Editorjal | Iktar minn serqa u riżenja finta

'L-impressjoni tagħna hi li pajjiżna tilef il-boxxla waħda u sew, u m’hemmx rispett għall-valuri'

Is-serqa ta’ droga konfiskata mill-Forzi Armati turi f’liema stat tal-biki qegħdin f’dan il-pajjiż. Tista’ targumenta li dawn l-affarijiet jiġru dejjem imma bla dubju dak li qed naraw huwa riflessjoni ta’ kif l-affarijiet qed jikkrollaw madwarna.  

Minn istituzzjoni bħall-Armata li tispiċċa lanqas tista’ tgħasses droga konfiskata għat-teatrini ta’ riżenji fażulli. 

Kull fejn tħares tara sitwazzjoni fejn in-nies qed jiġu ttrattati ta’ boloh. U fejn kollox huwa aċċettabbli sakemm ikun hemm il-preservazzjoni politika tinżamm. 

Il-ġlieda kontra t-tixrid tad-droga hija waħda minnhom. Qisu ħadd ma qed jinduna bil-problema kbira li għandna f’pajjiżna. Qisu xejn mhu xejn. Din mhix problema li twieldet issa, imma l-fatt li hawn aktar ġid fil-pajjiż qed jagħti aktar lok ta’ abbuż ta’ droga, għax hawn aktar flus fl-idejn u aktar ħin liberu. 

L-impressjoni tagħna hi li pajjiżna tilef il-boxxla waħda u sew, u m’hemmx rispett għall-valuri. U b’valuri m’aħniex qed nitkellmu fuq valuri Nsara, imma aktar fuq valuri fejn kull argument li nagħmlu, kull kejl li nieħdu huwa marbut mal-kunsiderazzjoni fiskali. 

Imma lura għall-każ tas-serqa tad-droga minn taħt is-sorveljanza jew l-għajnejn tal-Forzi Armati.  

Li ġie sospiż il-Kap Kmandant tifhimha. Imma li jiġi l-Ministru Byron Camilleri li jagħmel teatrin b’riżenja finta, din tħallina strumblati sew. Jew tirriżenja jew ma tirriżenjax! 

Diġà Camilleri kellu raġun li jirriżenja fuq il-ħniżrijiet li għamel l-Eks Direttur tal-ħabs Alex Dalli, iktar u iktar għax meta kien direttur mietu numru mdaqqas ta’ ħabsin. Ferm iktar inkwetanti hu li Alex Dalli, wara li kellu jitlaq mill-ħabs, ingħata kariga ġdida mill-Gvern bħala pont bejn Malta u l-Libja fuq il-kwistjoni tal-migrazzjoni; għażla li tikkonferma l-insensittività tal-Gvern ta’ Robert Abela. 

U meta ngħidu l-Gvern inkunu qed nirreferu għall-Prim Ministru Robert Abela li huwa hu li jiddeċiedi meta niġu għar-riżenji u l-għażla tal-persuni. U kull oġġett żgħir li jsir fil-gvern. 

Huwa għalhekk li iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed naraw nies, jew aħjar votanti, jabdikaw u jeħduha kontra l-Partit Laburista. Huma ma jistgħux jifhmu l-loġika tad-deċiżjonijiet li qed jittieħdu. 

More in Politika