Editorjal | Ejja nkunu saqajna mal-art
Ejja niddiskutu kemm trid, imma ejja nifhmu li fl-aħħar mill-aħħar ir-ruħ tax-xogħol tagħna huwa x-xogħol li jidher
Hemm eċitament kbir għall-ekonomija ġdida u l-ħwejjeġ li huma marbuta ma’ din l-ekonomija; l-artificial intelligence, il-blockchain, il-Crypto Currency u bosta inizjattivi oħra.
Hemm entużjasmu liema bħalu, bil-fatt ukoll li f’dawn l-aħħar jiem, permezz tad-Delta Summit kien hemm serbut ta’ nies ta’ fama mondjali li jaħdmu f’dan il-qasam.
Ideat brillanti u proposti ta’ barra minn did-dinja.
Ikollna nammettu li għal ħafna nies, id-Delta waslet Malta imma għalina li għandna saqajna mal-art iktar qisha waslet Disneyland Malta.
Ħadd mhu qed jgħid li ma għandniex inkunu minn tal-ewwel, imma forsi qabel il-Gvern jiġri b’ideat redikoli, bħall-każ tar-robot li jdur mat-turisti l-Belt, jara li ħafna mill-inizjattivi lokali qed jiġu ostakolati min-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-banek, mill-kirjiet esaġerati u minn għoli tal-ħajja esaġerata.
Imma ejja nkunu ċari. Din hija gazzetta min-nies għan-nies. Għal dak is-saff fis-soċjetà li nemmnu jridu progress imma jridu li jkun hawn il-ħaqq soċjali.
Fejn kien id-diskors fid-Delta dwar xogħol li jista’ jintilef minħabba proposti u inizjattivi moderni u innovattivi.
Ix-xogħol huwa mezz biex jgħajjex il-bniedem, u kieku għal ħafna nies ix-xogħol ma jagħmluhx.
Ħadd mhu qed jgħid li ma għandniex inkunu minn tal-ewwel, imma forsi qabel il-Gvern jiġri b’ideat redikoli, bħall-każ tar-robot li jdur mat-turisti l-Belt, jara li ħafna mill-inizjattivi lokali qed jiġu ostakolati min-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-banek, mill-kirjiet esaġerati u minn għoli tal-ħajja esaġerata
Mhux kulħadd iħares lejn ix-xogħol bħala eżerċizzju biex jirnexxi fin-negozju. Ejja nkunu aktar ċari. Il-maġġoranza tan-nies huma impjegati u jaħdmu ħinijiet twal jew overtime għax iridu li l-familja tagħhom ikollha l-aħjar.
Fid-Delta Summit smajna ħafna dwar l-intelliġenza artifiċjali, imma rridu nammettu li hemm ħafna storbju bla bżonn dwar dan. Diġà nużaw din it-tip ta’ intelliġenza permezz ta’ użu raġunat u loġiku ta’ databases.
Hemm l-impressjoni li qed indawru kollox biex nagħtu isem ġdid.
Ejja niddiskutu kemm trid, imma ejja nifhmu li fl-aħħar mill-aħħar ir-ruħ tax-xogħol tagħna huwa x-xogħol li jidher.
U ngħidu x’ngħidu kieku ma jkunx għall-għaqal tal-bniedem u s-serjetà tal-ħaddiem Malti kieku ma għandniex ekonomija b’saħħitha. Kienet nieqsa r-referenza għall-bniedem, għall-bżulija tal-karattru Malti. Ejja nżewġu t-teknoloġija mal-moħħ u s-saħħa tal-bniedem u mhux kontra.
Casa jitkaża
L-andament fl-għażla tal-Kummissarji fl-Unjoni Ewopea wera bl-iktar mod ċar il-partiġġjaniżmu u l-istandard differenti bejn il-gruppi politiċi differenti.
Turi wkoll il-miskinita ta’ David Casa li injora x’qallu Adrian Delia u pprova jwaqqa’ għaċ-ċajt lil Helena Dalli.
Bħalma jgħid il-Malti, min jitwieled tond, ma jmutx kwadru.
Turi wkoll il-miskinita ta’ David Casa li injora x’qallu Adrian Delia u pprova jwaqqa’ għaċ-ċajt lil Helena Dalli
Ir-realtà hija li aktar ma jgħaddi żmien aktar nindunaw kemm din l-Ewropa hija mibnija fuq il-preġudizzji u fuq min hu magħna jew kontra tagħna. Għalhekk qatt ma tisma’ lil xi Ġermaniż jitkellem kontra l-banek Ġermaniżi għax għandhom ftehim, mhux miktub, li fil-familja tagħhom ma jperrċux ħwejjeġ maħmuġin.
Casa min-naħa l-oħra, qatt ma tgħallem li apparti li ma għandux il-kredenzjali biex jitkellem, ma għandux isawwat lil pajjiżu għal xejn b’xejn.