Carmel Cacopardo | Il-kosta: fi stat ta’ emerġenza
Nistgħu nipproteġu l-kosta billi nħejju ruħna għal din l-emerġenza tal-klima li qed tiżviluppa quddiem għajnejna
Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-International Panel on Climate Change (IPCC) tal-Ġnus Magħquda, ippubblika rapport dwar l-ibħra u t-tibdil fil-klima. Ġejna avżati għal darb’oħra bil-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u l-impatti li ser jirriżultaw bħaż-żieda fil-livell tal-baħar.
Ir-rapport ifakkarna wkoll fil-ħtieġa urġenti li jkunu indirizzati b’mod adegwat l-emissjonijiet tal-karbonju sa mhux iktar tard mis-sena 2050.
Il-Kummissarji Ewropej Miguel Arias Cañete (Azzjoni Klimatika u Enerġija), Karmenu Vella (Ambjent, Affarijiet Marittimi u Sajd) u Carlos Moedas (Riċerka, Xjenza u Innovazzjoni) kienu sodisfatti bir-rapport, għax jikkunsidraw li dan hu tfakkira lill-komunità globali biex din taġixxi u tindirizza t-tibdil fil-klima u l-impatti tagħha fuq l-ibħra malajr kemm jista’ jkun. Fi stqarrija tal-Kummissjoni Ewropea li t-tliet Kummissarji ħarġu nhar l-Erbgħa enfasizzaw li l-konklużjonijiet tar-rapport huma ċari: “iż-żieda fit-temperatura globali kkawżata mill-bniedem qed tkun il-kawża ta’ tibdil drastiku fl-ibħra. Mhux biss qed togħla t-temperatura, imma l-ibħra qed isiru iktar aċidużi u fihom inqas ossiġnu. Il-livell tal-baħar qed jogħla ħafna iktar milli kien antiċipat.”
Il-livell tal-ibħra jista’ jiżdied b’madwar 110 ċentimetri sa tmiem dan is-seklu
Kapitlu numru 4 tar-rapport għandu jkun ta’ interess partikolari għal Malta. Huwa intitolat “Sea Level Rise and Implications for Low Lying Islands, Coasts and Communities”.
Il-medja globali taż-żieda fil-livell tal-baħar qed tiżdied b’rata li qed taċċellera. Mill-osservazzjonijiet li saru jirriżulta li din żdiedet minn 1.4 millimetri fis-sena fuq il-perjodu 1901-90 għal 3.6 millimetri fis-sena tul il-perjodu 2005-15. Ir-rapport jirreferi għal diversi studji li saru biex ikun imkejjel kemm tista’ tkun din iż-żieda fil-livell tal-ibħra fil-futur. Lil hinn mill-2050 hu diffiċli li jsiru projezzjonijiet u dan minħabba li x-xenarju dwar l-emissjonijiet u t-tibdil fil-klima assoċjat mhux magħruf biżżejjed. L-anqas mhu magħruf kif ser tkun ir-reazzjoni tas-silġ akkumulat fl-Antartiku f’dinja b’temperatura ogħla. Bl-informazzjoni li hawn il-projezzjonijiet li saru jindikaw li l-livell tal-ibħra jista’ jiżdied b’madwar 110 ċentimetri sa tmiem dan is-seklu. Mhux eskluż li meta jitlestew studji addizzjonali li għadhom għaddejjin din iż-żieda tista’ titla’ sa 200 ċentimetru.
Dawn il-projezzjonijiet huma bbażati fuq osservazzjonijiet xjentifiċi flimkien mat-tagħrif akkumulat minn studji dwar l-impatti tal-klima fuq l-ibħra, iż-żieda fit-temperaturi globali flimkien mar-ritmu li bih qed idub is-silġ akkumulat. Minkejja din l-inċertezza dwar dak li ser jiġri kif jidher mill-varjazzjoni mhux żgħira fil-projezzjonijiet dwar kemm u meta jista’ jogħla l-livell tal-ibħra, id-deċiżjonijiet ta’ ppjanar konnessi ma’ dak li hu meħtieġ biex tkun protetta l-kosta huma meħtieġa li jittieħdu llum. Dan jinkludi d-deċiżjonijiet meħtieġa dwar infrastruttura ta’ importanza kritika kif ukoll xogħlijiet għall-ħarsien tal-kosta li hu meħtieġ li jkunu tlestew qabel ma jibda jseħħ ix-xenarju li l-baħar jogħla fil-livell b’mod sostanzjali.
L-għoli fil-livell tal-baħar hu ta’ theddida għall-komunitajiet residenzjali mal-kosta kif ukoll għall-parti l-kbira tal-infrastruttura turistika u marittima.
Iż-żoni kostali tagħna huma żviluppati b’mod esaġerat u fihom hemm jgħixu numru mhux żgħir ta’ nies, b’densità esaġerata. Il-faċilitajiet u l-infrastruttura turistika huma kkonċentrati tul il-parti tal-kosta li hi kważi fil-livell tal-baħar b’mod li l-inqas żieda fil-livell tal-baħar jista’ jkollu effett diżastruż. Għal stat gżira bħal Malta l-infrastruttura marittima hi kruċjali: anke din qiegħda fil-livell tal-baħar. Bħala konsegwenza ta’ dan l-iċken ċaqlieq fil-livell tal-baħar jista’ jkollu effett diżastruż fuq il-gżejjer Maltin jekk ma nippreparawx ruħna sewwa mhux biss għall-iktar possibiltajiet realistiċi imma anke għall-agħar possibilitajiet.
X’ser nagħmlu? Qegħdin nippreparaw ruħna għal din l-emerġenza li qed tiżviluppa wara biebna?
Il-Ministeru tat-Turiżmu iktar hu interessat biex joqgħod jilgħab bir-ramliet artifiċjali
It-tweġiba ovvja hi le: ma jidher xejn li jindika li qed nippreparaw ruħna. Il-problema ewlenija għalina hi li anke b’żieda żgħira fil-livell tal-baħar il-faċilitajiet mal-kosta jistgħu jisparixxu. Neħtieġu viżjoni ċara fuq kif ser naffrontaw it-tibdil fil-klima.
Il-Ministeru tat-Turiżmu iktar hu interessat biex joqgħod jilgħab bir-ramliet artifiċjali li malajr jitkaxkru mill-mewġ mal-ewwel maltempata qalila kif ġara fil-Bajja tal-Balluta riċentement. Man-natura ma tilgħabx! L-Awtorità tal-Ippjanar, min-naħa l-oħra iktar hi interessata li taqdi lil dawk li jridu jistagħnew mill-koxxa u fl-ebda ħin ma bdiet tagħti kas tat-tibdil fil-klima fid-deċiżjonijiet tagħha.
Neħtieġu kosta ħajja u vibranti. Nistgħu nipproteġu l-kosta billi nħejju ruħna għal din l-emerġenza tal-klima li qed tiżviluppa quddiem għajnejna. Jekk ser nibqgħu ma niċċaqilqux it-tort ikun tal-ġenerazzjoni tagħna u ta’ ħadd iktar.
Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika