Editorjal|Sforz ġenwin u pożittiv

L-isforzi tal-Gvern biex jintroduċi miżuri innovattivi biex jitnaqqas it-traffiku huma pożittivi ħafna. Chris Bonett, il-Ministru responsabbli għat-trasport wera li jrid jaffronta din il-problema b’ċertu realiżmu.

L-isforzi tal-Gvern biex jintroduċi miżuri innovattivi biex jitnaqqas it-traffiku huma pożittivi ħafna. Chris Bonett, il-Ministru responsabbli għat-trasport wera li jrid jaffronta din il-problema b’ċertu realiżmu. Meta ngħidu realiżmu jfisser li filwaqt li kulħadd igerger dwar it-traffiku ħadd mhu lest biex jagħmel is-sagrifiċċju u juża mezzi li huma anqas dipendenti fuq il-karozza.  

Bonett fil-bidu fehem li għalxejn tgħid li l-problema hija waħda misjuba f’pajjiżi oħra. Fehem li jrid jindirizza l-problema b’sensittività. Is-sewwieq Malti jinsa kemm huwa l-kaġun tal-problema tat-traffiku f’pajjiżna. 

Bil-proposti kif inhuma spjegati fil-konferenza stampa, qed nersqu bi proposti li jgħinu biex titnaqqas ftit il-pressjoni tal-karozzi fit-toroq tagħna b’mod intelliġenti u sostenibbli, sewwa fiskalmemt u anki mill-perspettiva ħolistika. Forsi l-uniku kumment ftit negattiv hu li l-miżuri m’għandhomx jikkastigaw dawk li għandhom ċerta età. 

Bonett wera wkoll fix-xhur li ġie maħtur Ministru li kien kapaċi jifhem kemm hu importanti l-kordinament bejn l-entitajiet kollha. U dan serva biex is-sitwazzjoni tat-traffiku titjieb.   

Robert Abela bħala Prim Ministru għandu jkun kuntent li sab persuna li huwa kapaċi u li jwassal. 

 

Jason Azzopardi u l-grupp Repubblika 

Kull meta jkollna ċ-ċans aħna ma noqogħdux lura li nitkellmu ċar dwar Jason Azzopardi u l-grupp Repubblika. B’differenza minn ħaddieħor, aħna, filwaqt li niddefendu d-dritt ta’ Azzopardi u Repubblika li jaġixxu fil-kamp tad-drittijiet ċivili, ma naqblux mal-atteġġjament tagħhom. U nemmnu li l-azzjonijiet tagħhom huma mnebbħa, mhux bħalma jgħidu minn interess li jixprunaw il-verità, imma b’ħafna drabi jkunu l-protagonisti, minkejja kollox. 

Dan jgħodd l-aktar għal Azzopardi li huwa mnebbaħ minn opinjoni eżaltata tiegħu nnifsu.  

Iktar inkwetanti hu li l-azzjonijiet tagħhom huma intrinsikament kontroproduttivi għall-Partit Nazzjonalista, u kull darba li l-PN jagħmel pass ’il quddiem jispiċċa jagħmel erba’ passi lura bl-azzjonijiet unilaterali ta’ Azzopardi u Repubblika. 

Mhux xi sigriet kbir li l-qalb paternalistika u talibaneska tal-grupp Repubblika ddarras mhux ftit lin-nies, fosthom anke Nazzjonalisti akkaniti. 

Bernard Grech, bħala kap tal-PN qisu jibża’ jaqbad il-barri minn qrunu u jobżoqhom ’il barra bħalma kien beżaq il-Front Freedom Fighters ta’ Josie Muscat, Eddie Fenech Adami; mossa li kienet rebbħet lill-avukat mhux magħruf minn Birkirkara biex jirbaħ il-qlub tal-moderati. 

Il-parir tajnieh. Issa f’idejn dak li jkun biex jieħu azzjoni konkreta. 

More in Politika