Carmel Cacopardo | Pajjiż storbjuż

Probabbli ħafna li l-awtoritajiet għandhom risposta għal dan kollu: il-materja qed tiġi studjata. Ilhom jistudjaw għal żmien twil, imma s’issa jidher li għadhom ma tgħallmu xejn!

Malta hu pajjiż storbjuż iżżejjed. It-tniġġiż minn storbju esaġerat jeħtieġ li jkun indirizzat b’mod urġenti minħabba li dan għandu impatt mhux żgħir fuq is-saħħa tagħna lkoll. Il-problema tal-istorbju f’dan il-pajjiż hi waħda kontinwa, imma din tiżdied sostanzjalment matul ix-xhur tas-sajf minħabba li jkun hawn żieda ta’ attivitajiet ta’ divertiment li jsiru fl-apert.  

Mhix problema li qiegħda f’xi lokalità waħda partikolari. Hi fil-fatt mifruxa mal-pajjiż kollu.  

Meta storbju esaġerat ikun iġġenerat minn ġo post mibni, permezz ta’ teknoloġija eżistenti, jekk din tkun użata sewwa, hu possibbli li l-impatti jkunu mnaqqsa. Imma meta l-istorbju jkun iġġenerat fl-apert, is-soluzzjoni hi waħda: elimina s-sors f’dawk il-ħinijiet li joħloq inkonvenjent kif ukoll li permezz tal-permessi maħruġa jkun determinat limitu permissibli imma raġonevoli ta’ kemm jista’ jsir storbju.

Biex dan iseħħ, imma, jeħtieġ qafas regolatorju kif ukoll it-taħriġ sewwa ta’ dawk li jkunu meħtieġa li jintervjenu biex iwaqqfu l-aċċess tal-istorbju ġġenerat meta l-limitu stabbilit jinqabeż jew ma jkunx osservat.

Il-Pulizija, li toħroġ il-permessi għall-attivitajiet ta’ divertiment li jsiru fl-apert, ma għandha ebda sensittività

Sfortunatament dan il-qafas regolatorju ma jeżistix f’pajjiżna. Agħar minn hekk, il-Pulizija, li toħroġ il-permessi għall-attivitajiet ta’ divertiment li jsiru fl-apert, ma għandha ebda sensittività għal dan kollu. Meta taġixxi dwar l-ilmenti li tirċievi tagħmel dan bl-iżjed mod kajman possibbli.  Madwar tliet snin ilu residenti tal-Isla kienu qed jilmentaw li l-ħidma tat-Tarżna ta’ Palumbo, b’mod partikolari matul il-lejl, kienet ta’ inkonvenjent kbir għalihom u ma kinitx qed tħallihom jistrieħu.  

Anna Spiteri, ambjentalista residenti fl-Isla, kienet, għan-nom tar-residenti, marret il-Qorti dwar dan. Ilkoll niftakru kif daknhar kien ħareġ ċar li l-Korp tal-Pulizija la hu mħarreġ u lanqas għandu l-għodda teknika biex ikun jista’ jaġixxi f’dawn iċ-ċirkustanzi. Minn dakinhar lil hawn, jiena infurmat li t-Tarzna ta’ Palumbo ħadet passi biex l-istorbju ġġenerat bi nhar ikun indirizzat b’ilqugħ kif ukoll qed tevita xogħol li jiġġenera l-istorbu billejl!

Issa, fil-bidu tas-sajf ir-residenti tal-Isla huma għal darba oħra bbumbardjati bil-ħsejjes ta’ mużika qawwija minn attivitajiet ta’ divertiment li jkunu organizzati f’Sant Anġlu kważi f’kull tmiem il-ġimgħa. Dan apparti l-istobju minn opri tal-baħar mikrija jduru mal-port billejl u li flimkien ma’ bosta attivitajiet storbjużi oħra għaddejjin kontinwament. Kollha suppost li bil-permess!  

Mid-dehra l-Pulizija fl-inħawi ma tgħallmu xejn mill-ilmenti dwar Palumbo u dan għax l-ilmenti dwar storbju minn mużika li qed toriġina minn attività ta’ divertiment billejl deħlin il-ħin kollu

Allura r-residenti tal-Isla (u oħrajn) għandhom ta’ bilfors jerġgħu jgħaddu mill-battikata li ħadu ma ta’ Palumbu biex jassiguraw l-osservanza tal-liġi u li huma jkunu mħarsa?

Mid-dehra l-Pulizija fl-inħawi ma tgħallmu xejn mill-ilmenti dwar Palumbo u dan għax l-ilmenti dwar storbju minn mużika li qed toriġina minn attività ta’ divertiment billejl deħlin il-ħin kollu. Il-Pulizija mhix konxja li lkoll kemm aħna għandna dritt li nistrieħu matul il-lejl. Dawk li jagħżlu li ma jistriħux u jibqgħu attivi matul il-ħin tal-mistrieħ għandhom l-obbligu li ma jiddisturbawx lill-bqija!

Dan mhux qed iseħħ biss madwar il-Port il-Kbir.  Residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u Ħ’Attard, kontinwament jilmentaw ukoll, l-iktar matul is-sajf, dwar storbju matul il-lejl minn stabilimenti tad-divertiment fiż-żona. Storbju li jtellef il-mistrieħ u hu ta’ inkonvenjent kbir.  Ħadd mhu jagħti kas.

Xi snin ilu saru regolamenti li jipprojbixxu xogħol ta’ kostruzzjoni kmieni filgħodu (qabel is-7 am) inkella tard filgħaxija (wara t-8 pm) jew fil-Ħdud u l-festi.  Anke dawn ir-regolamenti ċari mhux osservati sewwa u dan billi bosta xogħol ta’ kostruzzjoni jsir f’dawn il-ħinijiet. Il-Pulizija bosta drabi ma jagħmlu xejn. Inkella jdumu ma jiċċaqalqu meta tinġibed l-attenzjoni tagħhom.

Probabbli ħafna li l-awtoritajiet għandhom risposta għal dan kollu: il-materja qed tiġi studjata. Ilhom jistudjaw għal żmien twil, imma s’issa jidher li għadhom ma tgħallmu xejn!

Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

More in Politika