Editorjal | Naħsbu sew, qabel nibdew il-mina

Ejja ma niġrux, biex forsi jitwettqu l-obbligazzjonijiet jew biex il-ftit ikollhom il-ħafna. L-interess waħdieni u suprem huwa dak nazzjonali

Bħal kull sena, din is-sena mijiet ta’ nies irħewlha lejn Għawdex biex igawdu tmiem il-ġimgħa hemm jew inkella xi festa, speċjalment it-tmiem il-ġimgħa twil ta’ Santa Marija.

Bħal dejjem, kulħadd tela’, ħa gost, nefaq il-flus u forsi anke qatta’ lejl jew tnejn f’xi waħda mil-lukandi, appartamenti jew farmhouses li hemm.

Differenza waħda jidher li kien hemm din is-sena, mis-snin ta’ qabel u dan huwa kjuwijiet ma jispiċċaw qatt, li xi minn daqqiet baqgħu sejrin sal-Mellieħa. Ir-raġuni, milli jidher hija r-raba’ vapur tal-Gozo Channel, in-Nikolaus.

In-Nikolaus qed jopera 74 vjaġġ kuljum, 37 mill-Imġarr u 37 miċ-Ċirkewwa u qed ikun ikkalkulat li qed jasal ftit qabel il-vapuri l-oħrajn minn tarf sa tarf b’medja ta’ 1.54 vjaġġ kull siegħa minn kull port.

L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu diġà qalet illi l-introduzzjoni ta’ dan il-vapur, li jesa’ 1,000 passiġġier u 150 karozza, kien suċċess u wassal għall-eliminazzjoni ta’ ħafna mill-kjuwijiet.

Il-Ministru Justyne Carauna kienet irrapportata tgħid illi dan il-vapur jinsab hawn u se jibqa’ hawn. Hija kienet qalet ukoll kif bir-raba’ vapur, il-Gozo Channel indirizzat, kemm iż-żieda kif ukoll il-bidla fil-flotta. Fakkret kif dan kien importanti hekk kif is-sena li għaddiet il-kumpanija ġarret mas-sitt miljun passiġġier.

Ilbieraħ ukoll minn Għawdex, tkellem l-eks Deputat Laburista Lino DeBono u f’artiklu fuq il-ġurnal The Times, ma tantx dar mal-lewża.

Pinġa stampa ta’ Għawdex li qed tibda tinqered ukoll mir-rgħiba, minn dawk li sejħilhom ‘permessi mostrużi’.

‘L-Awtorità tal-Ippjanar qed tħalli lill-kuntratturi jeqirdu lil Għawdex’, sostna DeBono li kompla jispjega kif lokalitajiet bħal Marsalforn u x-Xlendi qed isiru ġungla ta’ kostruzzjoni u illegalitajiet fuq art pubblika.

U allura meta nħarsu lejn dawn il-kwistjonijiet wieħed ma jistax ma jistaqsix jekk lil hinn mill-ħolm u l-propoganda rħisa, għandniex verament bżonn u huwiex verament fl-interess pubbliku u ambjentali li jsir il-proġett tal-mina.

iex Għawdex ukoll isir konkrit, f’isem il-progress u f’isem din il-ħolma ta’ pajjiżna bħala d-Dubaj fil-Mediterran?

Grazzi għall-Gvernijiet sussegwenti, żbalji li saru u kontestazzjonijiet legali l-proġett ta’ fast ferry bejn il-gżejjer waqa’ lura. Imma wieħed ma jistax ma jikkunsidrax il-fatt li jekk eliminajna l-kjuwijiet bir-raba’ vapur tal-Gozo Channel, kemm iktar allura ħa nkunu solvejna din il-problema ladarba jkollna fast ferry operattiv bejn Malta u Għawdex.

Aħna mhux qed ngħidu li l-proġett tal-mina żgur m’għandux isir. Imma ejja nikkunsidraw ukoll fatti oħrajn. Vera jew le li l-problema ta’ kjuwijiet ġiet kważi eliminati bin-Nikolaus? Vera. Vera li bil-fast ferry inkunu qed ngħinu biex din il-problema prattikament tkun eliminata? Iva, vera. Mela dawn il-fatti jridu jiġu kkunsidrati.  Kif irid jiġi kkunsidrat ukoll it-titjib li għad hemm bżonn isir fin-Nikolaus.

Wieħed irid jikkunsidra wkoll l-effett ambjentali li se jkollu mhux biss il-bini tal-mina, imma l-fatt li Għawdex isir sempliċiment estensjoni ta’ Malta.

