi: ministru tal-knisja ta’ Kristu ġie ssagrifikat fuq l-artal qisu l-ħaruf ta’ din id-dinja. Verament qed ngħixu fi żminijiet sekulari imma laqtitni r-reazzjoni ġenerali, reazzjoni li fl-opinjoni tiegħi tagħti lok għall-ottimiżmu kbir.
Fl-ewwel lok, laqtitni r-reazzjoni tal-Knisja Kattolika. Kienet reazzjoni kalma ħafna bla ebda tixwix ta’ xejn. Il-kelliem tal-Papa Franġisku stqarr li l-Papa qasam il-weġgħa u l-orrur ta’ din l-vjolenza assurda. Il-Vatikan iddikjara li huwa partikolarment affetwat bil-vjolenza tat-twerwir li ġrat “f’post qaddis fejn titħabbar l-imħabba t’Alla.” Fi triqtu lejn il-Polonja, il-Papa ddikjara li tassew ninsabu fi gwerra, kunċett li esprima drabi oħra, imma mhijiex gwerra ta’ reliġjon. U din hi l-aktar ħaġa importanti.
Mill-banda l-oħra, l-Arċisqof Dominique Lebrun ta’ Rouen, li kien fi Kraków, il-Polonja għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, qal li “jibki lil Alla ma kull min hu ta’ rieda tajba. Nistieden lil min ma jemminx sabiex jingħaqad f’din il-bikja” u żied li “l-Knisja Kattolika ma tħaddanx armi oħra barra t-talb u l-fraternità fost il-bnedmin.” Appella liż-żgħażagħ li kienu miġbura fi Kraków sabiex “ma jċedux għall-vjolenza imma jsiru appostli taċ-ċiviltà tal-imħabba.” M’hemmx dubju li r-reazzjoni tad-dinja Kattolika kienet dinjituża għal aħħar.
F’indirizz lin-nazzjon it-Tlieta filgħaxija, il-president Franċiż Francois Hollande ġedded is-sejħa tiegħu lill-poplu Franċiż sabiex jibqa’ magħqud fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u qal li l-Gvern hu determinat li jikkonfronta t-theddida Jiħadista bil-mezzi kollha possibbli. Madankollu, Hollande wissa kontra t-tnaqqir tal-libertajiet ċivili u qal li t-tneħħija tal-libertajiet kostituzzjonali ddagħjef l-għaqda tal-pajjiż. “L-Istat Iżlamiku ddikjaralna gwerra. Irridu niġġieldu din il-gwerra bil-mezzi possibbli kollha filwaqt li nirrispettaw is-saltna tad-dritt - dan li jagħmilna demokrazija.” U f’passaġġ ferm qawwi qal “Li tattakka knisja, toqtol qassis, tkun qed tipprofana r-repubblika.” Ma tistax ma tagħtix każ l-użu ta’ lingwaġġ reliġjuż mill-kap ta’ repubblika ferm sekulari fil-kuntest ta’ att daqshekk vjolenti.
Sfortunatament, l-appell ta’ Hollande għall-għaqda nazzjonali ma ntlaqax mill-oppożizzjoni. L-eks president Nicholas Sarkozy ikkritika l-gvern ta’ Hollande li ma kienx qed jiddefendi biżżejjed lill-Franċiżi filwaqt li l-mexxejja tal-lemin, Marine LePen ikkritikat il-mexxejja Franċiżi kollha wara din is-sensiela ta’ attakki terroristiċi f’dawn l-aħħar sena u nofs.
Wara dawn l-attakki terroristiċi kemm fi Franza kif ukoll fi bnadi oħra, jiena spiss kont ngħid bejni u bejn ruħi imma kif ir-reazzjoni tad-dinja Musulmana għal dawn l-atti terroristiċi hija daqshekk fjakka. Waħda mir-raġunijiet kont naħseb li hi li d-dinja sunnita li tħaddan fiha aktar minn 80% tal-Misilmin m’għandhiex ġerarkija bħalma għandha d-dinja kattolika jew is-setta l-oħra prinċipali Musulmana, ix-xijiti. Kwalunkwe persuna tista’ tipproklama ruħha Imam u tinterpreta l-Quran u tagħlim ieħor, il-ħadith, kif jixtieq. Madankollu, wieħed miċ-ċentri importanti ta’ tagħlim tad-dinja sunnita hu l-istitut Al-Ażhar fl-Eġittu li l-kap tiegħu, l-Imam Ahmed al-Tayeb ikkundanna l-qtil barbariku tal-qassis Franċiż mingħajr tlaqliq. Al-Tayeb iddikjara li ż-żewġ terroristi li qatlu l-qassis u żammew l-ostaġġi “kienu mneżża’ mill-umanità u valuri Iżlamiċi.” Huwa ġedded is-sejħa għal sforzi komuni sabiex il-kanċer tat-terroriżmu li qed jhedded id-dinja kollha jiġi miġġieled. Ftit ġimgħat ilu, l-istess Al-Tayeb kien ikkundanna l-qtil ta’ qassis kopt fis-Sinaj u stqarr li dan il-qtil jikser “it-tagħlim tolleranti kollu tal-Iżlam u tar-reliġjonijiet divini u t-tradizzjonijiet u n-normi li jikkriminalizzaw it-terroriżmu fil-forom kollha tiegħu.”
