Alex Agius Saliba | It-tibdil fil-klima

Malta għandha wkoll diversi limitazzjonijiet u problemi oħra li jtellfuna milli niksbu l-progress li nixtiequ

Suġġett rikorrenti ħafna kemm fuq livell globali u b’mod partikolari fuq l-aġenda tal-Unjoni Ewropea huwa dak tat-tibdil fil-klima. Forsi fil-passat meta konna nisimgħu fuq dan is-suġġett, sfortunatament ħafna nies kienu xettiċi u bħal San Tumas ma setgħux jemmnu qabel jaraw u jħossu l-konsegwenzi.

Illum il-ġurnata, għajr għal xi ftit politiċi li jridu jibqgħu jdeffsu rashom fir-ramel, bħalma qed jagħmel il-President Amerikan Donald Trump, id-dinja kollha rrealizzat li dan il-fenomenu hu reali u li qed jaffettwana kontinwament.

Biż-żmien, l-attività umana saret wisq industrijalizzata u espandiet b’ritmu mgħaġġel ħafna – espandiet b’ritmu tant mgħaġġel li llum il-ġurnata huwa ferm diffiċli biex nikkontrollawha.

L-unika triq ’il  quddiem f’dan l-istadju hi li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex jitnaqqas dan l-isfreġju u jiġu immitigati l-konsegwenzi katastrofiċi li ser ikollna jekk kemm il-darba nibqgħu sejrin b’dan il-pass. 

L-Unjoni Ewropea qiegħda tkun attiva ħadna f’dan ir-rigward tant li qed tkun meqjusa bħala wieħed mill-muturi prinċipali fil-ġlieda globali kontra t-tibdil fil-klima. Filwaqt li l-blokk huwa parti mill-famuż Ftehim ta’ Pariġi, l-Unjoni għandha wkoll diversi programmi finanzjarji u liġijiet li qed jgħinu lill-Istati Membri biex jaħdmu sabiex jintlaħqu l-miri reġjonali għas-snin 2020, 2030 u l-2050 b’mod partikolari.

Uħud minn dawn il-miri huma ambizzjużi ħafna u bla dubju, ċertu Stati Membri għandhom sfidi ferm akbar minn oħrajn biex jaslu għalihom. Ngħidu aħna pajjiż kbir bħal Franza li għandu meded kbar ta’ art li fuqhom jista’ jinstalla bosta impjanti li jiġġeneraw enerġija alternattiva, żgur m’għandux l-istess sfidi bħalma għandu pajjiż ċkejken bħal tagħna.

L-Unjoni Ewropea trid tirrikonoxxi r-realtajiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru, il-bqija ser ikollna biss miri li ser jibqgħu fuq il-karta

Malta għandha wkoll diversi limitazzjonijiet u problemi oħra li jtellfuna milli niksbu l-progress li nixtiequ, bħal ngħidu aħna il-fatt li huwa diffiċli li jkollna sistema ta’ trasport tal-massa li tkun sostenibbli u li tissostitwixxi l-użu ta’ trasport privat.

Għaldaqstant nemmen li għal darb’oħra, il-kunċett ta’ one-size fits all m’għandux ikun applikat u l-Unjoni Ewropea trid tirrikonoxxi r-realtajiet u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru, il-bqija ser ikollna biss miri li ser jibqgħu fuq il-karta għaliex ikunu impossibbli li jintlaħqu. Matul dawn l-aħħar jiem kelli l-opportunità biex nitkellem u nqajjem dawn il-ħsibijiet fil-Parlament Ewropew.

Fis-sessjoni Plenarja din il-ġimgħa tkellimt fuq il-bżonn li l-Unjoni Ewropea twassal messaġġ ċar permezz ta’ sostenn politiku u finanzjarju li jista’ jingħata biex ikun hemm ħarsien aktar denju tal-Foresta Amażon u diversi foresti u reġjuni oħra li qed jinħakmu min-nirien għaliex dawn qed iħallu mpatt ferm negattiv fuq il-pulmun tad-dinja. 

Però din mhix l-unika ħaġa inkwetanti, għaliex hemm diversi punti oħra li l-Unjoni trid taħdem fuqhom biex tipprogressa hi u l-Istati Membri tagħha. F’okkażjonijiet oħra qajjimt l-punt li l-Kummissjoni trid tadotta strateġija aktar kredibbli biex tappoġġja lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-qalba li hemm bżonn u jippreparaw aħjar għal dan it-tibdil klimatiku.

Aktar minn hekk, tkellimt fuq il-bżonn li jiġi indirizzat ukoll l-aspett soċjali tat-tranżazzjoni ekoloġika li qed nippjanaw sabiex innaqqsu l-impatt fuq iċ-ċittadini u nassiguraw li l-qalba tkun ġusta u kawta. Nittama li dawn it-talbiet ma jaqgħux fuq widnejn torox u l-Kummissjoni tagħti kas ta’ dawn il-punti li għandhom impatt kbir fuq ħajjitna. 

Alex Agius Saliba huwa MEP tal-Partit Laburista

More in Politika