Carmel Cacopardo | Tniġġis tal-arja fil-portijiet
Irridu nistaqsu mistoqsija waħda ċara: jagħmel sens li ninkoraġġixxu u niddependu fuq ħidma ekonomika li tagħmel ħsara lil saħħitna?
Il-kwalità tal-arja fil-portijiet tagħna hi ta’ tħassib kbir. Niddependu minnha biex nieħdu n-nifs. Ir-residenti fil-lokalitajiet madwar il-portijiet qed isiru iktar konxji ta’ dan u jinsistu b’qawwa li tittieħed azzjoni. Ilkoll huma mħassbin miż-żieda astronomika fil-mard respiratorju madwarhom u fil-pajjiż kollu.
Madwar sena ilu l-għaqda ambjentali Maltija Birdlife flimkien ma’ esperti minn għaqda ambjentali Ġermaniża ħadet sehem f’eżerċizzju li fih tkejlet il-kwalità tal-arja. Il-kampjuni tal-arja li nġabru minn madwar il-Port il-Kbir kienu jindikaw preżenza għolja ta’ trab fin, li ħafna drabi jispiċċa fil-pulmun tagħna.
Il-Port il-Kbir hu ċentru ta’ attività marittima. Jinkludi terminal tal-cruise liners li tul dawn l-aħħar ħames snin kellu medja ta’ 300 cruise liner fis-sena li ġie Malta.
Il-Cruise liners jużaw ħafna elettriku.
Il-grupp ambjentali T & E (Transport and Environment) f’rapport li kien ħareġ u li kien hemm referenza għalih fil-media lokali, kien qal li l-emmissjonijiet tal-kubrit mill-cruise liners li żaru Malta żdiedu biex fl-2017 kienu madwar 148 darba tal-emmissjonijiet tal-kubrit mill-karozzi kollha fil-gżejjer Maltin dakinhar. Din il-konklużjoni kienu waslu għaliha meta studjaw informazzjoni li kisbu mis-satelliti.
L-istazzjon televiżiv Ingliż Channel 4, f’rapport investigattiv li xandar madwar sentejn ilu li kien jiffoka fuq il-linja tal-cruise liners P & O, kien ikkonkluda li t-tniġġis li joħloq cruise liner li jġorr madwar 2,000 passiġġier matul kull ġurnata li jopera kien ekwivalenti għat tniġġis ta’ miljun karozza kuljum. Dawn il-vapuri l-kbar jagħmlu użu mill-heavy fuel oil, żejt li kif smajna ħafna drabi tul is-snin iħammeġ ħafna.
Fost oħajn fih ammont għoli ta’ kubrit – madwar 3,500 daqs kemm hemm fil-fuel li jintuża għall-karozzi.
Jista’ jkun hemm nuqqas ta’ qbil fuq iċ-ċifri eżatti tal-emmissjonijiet minn dawn il-vapuri. Ħadd iżda ma jkkontesta li dawn huma sostanzjali.
It-tniġġis li joħloq cruise liner li jġorr madwar 2,000 passiġġier matul kull ġurnata li jopera kien ekwivalenti għat-tniġġis ta’ miljun karozza kuljum
Il-komunità internazzjonali tfittex kontinwament li tirregola dak li jseħħ fl-ibħra internazzjonali. Aħna, iżda, bħala pajjiż għandna noqogħdu ferm iktar attenti għal dak li qed jiġri fil-portijiet u l-ibħra tagħna. L-emmissjonijiet, b’mod partikolari dawk ta’ trab fin minn vapuri fil-portijiet u l-ibħra Maltin għandhom impatt dirett fuq il-komunitajiet residenzjali li jgħixu fil-madwar. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-lokalitajiet fil-Port il-Kbir kif ukoll għal dawk fill-Bajja ta’ Marsaxlokk.
Hemm żewġ materji partikolari li għandhom jingħataw prijorità. L-ewwel nett hemm ħtieġa li l-awtoritajiet regolatorji Maltin jinfurzaw b’mod strett ir-regoli tal-Unjoni Ewropea li jobbligaw lill-operaturi tal-vapuri li fil-portijiet jużaw zjut li jniġġsu inqas u b’mod partikolari li dawn ikollhom kontenut baxx ta’ kubrit. It-tieni miżura meħtieġa hi dwar it-titjib fl-infrastruttura tal-portijiet tagħna biex ikun possibbli illi l-vapuri li jidħlu fil-portijiet tagħna jagħmlu użu minn elettriku ġġenerat fuq l-art u b’hekk ikun possibbli illi jintfew il-ġeneraturi tal-elettriku fuq il-vapuri. Miżura ta’ din ix-xorta telimina t-tniġġis tal-vapuri fil-portijiet tagħna minn dak il-mument li jintfew il-ġeneraturi.
F’Malta diġà saru tal-inqas żewġ studji dwar l-implikazzjonijiet kemm-il darba l-vapuri li jżuru Malta jkollhom jagħmlu użu minn elettriku ġġenerat fuq l-art. L-ewwel studju kien sar fuq talba ta’ Transport Malta u kien konkluż fl-2014 filwaqt li t-tieni wieħed, li kien konkluż fl-2018 kien ġie kkummissjonat mill-management tat-Terminal tal-Port Ħieles.
Iż-żewġ studji kkonkludew illi kemm-il darba l-vapuri li jżuru Malta jibdew jagħmlu użu minn elettriku ġġenerat mill-art, meta jkunu fil-portijiet tagħna, ikun hemm titjib sostanzjali fil-kwalità tal-arja fl-istess portijiet u fil-lokalitajiet kollha li jmissu magħhom. Ir-rapporti jikkonkludu wkoll li dwar jekk dan jaqbilx ekonomikament jew le, fl-aħħar jiddependi fuq kif jaġixxu l-kompetituri tagħna!
Irridu nistaqsu mistoqsija waħda ċara: jagħmel sens li ninkoraġġixxu u niddependu fuq ħidma ekonomika li tagħmel ħsara lil saħħitna?
It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija ovvjament le. Il-portijiet tagħna huma riżorsa prezzjuża li għandna nużawha biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet madwar il-kosta.