L-ewwel nett biex niftħu l-bokka fil-Wied tal-Pwales, għal darb’oħra se nerġgħu neqirdu aktar art għammiela, ftit aktar mill-kampanja, neqirdu (forsi għalkollox) l-ilma tal-pjan taż-żona, neqirdu aktar wirt naturali u allura prattikament se nkunu qed inħassru darba għal dejjem wieħed mill-isbaħ widien li għandna f’pajjiżna. U l-istess fuq in-naħa ta’ Għawdex.

Għal darb’oħra. Mhux qed ngħidu li żgur m’għandhiex issir il-mina. Però rridu nistaqsu lilna nfusna, jekk dak li se nissagrifikaw hux iġġustifikat biżżejjed b’dak li se nirbħu.

 U apparti li se tiftaħ il-bokka u teqred, trid tkun imwessgħa t-triq u probabbilment (Malta qegħdin! Nafu kif jaħdmu kif l-affarijiet) joħroġ xi permess għal pompa tal-petrol u forsi xi gabbana jew tnejn.

Għal darb’oħra. Mhux qed ngħidu li żgur m’għandhiex issir il-mina. Però rridu nistaqsu lilna nfusna, jekk dak li se nissagrifikaw hux iġġustifikat biżżejjed b’dak li se nirbħu.

Apparti minn fejn tiftaħ il-mina, hemm kunsiderazzjonijiet akbar. Din il-mina se tiftaħ it-triq biex dak li qed jgħid Lino DeBono jiggrava? Biex Għawdex ukoll isir konkrit, f’isem il-progress u f’isem din il-ħolma ta’ pajjiżna bħala d-Dubaj fil-Mediterran?

Hemm punti oħrajn li rridu nikkunsidraw. Pereżempju, l-opinjoni pubblika.

Hemm min jgħid li jekk ma jsirx dan il-proġett Għawdex tmut bil-ġuħ. Ħrafa assoluta għax fl-istess waqt li qed jgħidu hekk Għawdex mimlija Maltin u turisti jonfqu

Kulħadd irid jitkellem f’isem l-Għawdxin u kulħadd jgħid li żgur huma favur. Forsi mhumiex. Forsi wasal iż-żmien li nagħmlu sondaġġ xjentifiku u naraw verament x’jaħsbu l-Għawdxin, mhux kulħadd jaqta’ l-kundanna skont x’jaħseb hu. Jew inkella forsi wasal iż-żmien ukoll illi l-Għawdxin jivvutaw dwarha din il-biċċa xogħol, anke jekk aħna nemmnu illi l-wirt naturali li jinqered mhuwiex tal-Għawdxin biss imma tagħna lkoll. Wara kollox waħda mill-bokki Malta se tiftaħ.

Hemm min jgħid li jekk ma jsirx dan il-proġett Għawdex tmut bil-ġuħ. Ħrafa assoluta għax fl-istess waqt li qed jgħidu hekk Għawdex mimlija Maltin u turisti jonfqu. Huwa vera li diffiċli ssib x-xogħol Għawdex u mina taf tgħin f’dan il-prospett. Però jekk inħaddmu rasna u nkunu kreattivi, nafu noħolqu l-impjiegi f’Għawdex għall-Għawdxin, kif wara kollox ilhom iwiegħdu l-PL u l-PN. Imma forsi mingħajr ir-riskju ambjentali kbir li se jittieħed bil-mina.

Ejja ma niġrux, biex forsi jitwettqu l-obbligazzjonijiet jew biex il-ftit ikollhom il-ħafna. L-interess waħdieni u suprem huwa dak nazzjonali.

Ejja naħsbu sew u nagħmlu s-somom sew. Ejja ma nkunux assolutisti u banali. Għax dak li nitilfu se nkunu tlifnieh għal uliedna u wlied uliedna u mhu se nkunu kapaċi nġibuh lura qatt.

Ejja nieqfu naħsbu li aħna kontinent b’medda ma tiqafx ta’ art. Aħna gżira żgħira li traġikament diġà kissirna u kasbarna ħafna mill-wirt naturali ta’ pajjiżna. Possibbli, għadna ma xbanjiex? Għad irridu nkissru aktar? Anke lil Għawdex irridu niksu bil-bini? Iva, x’se tħalulhom lil uliedkom? Siment u konkos biss?

Meditate gente, meditate …

More in Politika