Owen Bonnici | L-Edukazzjoni: fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tal-Gvern

Għandna sistema edukattiva li ilha tinħema snin twal. Imma s-sistema edukattiva tagħna sal-lum ma ħasbitx biżżejjed fil-bogħod

Waqt il-laqgħa storika tal-kabinett li kellna fil-Kamra tal-Kummerċ il-ġimgħa l-oħra, ħareġ ċar kemm l-edukazzjoni hija waħda mill-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern. Anzi huwa settur li l-gvern iqisu bħala wieħed mill-pilastri li flimkien ma’ oħrajn qed jibni l-viżjoni ekonomika tiegħu fil-mudell ekonomiku ġdid li kien ippreżentat waqt din il-laqgħa. 

Laqgħa li kienet l-ewwel waħda li saret fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ. U kienet laqgħa li turi kemm dan il-Gvern huwa gvern li jiddjaloga, jisma’ u fuq kollox jifhem u jattwa. Matulha l-Prim Ministru fiehem li llum il-gvern għandu esperjenza biżżejjed biex jipproponi mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq prinċipju ta’ kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Din il-viżjoni ntlaħqet b'kummenti pożittivi ħafna mir-rappreżentanti tal-Kama tal-Kummerċ u wrew b’mod ċar ħafna li kienu totalment abbord bl-għanijiet u l-mudell ekonomiku nnifsu.

F’din is-sessjoni l-Prim Ministru elenka l-bażi li fuqha l-gvern qed jaħdem biex nibnu fuq it-tajjeb u nirranġaw fejn seta’ sar aħjar. Bażi li hija mibnija fuq ħames punti ta’ prinċipju: Governanza tajba; Tkabbir ekonomiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar; Edukazzjoni għal ekonomija b’saħħitha fit-tul; Titjib fl-infrastruttura ta’ Malta u Carbon neutral sal-2050 b’miri intermedjarji kull 10 snin.

Bħala l-Ministru responsabbli għall-Edukazzjoni, huwa ovvju li se nagħti prijorità lill-dan is-settur f’din il-ħarsa lejn dawn il-punti. L-Edukazzjoni, marbuta max-Xogħol, hija waħda mill-pedamenti ewlenin li fuqha hija bbażata kull soċjetà, mhux l-inqas is-soċjetà Maltija u Għawdxija. Hija l-qofol ta’ ħajjitna. Mingħajr edukazzjoni l-ebda individwu ma’ jimxi l-quddiem, kemm fil-ħajja personali tiegħu u wisq anqas fil-komunità.

L-ebda pajjiż ma jista' jikseb żvilupp ekonomiku sostenibbli mingħajr investiment sostanzjali fl-edukazzjoni u fil-kapital uman, li jimxu id f'id. Hija l-edukazzjoni li tarrikkixxi l-qagħda ta’ kull wieħed u waħda minnha u twassalna biex intejbu l-kwalità ta' ħajjitna. U l-kwistjoni fundamentali ta' dawn il-ħames pilastri ewlenin hija propju dik li m'hemm għan fi tkabbir ekonomiku jekk aħna, bħala soċjetà, ma ngħixux ħajja aħjar.

Naqbel, iva, għalhekk li s-settur tal-edukazzjoni huwa kruċjali għal viżjoni medja u fit-tul ta’ pajjiżna. L-edukazzjoni twassalna għal ekonomija b’saħħitha fit-tul.

Huwa għalhekk li rridu nħarsu sew lejn dan is-settur, nibnu fuq dak li sar tajjeb, imma rridu naraw ukoll li nġedduħ u mmexxuħ ‘l quddiem. Irridu ħsieb profond tas-sistema edukattiva tagħna. Għaliex? Kif intqal waqt il-laqgħa, fis-sistema edukattiva tagħna m’aħniex qed nippreparaw lit-tfal tagħna biżżejjed biex ikunu ppreparati fil-Matematika, Xjenzi u ekonomija diġitali li huma l-qafas tal-viżjoni tal-gvern għall-ekonomija li toħodna għall-ħamsa, għaxra u għoxrin sena oħra. 