Appell qawwi lill-Misilmin sar mill-kittieb Marokkin li jgħix fi Franza Tahar Ben Jelloun. Huwa qal li l-Iżlam għaqqadna f’dar waħda. Irridu jew ma rridux, magħqudin flimkien f’dak l-ispirtu superjuri li jiċċelebra l-paċi u l-fratellanza. Imma minn xi żmien ’l hawn, il-kunċett ta’ paċi ġie ttradut u kkalpestat minn individwi li jippretendu li jgħixu f’din id-dar tagħna imma ddeċidew li jibnuha mill-ġdid fuq bażi ta’ esklużjoni u fanatiżmu. Biex jagħmlu hekk qed joqtlu l-innoċenti, aberrazzjoni u krudeltà li l-ebda reliġjon ma tippermetti.
Ben Jelloun kompla jgħid li issa qabżu linja ħamra: li tidħol fi knisja f’raħal żgħir fin-Normandija u taggredixxi anzjan, qassis, u tiskarnah bħal ħaruf, u tirrepeti l-istess ġest fuq persuna oħra li ħallewha fl-art bejn ħajja u mewt (fortunatament għexet) u tgħajjat isem l-Istat Iżlamiku biex imbagħad tmut, hija dikjarazzjoni ta’ tip ġdid, ta’ gwerra ta’ reliġjon. Nafu kemm tista’ ddum u kif ser tispiċċa. Ħażin, ħażin ħafna.
Għaldaqstant wara dawn l-attakki terroristiċi kollha, Ben Jelloun igħid li lkoll imsejħa sabiex nirreaġixxu, min jipprattika u min le. Mhux biżżejjed id-diskors u li wieħed jitkaża u joqgħod jgħid li dan mhux Iżlam. M’għadniex nitwemmnu meta ngħidu li l-Iżlam hija reliġjon ta’ paċi u tolleranza. Jekk irridu nsalvaw l-Iżlam u nuru li l-Iżlam ma jfissirx li tiskarna qassis, irridu noħorġu fil-pjazez sabiex neħilsu lill-Iżlam mill-madmad tal-Istat Iżlamiku.
Imma kif ir-reazzjoni tad-dinja Musulmana għal dawn l-atti terroristiċi hija daqshekk fjakk
Għaldaqstant irridu nadattaw għal-liġijiet tar-Repubblika Franċiża u nirrinnunzjaw għas-sinjali provokatorji kollha tar-reliġjon ta’ Mawmettu. M’għandniex bżonn nobbligaw in-nisa tagħna sabiex jilbsu qishom fantażmi suwed u nwerwru t-tfal. M’għandniex id-dritt li nżommu tabib milli jinvista Musulmana jew li noħolqu pixxini għan-nisa biss. Bħalma m’għandniex dritt inħallu lil dawn il-kriminali li joffru ħajjithom lill-Istat Iżlamiku. Mhux biss, irridu nirrapurtaw min huwa ttentat minn din l-avventura kriminali. Dan mhuwiex tradiment, imma att ta’ kuraġġ għax f’kull massakru jkun hemm vittmi innoċenti Misilmin. Għaldaqstant, temm Ben Jelloun, jeħtieġ li l-awtoritajiet reliġjużi jiċċaqalqu u jappellaw lill-miljuni ta’ Misilmin, jemmnu jew le, sabiex joħorġu fil-pjazez u jipprotestaw bil-qawwi kontra dan l-għadu, biex jgħidu li min jiskarna qassis, qed ixerred id-demm tal-innoċenti fuq wiċċ l-Iżlam. Jekk nibqgħu nħarsu passivament dak li hu għaddej minn quddiemna, f’xi ħin jew ieħor ser insiru kompliċi ta’ dawn l-assassini.
L-appell ta’ Ben Jelloun intlaqa’ mill-awtoritajiet Iżlamiċi Franċiżi bl-aktar mod mhux mistenni: il-Misilmin Franċiżi ġew imħeġġa biex illum imorru jisimgħu l-quddiesa flimkien mal-Kattoliċi ħalli juru l-istmerrija tagħhom għal min qed jipprova jqabbad gwerra bejn ir-reliġjonijiet u s-solidarjetà tagħhom mal-kattoliċi wara dan l-attakk viljakk. Tassew huwa ġest qawwi li jagħti tama kbira f’dawn iż-żminijiet daqshekk imqalbin.
Tassew li s-sens ta’ dinjità u tolleranza ta’ Kattoliċi, misilmin u sekulari wara l-qtil ta’ dan il-povru qassis jagħti tama lil kulħadd li l-isforzi tal-fanatiċi li qegħdin jinqdew bl-Iżlam mhix se tagħti r-riżultat li jixtiequ.
L-Ewropa trid tiddistingwi ruħha bħala l-post fejn kulħadd jista’ jgħix fil-libertà u jħaddan ir-reliġjon li jrid mingħajr biża ta’ xejn. Irridu nifhmu li l-affarijiet li jgħaqqduna huma ferm aktar minn dawk li jifirduna. U rridu akkost ta’ kollox nevitaw li naqgħu fin-nasba ta’ dawn il-kriminali li qegħdin jinqdew bl-Iżlam għall-iskopijiet ħżiena tagħhom.