Mark Musù | Il-faqar ikompli jonqos
Għalina t-trażżin tal-faqar mhux att ta’ karità iżda l-protezzjoni ta’ dritt uman, tad-dritt għad-dinjijita’ u għall-għajxien diċenti
Il-progress ta’ pajjiż ma jitkejjilx biss bit-tkabbir ekonomiku u finanzjarju, iżda wkoll b’kemm ikun qed jirnexxilu jnaqqas il-faqar minn fost il-popolazzjoni tiegħu. Għalhekk l-avvanz ekonomiku u t-trażżin tal-faqar huma integrali fil-programm ta’ ħidma ta’ kull gvern, għaliex mingħajr il-ħolqien tal-ġid il-ġlieda kontra l-faqar ma tkunx tista’ ssir.
Il-progress f’din il-ġlieda jitkejjel kull sena f’rapporti u statistiċi li joħorġu mill-Uffiċcju Nazzjonali tal-Istatistika jew mill-Eurostat, li hija l-fergħa tal-Unjoni Ewropea li b’mod regolari tipparaguna l-progress soċjali u ekonomiku fil-pajjiżi membri.
Wieħed minn dawn ir-rapporti huwa dak dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għajxien (SILC) li dak għall-2018 ħareg ftit ilu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan ir-rapport hu msejjes fuq tagħrif dwar id-dħul tal-familji Maltin u kemm jifilħu jħallsu għal diversi ħwejjeġ bażiċi jew essenzjali għall-ħajja. Sfortunatament, l-istampa li toħroġ mill-istudju tkun ftit tardiva għaliex iċ-ċifri ppubblikati jkunu bbażati fuq l-andament tal-familji sentejn qabel. Ir-rapport ta’ din is-sena jirrifletti d-dħul tal-familji fl-2017.
Ir-rapport hu mibni fuq tliet binarji...
Hemm il-binarju dwar il-faqar relattiv li jkejjel id-dħul tal-familji Maltin f’relazzjoni mal-kumplament tal-popolazzjoni u jistabbilixxi l-linja hekk imsejħa tar-riskju ta’ faqar (at risk of poverty threshold). Dan isir billi jiġi kkalkulat id-dħul medjan ekwivalizzat. Kull min id-dħul tiegħu, ekwivalizzat skont il-membri tal-familja tiegħu, ikun taħt 60% tad-dħul medjan nazzjonali, ikun stmat li jinsab f’riskju ta’ faqar.
Skont ir-rapport ta’ din is-sena l-ammont ta’ dħul medjan ekwivalizzat, imsejjes abbażi tas-sena 2017, kien ta’ €8,868 fis-sena għal adult wieħed. Din titqies bħala l-linja tar-riskju tal-faqar. L-ekwivalizzazzjoni ssir billi l-membri tal-familja jingħataw ‘piż’ billi l-ewwel adult jingħata piż ta’ 1.0, kull adult addizzjonali, inklużi tfal minn 14-il sena ’l fuq, jingħataw 0.5 u tfal taħt l-14, 0.3.
Biex ma jitqisux f’riskju ta’ faqar, koppja bla tfal irid ikollha dħul ta’ aktar minn €13,302 (€8,868 x 1.5). Min-naħa l-oħra d-dħul ta’ familja b’żewġt itfal taħt l-14-il sena jrid jaqbeż €18,623 (€8,868 x 2.1). Fejn iż-żewġt itfal fil-familja jkollhom aktar minn 14-il sena, id-dħul irid jitla’ aktar minn €22,170 (€8,868 x 2.5). Kif wieħed jista’ jara dawn mhumiex ammonti baxxi ta’ dħul, liema dħul qed jiżdied b’ritmu mgħaġġel minn sena għall-oħra, u meta wieħed iqis li aktar minn 83% tal-popolazzjoni tagħna għandha dħul li jaqbeż dawn l-ammonti skont il-kobor tal-familja huwa pożittiv ħafna.
Ir-riżultati tal-istudju juru li l-għadd ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mill-2013, meta kien tela’ għall-ogħla ammont ta’ 102,000 (minn popolazzjoni ta’ 415,000 jew 24.6%), naqas b’ aktar minn 13,000 persuna għal taħt id-89,000 (minn popolazzjoni ta’ 467,000 jew 19%)
Binarju ieħor huwa dak dwar iċ-ċaħda materjali. Dan jitkejjel abbażi ta’ ġabra ta’ mistoqsijiet li jsiru fl-istħarriġ dwar kemm persuni jqisu ruħhom neqsin jew le minn ħwejjeġ bażiċi u essenzjali. Persuni li jgħixu f’familji li ma jaffordjawx tal-anqas erbgħa minn disa’ affarijiet jitqiesu li huma mċaħħda materjalment severament (severely materially deprived) u jekk tlieta, jitqiesu mċaħħda materjalment. Ir-rizultat joħroġ skont it-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet dwar kemm persuni jkunu jaffordjaw:
- spejjeż li jinqalgħu għal għarrieda
- iħallsu għal btala ta’ ġimgħa ’l bogħod mid-dar
- iħallsu self fuq id-dar jew kera, kontijiet tad-dawl u l-ilma, u ħlasijiet bin-nifs fuq xiri u self ieħor
- jieklu laħam, tiġieġ u ħut kull jumejn
- isaħħnu darhom fix-xitwa
- ikollhom magna tal-ħasil, sett tat-televixin bil-kulur, telefon u karozza.
