.png)
Raphael Borg | Fratelli Tutti…? In-Nisrani Quddiem In-Newtralità
“Malta li tiftaħar bl-identità “Nisranija” hija dik li tħalli lin-nies jegħrqu fil-Mediterran, li taħkem lill-ħaddiem b’pagi baxxi u kera li ma tistax taffordja, li tifraħ b’lukandi lussużi waqt li eluf jgħixu f’garaxxijiet”
.png)
Meta Papa Franġisku ġie Malta fl-2022, għajjat b’leħen ċar kontra s-soċjetà li tħares lin-nies mhux bħala bnedmin, imma bħala numri f’xi transazzjoni. Fi Fratelli Tutti, il-Papa jsejjaħ għad-dinjità għall-ħaddiem, għall-foqra, għall-emigranti, u kontra s-sistema li tittratta lill-bniedem bħala prodott. Imma Malta x’għamlet?
L-istess Malta li tiftaħar bl-identità “Nisranija” hija dik li tħalli lin-nies jegħrqu fil-Mediterran, li taħkem lill-ħaddiem b’pagi baxxi u kera li ma tistax taffordja, li tifraħ b’lukandi lussużi waqt li eluf jgħixu f’garaxxijiet. L-istess Malta tgħid li hi “paċifika” u ma tilqax lill-emigranti, imma tikkopera ma’ Frontex biex tibgħathom lura f’qabar miftuħ. Il-Gvern jiftaħar li naqqas id-dħul tal-emigranti bi 93% – dan huwa suċċess? Jew falliment morali?
Kemm hija Nisranija din is-soċjetà?
Tkun Nisrani għax tiddefendi salib magħmul minn friegħi mejta fuq ħajt, għax trid il-vara tiegħek u n-nar tiegħek joħorġu fuq iz-zuntier, jew għax tħobb lil għajrek bħalek innifsek?
Nisranija din is-soċjetà li temmen fil-paċi, fil-ġustizzja, fil-kura għall-foqra, jew soċjetà li taqbel ma’ Trump fuq il-kilba għall-minerali flok fuq it-tfittxija tal-paċi għaliex hija tassew paċi? Li tikkundanna lil min ma tifhimx il-gosti tagħhom; li ċċapċap għax min hu vittma ta’ għemilna stess bgħatnieh lura għall-qatla? Nisranija hi soċjetà li tara ġenoċidju jsir f’għajnejha u tibqa’ siekta? Nisranija hi s-soċjetà li tħalli l-UE ssostni l-madmad kolonjali ta’ Franza fuq il-Kaledonja l-Ġdida? Soċjetà li taċċetta lil Putin joqtol eluf għall-provokazzjoni, jew lil Macron iżomm l-Afrika tat-Tramuntana marbuta bħallikieku għadha fil-kolonjaliżmu?
Hi soċjetà Nisranija dik li ma timxix b’koerenza morali meta qed ngħidu li aħna favur il-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali tagħha, suppost?
Jew il-valur tal-ħajja jinbidel jekk int barrani, jekk il-ġilda tiegħek skura, jekk gostik differenti minn tiegħi, jekk għandek sitwazzjonijiet fiżiċi jew mentali li jiżvantaġġjawk, jew jekk inti fqir?
Dik tal-aħħar, inħoss, hija partikolarment fastidjuża. Jekk dawn jeżistu, nista’ nħossni tajjeb dwari nnifsi nwaddbilhom ewro jew tnejn; imma jekk nissuġġerixxi u nimbotta sabiex jintużaw it-taxxi tagħna b’mod ġust li kemm jista’ jkun il-faqar jinqered għalkollox, qisek għedt xi dagħwa. Wara kollox dejjem niddiskrivu t-taxxa – li xogħolha hu li tintuża biex niġġieldu l-għeltijiet soċjali – bħala xi serqa mill-Gvern. “Jeħodhomlok”, hu min hu fil-gvern, u jagħmel x’jagħmel bihom.
Jekk tissuġġerixxi li t-taxxa hija, għalhekk, ħaġa tajba imma mhux imħaddma sew, għoddok traditur.
