Stedina kuljum!

Marilyn Bellizzi tikteb dwar l-inviti li jġegħeluna nħossuna speċjali... imma li mhux dejjem nilqgħu

Il-kliem ‘Kulħadd Mistieden ’ fuq l-aħħar invit li ġie f’idi għamel fiċ-ċert li mqar jekk għal ftit nieqaf u nara x’kienet din l-imbierka stedina! Bla ma ntbaħt, l-istess kliem kien akkumpanjani wkoll għal din il-laqgħa... ‘Kulħadd Mistieden’. Tassew li kulħadd kien mistieden imma mhux kulħadd attenda! Ir-raġuni għal dan hi waħda pjuttost ovvja - mhux kulħadd kien interessat f’dik it-tali stedina.

Minkejja li invit kapaċi jġegħelna nħossuna speċjali, milqugħin u aċċettati, mhux dejjem nilqgħu kull stedina li jkollna. Il-ħajja għallmitna li diffiċli tolqot il-bżonniijiet u l-gosti ta’ kulħadd! Iżda sakemm il-ħaġa hi diffiċli, mhix impossibbli.

Dan l-aħħar smajt għanja spiritwali li reġgħet ħaditni lura għal żmien tfuliti. Din tistieden b’mod partikolari lil dawk li jinsabu bil-għatx għall-ħajja, li dawk li jridu jsibu l-paċi, lil dawk li qed jgħixu mingħajr raġuni, lil dawk li jridu jgħixu fl-imħabba, lil dawk li jinsabu magħfusin bil-ħtija, lil dawk li jridu jsibu l-maħfra, lil dawk li qed jgħixu bla ebda tama, u lil dawk li jridu jsibu l-qawwa. Għalkemm il-lirika tal-għanja kont nafha bl-amment, dakinhar intbaħt li qalb dawk il-kliem kien hemm moħbija stedina partikolari għax b’xi mod jew ieħor, għall-kuntrarju ta’ stediniet oħra, tolqot lil kull persuna f’wiċċ id-dinja. Hi stedina li tikkonċernana lkoll.

Jekk forsi qed tistaqsi x’tip ta’ stedina hi din, l-isem tal-għanja jispjegaha faċilment – ‘Ejja wara Ġesù’. Kif tkompli l-għanja stess, kulħadd għandu bżonn imur wara Ġesù għax ‘Hu biss it-triq li twassalna, hu l-verità li ddawwalna; hu biss li jagħti l-ħajja.’

Tassew il-ħajja mimlija stediniet imma l-akbar stedina hi l-ħajja nfisha. Kull ġurnata hi stedina mingħand Alla biex ngħixu. Nafu li din il-ħajja bil-kumditajiet u t-tlellix kollha li fiha qatt ma tissodisfana kompletament, dejjem irridu aktar. Dan għaliex din il-ħajja hi biss vjaġġ. Vjaġġ li jaf ikun sfidanti, imma bi Kristu magħna dejjem ikollna min jgħinna, jerfgħalna t-tagħbija u jidderiġina fid-destinazzjoni tal-ħajja vera. Mingħajru, l-istorja tkun totalment differenti.

Jalla l-Mulej jiftħilna qalbna biex nagħrfu nagħżlu l-aħjar sehem: nafdaw f’Ġesù, nimxu warajh, infittxuh fl-Iskrittura u nitkellmu miegħu permezz tat-talb. Hekk fl-aħħar ta’ ħajjitna nsibu l-bidu tal-ħajja!

 

[email protected]

More in Ittri