Opinjoni | Il-PD b’rieda politika li jservi lil Malta u Għawdex
Il-Partit Demokratiku bħala partit rappreżentat fil-Parlament hu kommess lejn stil ta’ politika li sservi u tirrispetta lil kulħadd l-istess
Qabel l-elezzjoni li għaddiet jien kont stqarrejt li “vot il-PD hu vot favur Malta Maltija fl-Ewropa, b’ valuri li jħarsu d-dinjità tagħna lkoll u l-interessi ta’ Malta u Għawdex. Hu vot ukoll kontra l-establishment, l-istatus quo u kontra l-ħakma tal-partiti l-kbar minn negozjanti magħrufa bħala ħbieb tal-ħbieb”.
Fil-fehma tiegħi r-riżultat tal-elezzjoni juri li sal-lum ftit huma dawk il-votanti li qed jaraw skop fit-tielet forza politika barra mill-partiti tradizzjonali. Dan ngħidu għax terz tal-popolazzjoni ma ġabrux il-vot jew ħassru l-vot, u dan għax għalkemm il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista ma daqqilhomx, xorta ma kinux lesti jivvutaw mod ieħor.
Dan jgħabbi lill-PD b’aktar responsabiltà, għax dan il-partit propju nħoloq biex iservi l-interess nazzjonali u pubbliku. L-aġenda tal-PD tibqa’ inti, il-familja tiegħek u l-ġenerazzjonijiet li ġejjien. M’għadna l-ebda aġenda oħra. Nemmnu f’ekonomija b’saħħitha, biex bis-saħħa ta’ governanza tajba jkollna għejxien f’saħħtu, u hekk ser nibqgħu nagħmlu. Dan hu possibbli għax il-Partit Demokratiku hu ħieles.
Il-PD hu partit ta’ nies li żammew mal-prinċipji tagħhom ta’ ħsieb liberu u governanza nadifa li sservi lill-pajjiż kollu
Il-Partit Demokratiku bħala partit rappreżentat fil-Parlament hu kommess lejn stil ta’ politika li sservi u tirrispetta lil kulħadd l-istess, huma x’inhuma l-isfond u t-twemmin tagħhom.
Imma fuq kollox nemmnu wkoll fir-responsabbiltà politika u t-tiġdid. Għalhekk wara r-riżultat tal-elezzjoni, l-Eżekutiv kollu tal-PD tefa’ r-riżenja tiegħu u twaqqfu t-tliet entitajiet: Eżekkutiv b’ħatra temporanju sakemm tiġi eletta tmexxija ġdida u żewġ kumitati indipendenti, wieħed li janalizza r-riżultat tal-elezzjoni u l-ieħor hekk imsejjaħ Steering Committee.
L-oġġettiv tal-kumitat li ser janalizza r-riżultat tal-elezzjoni hu wieħed li se jifli dak kollu li seħħ internament fil-partit, b’mod partikolari r-relazzjoni mal-midja, Kummissjoni Elettorali u l-Awtorità tax-Xandir, jifli r-riżultat tal-elezzjonijiet Ewropej u Kunsilli Lokali, jixħet dawl dwar l-attitudni tal-elettorat u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib.
L-oġġettiv tal-iSteering Committee hu aktar wiesa’. Fost dawn insibu li ser tinħoloq strateġija ta’ transazzjoni għal tmexxija ġdida, tirrakkomanda għodod ġodda ta’ marketing, mezzi ta’ komunikazzjoni u networking fil-komunità, timmodernizza l-istatut u strutturi tal-partit, tifli l-viżjoni tal-partit u tistħarreġ il-possibbilità li niffurmaw għaqda politika ma’ partiti oħra li għandhom l-istess ideoloġija.
Dan kollu jitlob skrutinju imma wkoll enerġija ġdida f’parit li hu żagħżugħ u li f’anqas minn tliet snin li ilu mwaqqaf ħoloq is-suċċessi tiegħu minkejja l-kontra kurrent li joħolqu l-partiti l-kbar.
B’danakollu l-PD hu partit ta’ nies li żammew mal-prinċipji tagħhom ta’ ħsieb liberu u governanza nadifa li sservi lill-pajjiż kollu. Hu ser ikompli jevolvi, skont l-aqwa interessi u aspirazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex, biex jassigura dinjità u kwalità tajba ta’ ħajja.