Michael Grech | Brexit u t-tinwir tad-demokrazija
Jekk in-nies ma vvutawx biex l-Ingilterra toħroġ mingħajr ftehim, żgur li n-nies ivvutaw kontra li r-Renju jibqa’ fl-Unjoni Ewropea
Dan l-artiklu mhux dwar jekk il-maġġoranza tal-poplu tar-Renju Unit għamilx tajjeb li madwar sentejn ilu vvota biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
Dan l-artiklu hu dwar kif min għandu setgħa ekonomika, politika u tal-informazzjoni u li jinħeba wara bosta kliem sabiħ u li jinstema’ progressiv, qed inaqqas kontinwament mid-demokrazija, inkluż f’dak li kien il-pajjiż li welled id-demokrazija moderna.
U dan qed jagħmlu bl-appoġġ ta’ setturi tas-soċjetà (student, ‘attivisti’ u l-bqija), għaqdiet fosthom partiti politiċi, u individwi ta’ ċertu storja li suppost huma progressivi u qalbhom perżuta għad-demokrazija u għall-‘poplu’. Hi qagħda li turi kemm qiegħda fi kriżi d-demokrazija liberali tletin sena wara li suppost l-istorja wriet li din hi l-aqwa sistema politika li l-bniedem jista’ jħaddan.
Anke għaliex sa ftit ilu din li vot ta’ poplu jiġi mħassar minn fuq kienet ħaġa li ssir f’pajjiżi mhux Ewropej bħall-Eġittu u l-Palestina, fejn in-nies jivvutaw għal partit, u xi ħadd, bil-barka tas-suppost pajjiżi demokratiċi tal-Punent, jimponi gvern ieħor. Issa qed narawha sseħħ fl-eqdem demokrazija moderna. Ovvjament dan kollu mhu aċċettabbli mkien. Issa imma, li qed narawha ssir anke fiċ-ċentri tas-setgħa jidher kemm il-marda tkun daħlet fil-fond.
Argumenti bla sens
Mela l-aħħar argument li qed iġibu dawk li jridu jwaqqfu l-gvern ta’ Londra milli jimplimenta r-rieda tal-poplu u joħroġ mill-Unjoni Ewropea, wara li sa ftit xhur ilu kien sempliċement li d-deċiżjoni kienet ħażina u l-aktar l-aktar kellu jerġa’ jsir ir-referendum ħalli din id-darba l-poplu jiddeċiedi tajjeb (tfakkarni f’meta tfal konna nilagħbu l-boċċi u l-infiskat tal-grupp ikun irid il-logħba tibda mill-ġdid meta jinduna li tilef), hu li l-elettorat ma vvutax biex ir-Renju joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim kif irid jagħmel Johnson (bniedem li vera qed nagħmel sforz nikteb xi ħaġa li b’xi mod tista’ tinqara bħala appoġġ għal xi ħaġa li jrid jagħmel); li bosta min dawk li vvutaw biex ir-Renju Unit joħroġ, ivvutaw hekk għax ħasbu li ser joħroġ bi ftehim. Bosta żiedu li min ikkampanja biex il-pajjiż joħroġ għamel kampanja fuq din il-bażi, jiġifieri li r-Renju ser joħroġ bi ftehim. Jekk ftehim ma jintlaħaqx huma jridu li jew il-biċċa titmewwet (u allura ma jinbidel xejn) jew isir referendum ieħor.
Li isir referendum ieħor ħaġa tajba, imma ħames snin jew għaxra wara li jseħħ dan il-ħruġ, biex il-poplu jiddeċiedi jekk l-għażla kinitx tajba jew le
L-argument hu żbaljat għal diversi raġunijiet. Fuq il-karta tal-vot ma kienx hemm ‘Tridx li r-Renju Unit joħroġ bi ftehim.’ Kienet jekk tridx li l-pajjiż joħroġ jew jibqa’ u daqshekk. Allura l-pajjiż fundamentalment ivvota biex joħroġ, mhux biex joħroġ bi ftehim.
