Editorjal | 55 sena indipendenti: poplu li kiber miċ-ċokon u l-umiltà
F’dawn il-55 sena pajjiżna esperjenza ħafna, inbidel ħafna. Mhux dejjem għall-aħjar, kien hemm fejn inbidel għall-agħar
Ilbieraħ iċċelebrajna l-55 anniversarju mill-mument hekk storiku u importanti li ra lil pajjiżna jsir indipendenti. Rajna f’idejna, terraqna triq li mhux twila ħafna fl-istorja globali u kkumparat ma’ pajjiżi oħrajn. Jiġifieri xi ftit jew wisq għadna żgħażagħ bħala pajjiż indipendenti.
F’dawn il-55 sena pajjiżna esperjenza ħafna, inbidel ħafna. Mhux dejjem għall-aħjar, kien hemm fejn inbidel għall-agħar.
Bqajna poplu ħanin u qalbu tajba li jgħin, jipparteċipa bi ħġaru f’karità u li jkun hemm għal għajru. Iżda l-miġja tal-barrani b’numri kbar, sfortunatament qajmet l-ispettru tal-intollernza, tal-biża’ minn dak li huwa differenti u tal-preġudizzju. Minn naħa għadna poplu li ngħożżu lil għajrna imma fl-istess ħin, bħal donnu hemm bomba tal-ħin.
Bħall-ilma jbaqbaq li għad ifur, ta’ rabja u frustrazzjoni li pajjiżna qed jiġi maħkum, mhux mill-għadu ħakkiem imma mill-popli kollha li qed jiġu hawn u jgħixu madwarna. Forsi huwa riżultat tal-mentalità assedjali ta’ poplu fuq gżira, forsi għax m’aħniex ċerti biżżejjed mill-karatteristika tagħna ta’ Maltin li allura naħsbu li kulturi oħrajn se jibilgħuna jew inkella biża’ ġenwina ġejja mill-fatt li pajjiżna huwa żgħir u sigur, imma li jħossu illi qed isir iffullat u perikoluż.
Bqajna poplu li ngħożżu t-tradizzjonijiet tagħna; inħobbu l-festi u niċċelebrawhom bil-kbir, inħobbu l-familja u niċċelebraw magħha tant avvenimenti u ġranet importanti. Inħobbu l-figolla u l-Irxoxt tal-Għid, il-qubbajt fil-festa, l-imbuljuta, il-presepju u l-purċissjoni tal-MUSEUM fil-Milied. Dan il-pajjiż mexa ’l quddiem u ra tant progress matul dawn il-55 sena; minn ekonomija protetta għal waħda miftuħa, minn infrasttruttura tat-tielet dinja għal waħda aħjar, pajjiż li bena ajruport li jagħmlilna ġieħ, waħda mill-aqwa Universitajiet fir-reġjun, sptar mill-aqwa li jagħti dinjità lill-pazjent, toroq u flyovers, skyscrapers u tant iktar. Minkejja dan kollu bqajna poplu leali lejn l-għeruq tiegħu, poplu li ma ċaħadx minn fejn beda anke jekk mexa tant ’il quddiem.
Dawn il-55 sena rawna bħala poplu ta’ wens; inħolqu sistemi ta’ benesseri, inbnew mijiet ta’ djar biex iż-żgħir jogħla ’l fuq u kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, daħlu sistemi u miżuri li jwieżnu bħaċ-children’s allowance, childcare centres, benefiċċji tal-qgħad, skejjel b’xejn, sistema tas-saħħa b’xejn, ċentri tas-saħħa fil-lokalitajiet u tant aktar. U minkejja li bqajna poplu ta’ wens bqajna b’mod ġenerali għaqlin bi flusna, biss biss illum pajjiżna qed idaħħal iktar milli joħroġ.
bqajna pajjiż medhi bil-politika u bil-firdiet parrakkjoli u lokali. 55 sena li raw episodji koroh ta’ ġlied, tilwim u vjolenza fit-toroq. Malti kontra Malti, Malti li jhedded lil Malti minħabba l-politika
Imma sfortunatament ukoll, bqajna pajjiż medhi bil-politika u bil-firdiet parrakkjoli u lokali. 55 sena li raw episodji koroh ta’ ġlied, tilwim u vjolenza fit-toroq. Malti kontra Malti, Malti li jhedded lil Malti minħabba l-politika. Snin illi fihom doqna l-oppressjoni tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-kelma użata biex tkisser u tivvalenizza lill-poplu u toħloq gwerer tal-klassi.
Rajna l-qtil ta’ Raymond Caruana, l-ittra bomba li qatlet lil Karin Grech u l-karozza bomba li qerdet lil Daphne Caruana Galizia, ilkoll episodji tal-intolleranza politika jew soċjali, episodji li juru illi minkejja li bqajna soċjetà ħanina,il-velenu tal-ħdura nxtered ukoll.
Ma bqajniex poplu mmexxi minn imnieħru, mill-klassi politika u Ekkleżjastika. Rajna lill-Knisja fl-agħar tagħha, imma b’qawwa u bis-saħħa tal-konvinzjoni, bl-impożizzjoni tal-interdett kontra l-Laburisti filwaqt li mbagħad rajna Knisja titlef is-saħħa tal-konvinzjoni. Mill-biża’ ħareġ poplu li ried jagħti ċans lil dawk li ż-żwieġ tagħhom falla, li ried juri illi l-imħabba ma tafx ġeneru jew sesswalità, imma hija ugwali. B’hekk dawn il-55 sena wrewna poplu li mill-għeluq mar għall-ftuħ.
Forsi ma bqajniex sempliċi bħal qabel, kuntenti b’biċċa ballun taċ-ċarruta jew pupa, forsi sirna aktar sofistikati aktar moħħna fit-teknoloġija, forsi dik it-teknoloġija qed tneffaħ u turi aktar l-agħar aspetti tagħna. Forsi llum irridu iktar u rriduh issa, forsi llum m’għadniex nikkuntentaw bil-ftit, imma bil-ħafna
Forsi ma bqajniex sempliċi bħal qabel, kuntenti b’biċċa ballun taċ-ċarruta jew pupa, forsi sirna aktar sofistikati aktar moħħna fit-teknoloġija, forsi dik it-teknoloġija qed tneffaħ u turi aktar l-agħar aspetti tagħna. Forsi llum irridu iktar u rriduh issa, forsi llum m’għadniex nikkuntentaw bil-ftit, imma bil-ħafna.
Żgur iżda li bqajna poplu ħawtiel u ġenwin.
L-Indipendenza għandha tkun ċelebrazzjoni ta’ poplu li miċ-ċokon umli kiber. Li mix-xejn, sar ħafna.
Għandna biex inkunu kburin u jalla l-55 sena li ġejjin jgħallmuna u jkabbruna u jagħtuna aktar għerf mill-55 li għaddew.