Għandna sistema edukattiva li ilha tinħema snin twal. Imma s-sistema edukattiva tagħna sal-lum ma ħasbitx biżżejjed fil-bogħod. F’dinja li dejjem qed tinbidel, il-prijoritajiet jinbidlu wkoll. F’kull qasam. U għalhekk wieħed irid janalizza kull qasam u kif dan ikun qed ikun magħġun għall-bżonnijiet ta’ uliedna li qed jgħixu f’dinja moderna, id f’id mal-viżjoni tal-ekonomija tal-pajjiż.

U huwa għalhekk li fis-snin li ġejjin l-enfasi tal-ekonomija ta’ pajjiżna trid teħodna biex nippreparaw l-istudenti tagħna f’oqsma bħal Life Sciences, robotics, coding, infrastruttura ta’ IT, software development, Intelliġenza Artifiċjali, Cloud Computing, Quantum, Cyber Security u Industrija. 

Irridu nifhmu wkoll li dawn m’humiex ħarsa lejn il-futur, għaliex dawn kollha huma propju dak li qed iseħħ bħaissa fid-dinja ta’ madwarna, f’pajjiżna - qed iseħħu bħalissa fl-oqsma tal-manifattura u industriji ġodda li diġà qed jirnexxielna nattiraw lejn Malta.

Minn din il-viżjoni joħroġ l-importanza ta’ fejn irridu mmorru. Għandna bżonn ħsieb iktar profond fuq l-edukazzjoni tagħna u se naħdmu bħala gvern biex naraw li nibqgħu nimmodernizzaw l-infrastruttura edukattiva, imma mhux biss dik tal-ġebel u l-bini, li hija mportanti wkoll, imma b’mod partikolari tas-sustanza ta’ kif qed nippreparaw l-edukaturi tagħna, u l-istudenti tagħna. Għalhekk il-mira tal-Gvern issa hija dik li jimodernizza l-infrastruttura edukattiva ta’ pajjiżna, b’mod partikolari ta’ kif qed jiġu preparati l-edukaturi u l-istudenti.

L-enfażi hija fuq tkabbir ekonomiku għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Tkabbir sostenibbli li jwassal għal xogħol ta’ kwalità, iktar ħin ta’ kwalità għall-familji u soċjetà iktar ħanina ma’ dawk li qed jaqaw lura.

Dwar Governanza nirrepeti dak li qal il-Prim Ministru, li governanza tajba hija ċentrali għal ekonomija f’saħħitha. Għall-kummerċ u l-business, il-korruzzjoni mhux aċċettabbli fl-ebda livell. In-negozju jrid level playing field u dan jista’ jiġi biss b’governanza trasparenti. 

Żewġ prinċipji oħra li fuqhom qed nimxu bħala gvern huma t-tisħiħ tal-infrastruttura u wkoll il-kwalità tal-arja li nieħdu. Hawnhekk il-gvern irid jasal lejn pajjiż li jkun Carbon Neutral sas-sena 2050 b’miri intermedjarji li jintlaħqu fl-2030, fl-2040 u jwasslu sal-2050. Għalkemm bħala pajjiż imxejna 'l quddiem, imma rridu wkoll nirrikonoxxu, kif qal il-Prim Ministru, li dak li għamilna sa issa mhuwiex biżżejjed. L-ambjent huwa l-iktar parti kruċjali ta’ dan il-pjan.

Waqt din il-laqgħa tkellimna wkoll dwar diversi suġġetti oħra, fosthom l-importanza li n-nisa jkunu fiċ-ċentru tal-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna u li fi rwoli ekonomiċi importanti pajjiżna jkollu iktar nisa li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Kif qal il-Prim Ministru, ma jiswa’ xejn li jkollok tkabbir ekonomiku, jekk is-soċjetà ma tkunx qed tgħix aħjar. Jekk se jkollna tkabbir ekonomiku, mingħajr il-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja, allura ma jiswa’ xejn. Għaliex ma jistax ikollok pajjiż ekonomikament b’saħħtu jekk in-nies ma jkunux qed jgħixu aħjar.

U preċiżament, f’dawn il-ħames punti ta’ hawn fuq, hemm fattur komuni wieħed. Nersqu lejn kwalità ta' ħajja aħjar permezz ta' din il-viżjoni ekonomika l-ġdida. Ikun inutli li jinkiseb tkabbir ekonomiku sakemm dan ma jissarrafx fi kwalità ta’ ħajja aħjar.

Kwalità ta’ ħajja aħjar għandha dejjem tkun prijorità għal kulħadd.

 

More in Politika