Jekk ftehim ma jistax jintlaħaq; u ftehim ma jistax jintlaħaq jekk kull abbozz tiegħu jiġi mfarrak fil-parlament u/jew in-naħa l-oħra ma tridx tinnegozja aktar; l-għażla tispiċċa bejn li r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea jew joħroġ mingħajr ftehim jew jibqa’; l-aktar ħaġa li tirrispetta r-rieda tal-elettorat hi li toħroġ mingħajr ftehim. Jekk in-nies ma vvutawx biex l-Ingilterra toħroġ mingħajr ftehim, żgur li n-nies ivvutaw kontra li r-Renju jibqa’ fl-Unjoni Ewropea.
It-tieni, anke jekk qabel ir-referendum kien hemm min kien favur Brexit u qal li r-Renju żgur jirnexxilu jikseb ftehim tajjeb biex joħroġ, kien hemm min kien favur Brexit ukoll li qal li ma jkunx problema jekk ir-Renju joħroġ mingħajr ftehim. U dan hu normali f’referendum fejn iż-żewġ naħat kienu jinkludu gruppi u individwi differenti, u mhux grupp wieħed kordinat fuq kull naħa; li jkollok nies b’ideat differenti dwar x’se u x’għandu jiġri wara.
Xi ħaġa simili ġrat Malta meta kellna r-referendum tagħna dwar is-sħubija. Kien hemm min kien favur għax b’hekk Malta ssir aktar liberali u ma nibqgħux kunvent. (Dawn mid-dehra kellhom raġun.) U kien hemm min, fosthom il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, li qal li Malta għandha tidħol fl-UE biex, bil-kontra, tagħmel lill-Ewropa aktar Nisranija.
Issa jekk il-fatt li fir-referendum tar-Renju Unit kien hemm min qal li ftehim tajjeb għal ħruġ jinkiseb żgur u dan il-ftehim ma nkisibx hu biżżejjed biex jagħmel ir-referendum invalidu, il-fatt li Malta ma rnexxilhiex terġa’ tagħmel lill-Ewropa Nisranija (anzi llaxkat hi) jagħmel ir-refernedum tagħna invalidu u s-sħubija tagħna nulla u anti-demokratika għax parti mill-elettorat ivvotat għalhekk. Ma naħsibx imma li dawk li llum demmhom ibaqbaq biex ir-Renju jibqa’ fl-Unjoni ser jaċċettaw argument bħal dan.
L-iżball ta’ Corbyn
Politikant li ddiżappuntani ħafna f’dan kollu hu Jeremy Corbyn, xi ħadd li normalment jien nammira. Nifhem li l-qagħda tiegħu hi antipatika. Bosta li jimmilitaw fil-partit, speċjalment żgħażagħ iggradwati (li l-lawrija spiss ma tagħmlilhomx ġid f’dik li hi l-virtù tal-umiltà u tagħtihom l-impressjoni li ‘jafu’ u li jistgħu wkoll jitkellmu f’isem kulħadd) u b’kultura ta’ klassi tan-nofs, u bosta fil-grupp parlamentari tiegħu li huma favur li r-Renju jibqa’ fl-Unjoni. (Dawn bosta minnhom - mhux kollha, ġenwini jeżistu - kollhom kliem sabiħ fuq inklużjoni u l-bqija, imma jridu jirbħu dejjem, u lesti jeskludu u jbaxxu kategoriji li għandhom modi oħra ta’ kif wieħed iħares lejn id-dinja, jekk ikunu ta’ xkiel għall-ambizzjonijiet tagħhom).