Il-verità hi li s-soċjetà tagħna ilna nafdaw f’min jara l-ħajja bħala negozju, mhux bħala valur sagru. Għandek valur biss sakemm tiġġenera profitt. Jekk ma taqlagħlix lira, mela postok mhux miegħi aktar. Wara li għaffiġtek u għaffiġtek sew, mela narmik. Nitfgħek taħt it-trab, taħt il-baħar, jew taħt xita ta’ porvli f’isem l-interessi tiegħi.
Il-Papa qalha: soċjetà li tarmi l-bniedem mhix soċjetà umana.
Hawnhekk inħares lejn il-politiċi Maltin; x’għamiltu fi tletin sena biex tkomplu ssejħu lilkom infuskom Insara, jew anke “demokratiċi”? Agħar minn dan, b’ċertu narċisiżmu nsejħu dan kollu bħala “Ewropew”!
Kemm ilni neżisti, u aktar kemm ilni attivist f’diversi gruppi tul ħajti, rajt il-ġuħ jiżdied fuq naħa, u s-simna fuq naħa oħra. Rajt mara wara l-oħra tmut taħt l-indifferenza u l-interessi personali ta’ amministrazzjoni wara l-oħra. Rajt barrani min-Nofsinhar dinji wara l-ieħor jitħalla jitgerbeb taħt il-mewġ jew jitħalla jiġi umiljat minkejja l-kontribut siewi tiegħu sakemm ma jqallagħlix lira. Rajt Insara li jarawha leċita li jħallu lil ħuthom jgħixu f’garaxxijiet basta naqla’ lira. Li jarawha leċita li nħallu kuntratturi u żviluppaturi jfarrku lill-inkwilini basta jimlew buthom bla rażan għax imissulek butek. Li jibqgħu muti quddiem inġustizzja wara l-oħra biex ma joqorsux lil sidhom, u wara jgergru li xejn u qatt ma jinbidel.
Imma ma tafx int, insejħu ruħna Nsara għax immorru għall-marċ tal-Pro Life u rrid is-salib mal-ħajt tal-klassi!
U allura nistaqsu: X’jiswa li mmorru l-knisja kull Ħadd jekk matul il-ġimgħa nagħlqu għajnejna għal dan kollu? X’jiswa li nsejħu lilna nfusna “Nsara” jekk nagħżlu l-flus qabel il-ħajja tal-bniedem?
Jekk irridu s-soċjetà tagħna tibqa’ tissejjaħ Nisranija, irridu nieqfu noqogħdu fuq in-naħa tas-setgħana, u nibdew inkunu fuq in-naħa tal-batut. Kif qal Papa Franġisku: min ibiegħ lilu nnifsu lill-poter, ikun qed jittradixxi lill-bniedem u lil Alla stess.
U fid-dawl ta’ dan kollu; għaliex in-newtralità? Għaliex xogħli fi ħdan il-Front Maltin Inqumu bħala Nisrani?
Jien Nisrani, mgħammed Nisrani, kbirt inħaddan twemmin Nisrani u naħdem f’ambjent Nisrani.
Il-moralità nafha sewwa; iżda kollha kemm hi msejsa fuq l-imħabba. Mhux imħabba għal tip wieħed ta’ persuna, iżda lil dak kollu li huwa magħmul fis-sura u x-xbieha t’Alla. Hekk ġejt mgħallem!
Dan ifisser aktar li għandi naħdem favur in-newtralità; li mhux għax midjun miegħek jew għax għandek xkubetta ma’ nagħsi mela ma ngħidlekx li qed tagħmel id-deni lil ħutek. Huwa tassew li m’hemm ħadd fuq Alla sabiex jikkundanna; imma fil-fissazzjoni tagħna biex insejħu lil ta’ kontrina Satana, irid ikollna l-ħelsien li lil Satana narawh bilqiegħda maġenbna wkoll. Jekk mhux liebes ħwejjiġna u jitkellem b’fommna.
In-newtralità titlob li inti tista’ tħaddan raġunament koerenti, irrispettivament ma’ liema tim jinsab min wettaq l-inġustizzja.
In-newtralità tfisser li tkun fuq in-naħa tas-sewwa, mhux li tibqa’ sieket quddiem il-qerq.
Mela għalhekk, li tkun Nisrani jfisser li tkun mogħti lejn in-newtralità.