Ir-rata ta’ dawk f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa naqset għal 3 fil-mija – tnaqqis ta’ aktar minn seba’ punti perċentwali mill-2013. Dan huwa l-anqas livell qatt reġistrat u issa jinsab fil-livell tal-aktar pajjiżi sinjuri fl-Ewropa. L-għadd globali ta’ persuni f’din is-sitwazzjoni f’ħames snin waqa’ minn 43,000 għal 14,000. Dan it-tnaqqis kien mifrux fuq kull indikatur iżda l-aktar li tbaxxa kien fost dawk li ma jifilħux iħallsu għal btala ta’ ġimgħa ’l bogħod mid-dar u li ma jifilħux isaħħnu darhom fix-xitwa. Minn kull tliet persuni li kienu jħossuhom imċaħħda materjalment severament ħames snin ilu, illum baqa’ persuna waħda biss minkejja li kif se nispjega l-popolazzjoni tagħna żdiedet bi 12.5%.
Binarju ieħor huwa dak li jkejjel l-Intensità tax-Xogħol (Work Intensity). Dan jiffoka fuq persuni bejn it-18 u d-59 sena, illi jaħdmu inqas minn tmien sigħat fil-ġimgħa, ħlief studenti li jkunu qed jistudjaw f’livell terzjarju. Jista’ jkun li għalkemm persuni fir-realtà mhumiex f’riskju ta’ faqar jew imċaħħda materjalment, jistgħu xorta waħda jidhru fl-istatistika kemm-il darba jaħdmu anqas minn tmien sigħat fil-ġimgħa. Dan għaliex jista’ jkun hemm persuni li jgħixu bir-renta minn fuq proprjetà jew persuni li jkunu gawdew minn xi skema ta’ rtirar kmieni u jkollhom dħul adegwat li ma jkollhomx għalfejn jaħdmu.
Mir-riżultati li jinġabru minn dawn it-tliet indikaturi mbagħad jitkejjel il-binarju ewlieni li huwa dak dwar ir-riskju tal-faqar jew esklużjoni soċjali. Dan huwa l-aktar kejl importanti fil-kuntest kollu tar-rapport tal-NSO.
Ir-riżultati tal-istudju juru li l-għadd ta’ nies f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali mill-2013, meta kien tela’ għall-ogħla ammont ta’ 102,000 (minn popolazzjoni ta’ 415,000 jew 24.6%), naqas b’ aktar minn 13,000 persuna għal taħt id-89,000 (minn popolazzjoni ta’ 467,000 jew 19%). Ir-rata perċentwali ta’ 19% kienet l-aktar waħda baxxa minn meta beda jsir dan l-istħarriġ fl-2005. Dan ifisser li minkejja żieda fil-popolazzjoni ta’ aktar minn 50,000 f’ħames snin xorta l-ammont ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas bi 13,000.
Huwa għalhekk li l-indikazzjonijiet li joħorgu mill-istatistika tal-NSO jridu jittieħdu u jinflew b’mod ħolistiku u mhux selettiv. Huwa għal din ir-raguni li meta jkun hemm ċaqliq zgħir ’il fuq fir-rata tar-riskju tal-faqar, dan ma jistax jiġi interpretat li neċessarjament aktar nies ikunu waqgħu lura.
Fl-aħħar mill-aħħar, kif stqarr sew il-mibki Nelson Mandela, għalina t-trażżin tal-faqar mhux att ta’ karità iżda l-protezzjoni ta’ dritt uman, tad-dritt għad-dinjità u għall-għajxien diċenti
Barra minn hekk, bħal kull statistika oħra l-istatistika dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali trid tiġi analizzata abbażi tar-rati tal-popolazzjoni u fuq medda ta’ żmien li turi x-xejriet.
It-titjib li sar ma kienx biss dovut għat-tkattir tal-ġid, imma b’riħet din il-prosperità twettqu għexerien ta’ miżuri soċjali tul dawn l-aħħar snin. Li ma ġiex rifless s’issa huma dawk il-miżuri li ddaħħlu fl-2018 u l-2019 favur l-anzjani, il-familji u l-persuni vulnerabbli.
Aħna konxji li l-ġlieda kontra l-faqar mhix ser tintrebaħ kompletament, speċjalment fuq medda qasira ta’ snin. Dan għaliex anke f’soċjetà li mxiet ’il quddiem ekonomikament jitnisslu sfidi u diffikultajiet ġodda fost il-faxxa t’isfel tas-soċjetà. Barra minn hekk, parti mill-faqar tal-lum huwa riżultat ta’ deċiżjonijiet (jew nuqqas tagħhom) meħuda snin ilu bħalma deċiżjonijiet li qed nieħdu llum f’dan ir-rigward mhux biss qed inaqqsu l-faqar tal-lum imma nemmnu li jistgħu jipprevenu l-faqar fil-futur.
Għalhekk l-impenn tagħna jibqa’ li ngħinu dejjem aktar lil dawn il-persuni u nibqgħu nilqgħu dawn l-isfidi. Fl-aħħar mill-aħħar, kif stqarr sew il-mibki Nelson Mandela, għalina t-trażżin tal-faqar mhux att ta’ karità iżda l-protezzjoni ta’ dritt uman, tad-dritt għad-dinjijita’ u għall-għajxien diċenti.