Numru mhux ħażin mill-elettorat Laburista madankollu, hu kontra li r-Renju jibqa’ fl-Unjoni. (Brexit marret tajjeb fit-Tramuntana tal-Ingilterra u f’Wales, li normalment huma fortizzi Laburisti). Il-ħila ta’ Corbyn li jibbilanċja s-sitwazzjoni u fl-istess ħin jibqa’ koerenti mal-ideali tiegħu u mal-verdett demokratiku, dehret nieqsa, l-aktar fl-aħħar ġimgħat.
Mhux biss hu u l-partit bidlu l-pożizzjoni tiegħu/hom dwar x’għandu jsir wara r-referedum ma nafx kemm-il darba minn sentejn ’l hawn, imma l-aħħar proposta li qed jagħmel il-partit hi tad-daħq aktar milli tal-biki. Mela, il-partit irid li jinnegozja ftehim ta’ ħruġ tajjeb wara li jitla’ fil-gvern, u jagħmel referendum dwar jekk l-elettorat iridx joħroġ b’dan il-ftehim tajjeb ta’ ħruġ jew inkella jibqa’. Imma, f’dan ir-referendum il-partit ser ikun iħeġġeġ lin-nies mhux biex jivvutaw għal ftehim mill-aktar tajjeb li hu jkun sensel, imma biex jibqgħu fl-Unjoni Ewropea u ma jinbidel xejn. Qisu kok jgħidlek li ser jipprepara l-aqwa pizza li jista’ jkun hawn, imma li hu ser jiekol burger. Tafdah kok hekk?
F’każ li l-għażla kienet ħażina u r-Renju Unit jiddeċiedi li jerġa’ jidħol, dan ikun favur l-Unjoni Ewropea stess. Juri kemm din l-għaqda hi tajba, tant li min ħareġ, daq dak li hemm barra, u reġa’ ried jidħol
Biex ma nsemmux li jekk r-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea, u allura l-pożizzjoni tas-Saltna f’din l-għaqda tkun iddgħajfet konsiderevolment (għax ikun deher li mar lura bil-bandiera bajda), il-possibilità li l-Unjoni pro-business u favur is-suq tħalli lil Corbyn jagħmel il-miżuri xellugin li qed iwiegħed fejn suppost ser imiss il-but ta’ dawk li għandhom ħafna (u li bosta minnhom iridu jibqgħu fl-Unjoni Ewropea b’saħħa u ma naħsibx li sempliċement għax iħobbu l-istilel) ser ikunu tassew baxxi.
Mid-dehra imma, Corbyn mhux ser ikollu din il-problema, għax tliet kwarti minn dawk il-parlamentari li qed jagħmlu minn kollox biex ir-Renju ma joħroġx jew mill-aħjar li jistgħu biex ma jkunx hemm elezzjoni għax – u din jgħiduha bil-miftuħ – ma jridux jatuh ċans isir Prim Ministru. U hu jibqa’ jilgħab il-logħba tagħhom.
Favur referendum ieħor imma…
L-aktar ħaġa loġika u demokratika li tista’ ssir hi, la ftehim ma ntlaħaqx, ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Li isir referendum ieħor ħaġa tajba, imma ħames snin jew għaxra wara li jseħħ dan il-ħruġ, biex il-poplu jiddeċiedi jekk l-għażla kinitx tajba jew le. Demokrazija timplika li poplu jista’ jiżbalja u jitgħallem mill-iżball.
F’każ li l-għażla kienet ħażina u r-Renju Unit jiddeċiedi li jerġa’ jidħol, dan ikun favur l-Unjoni Ewropea stess. Juri kemm din l-għaqda hi tajba, tant li min ħareġ, daq dak li hemm barra, u reġa’ ried jidħol. Imma mid-dehra, fid-dinja reali naħseb, affarijiet li huma kemm loġiċi u demokratiċi ma jseħħux. Importanti li l-poplu jiddeċiedi biss fuq affarijiet li fl-aħħar mill-aħħar ma jibdlu xejn.
Michael Grech huwa opinjonist