Editorjal | Ma nidħkux bin-nies u bina nfusna fit-trasport pubbliku!

Jekk m’aħniex ħa ninbidlu aħna u nbiddlu l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tal-gvernijiet magħna, neħlu fit-traffiku konna u hekk se nibqgħu

Wieħed, miż-żewġ sondaġġi li kienu ppubblikati lbieraħ fuq il-gazzetta ILLUM għandhom verament għaliex jinkwetawna u jġegħluna naħsbu u nirriflettu u naraw fejn bħala pajjiż u l-Gvern u l-entitajiet tiegħu, qed ifallu.

Li ftit iktar minn 80% f’sondaġġ xjentifiku jgħidu li jippreferu l-karozza, filwaqt li ftit inqas minn 17% biss qalu illi jippreferu t-trasport pubbliku huwa sinjal ċar li l-maġġoranza assoluta tan-nies jemmnu illi  b’tal-linja mhux vera jaqbillek.

B’toroq iġġammjati bit-traffiku, kuljum, kważi kullimkien dawn iċ-ċifri aktar u aktar għandhom għalfejn jallarmawna.

Imma għaliex? X’inhu jiġri?

L-ewwel nett, nammettuha jew le, f’dan il-pajjiż għandna kultura sħiħa tal-karozza, fejn huwa naturali li mal-ewwel sigħat ta’ meta tagħlaq 18-il sena jkollok karozza.

Familja ta’ tlieta jkollha tliet karozzi, ta’ ħamsa jkollha ħames karozzi u nibqgħu sejrin hekk. Il-kultura tal-karozza: jiġifieri dak il-vizzju li anke biex tmur s’għand tal-grocer jew sal-quddies, ħames minuti ’l bogħod, bilfors irridu l-karozza. Il-kultura tal-karozza: jiġifieri li din aħna, jew ħafna minnha, mhux biss nużawha imma nagħtuha valur soċjali. Jiġifieri li karozza ssir simbolu tal-istatus, il-poter u l-mezzi ta’ persuna.

Ejja ma nidħkux bin-nies. Iż-żieda kbira li kien hemm fl-użu tat-trasport pubbliku mhijiex, jew mhijiex kollha, grazzi għal nies li qalbu mill-karozza għal tal-linja

Mela l-fatt li bħala poplu għandna affinità partikolari lejn il-karozzi hija l-ewwel problema.

It-tieni, il-Gvern, kwalunkwe Gvern, dejjem ħaddem politika li nkoraġġiet mhux skoraġġiet il-karozzi. Kull meta fil-passat gvern għolla l-liċenzji, il-partit fl-oppożizzjoni qajjem l-irwiefen. Mela allura l-affinità qed jinkoraġġiha l-Gvern għax politikament jaqbillu jagħmel hekk u ma jaqbillux jiksirha ma’ 80% ta’ dawk li jippreferu l-karozza u ma’ dawk l-aġenti li jimportaw il-karozzi.

It-tielet, għandek is-servizz innifsu. Fl-aħħar snin sar titjib qawwi fis-sistema ta’ trasport pubbliku; ħafna aktar puntwali, ħafna iktar kumdità u b’ħaddiema ħafna aktar akkoljenti. Imma, xorta mhux biżżejjed.

Fit-toroq tagħna, issa ħafna minnhom imwessgħin, tal-linja xorta mhix qed tingħata prijorità. M’hemmx dak iċ-ċans illi minflok teħel fit-traffiku, se tibqa’ għaddejja. Allura ħafna, ġustament, jirraġunaw illi traffiku bi traffiku, jippreferu jkunu fil-karozza tagħhom.

Ir-raba’. Għad hemm nuqqas ta’ rispett sħiħ lejn il-klijent. Wieħed ma jippretendix li t-toroq ma jingħalqux għax hemm il-festa, imma lanqas wieħed jippretendi li tkun mibdula r-rotta u ħadd ma jaf kif u minn fejn. L-app verament tajba ta’ tal-linja, għandu jkollha fiha sistema illi tinfurmak b’bidla fir-rotta u fuq liema stejġ wieħed irid imur jistenna. Mhux kulħadd jitħalla għal rieħu.

U finalment, l-aħħar sfida, għalkemm jidher li qed isir xi ħaġa f’dan r-rigward. It-turiżmu żdied u f’ċerti lokalitajiet bħall-Mellieħa, żdied sew. Ma jistax ikun li ċerta rotot huma dejjem, jew kważi dejjem, iffullati mill-bidu. Jekk tal-linja titlaq miċ-Ċirkewwa għall-Belt diġà mballata b’nies li sejrin il-Belt, ara kemm se jitħallew persuni jistennew. Għal darb’oħra jrid ikun hemm sistema fejn jew persuna tkun taf li dik ir-rotta hija mimlija u allura mhux se titla’ jew inkella sistema illi permezz tagħha terġa’ toħroġ tal-linja oħra b’dik l-istess rotta. Mela ġieli tagħmel nofs siegħa tkanta l-Aida fuq stejġ filwaqt li tal-linja jgħaddu kollha mimlijin!

L-importanti li qed inwessgħu t-toroq fi proġetti tajbin u sbieħ, li iżda se jsolvu l-problema għal ftit żmien biss

Ejja ma nidħkux bin-nies. Iż-żieda kbira li kien hemm fl-użu tat-trasport pubbliku mhijiex, jew mhijiex kollha, grazzi għal nies li qalbu mill-karozza għal tal-linja. Inkunu qed nidħku bin-nies jekk nagħtu l-impressjoni li hawn xi bidla fil-kultura, għax m’hawnx. U s-sondaġġi li kienu ppublikati fuq l-ILLUM huma konferma ta’ dan.

Ara hawnhekk x'irriżulta mis-sondaġġ xjentifiku li kien ippublikat il-Ħadd li għadda dwar mezzi ta' trasport

L-importanti li qed inwessgħu t-toroq fi proġetti tajbin u sbieħ, li iżda se jsolvu l-problema għal ftit żmien biss. Sakemm jerġgħu jiżdiedu l-karozzi tant, li lanqas dawk it-toroq imwessgħin ma jesgħu!

Jekk m’aħniex ħa ninbidlu aħna u nbiddlu l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tal-gvernijiet magħna, neħlu fit-traffiku konna u hekk se nibqgħu. U nistgħu mhux neqirdu u ngergru u niktbu statuses fuq Facebook! Għax fejn aħna se nibqgħu

More in Politika