Carmel Cacopardo | Id-dibattitu dwar l-istrateġija ambjentali nazzjonali
L-eko-sistema għandha l-limitazzjonijiet tagħha u bihom tiddetermina safejn nistgħu naslu. Jekk ninjoraw dawn il-limiti, dak kollu li jiġri hu tort tagħna
Il-persuna umana hi parti integrali tal-eko-sistema. Ilkoll kemm aħna niffurmaw parti minn dak li hawn madwarna. M’aħniex parti mill-ekonomija, għax l-ekonomija hi l-mod kif norganizzaw ruħna, imma l-eko-sistema hi dak li jagħmilna, id-DNA tagħna.
Huwa dwar dan li għandha tittratta l-istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent għall-2050 li qed titfassal mill-ERA – l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Rizorsi.
L-istrateġija, presentement soġġetta għal konsultazzjoni, hi intitolata “Wellbeing First”. Strateġija li hi mfassla bl-Ingliż u tinjora lill-ilsien nazzjonali! Insult kontinwu da parti tal-amministrazzjoni pubblika lill-ilsien Malti. Filwaqt li l-kwalità tal-ħajja hi ta’ importanza kbira, strateġija ambjentali anthropoċentrika, jiġifieri strateġija imfassla madwar il-bniedem, ma tagħmilx sens. Politika ambjentali antropoċentrika tħares sal-ponta ta’ mneħirha u bl-ebda mod ma tħares il-kwalità tal-ħajja. Il-politika ambjentali għandha tkun eko-ċentrika, jiġifieri għandha tkun imfassla fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ekoloġiku fih innifsu. Jeħtieġ li din l-istrateġija tiffoka fuq ekoloġija b’saħħitha, ħielsa mill-ħidma mniġġsa tal-bniedem. Ekoloġija b’saħħitha twassal minnha innifisha għal kwalità tal-ħajja aħjar ukoll.
Iċ-Chairperson tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, Victor Axiaq, fid-daħla għad-dokument ta’ konsultazzjoni jemfasizza li għadna ma tgħallimniex ngħixu fil-limiti dettati mill-ekoloġija. Ovvjament, bħala riżultat tas-sehem tiegħu fil-ħidma tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar tul dawn l-aħħar seba’ snin għandu esperjenza diretta ta’ kif dawn il-limiti ġew imġebbda bla limitu. Jeħtieġ li din attitudni tinbidel bla iktar dewmien.
Għandu jkun ċar għal kulħadd li nistgħu noqorbu lejn futur sostenibbli biss meta nibdew nirrispettaw lill-eko-sistema mingħajr eċċezzjonijiet. L-eko-sistema għandha l-limitazzjonijiet tagħha u bihom tiddetermina safejn nistgħu naslu. Jekk ninjoraw dawn il-limiti, dak kollu li jiġri hu tort tagħna. Din hi l-isfida tagħna li teħtieġ illi tkun indirizzata mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Ambjent
Il-kilba għal tkabbir ekonomiku bħala mira politika ewlenija hi f’konflitt mal fatt li r-riżorsi tad-dinja huma limitati u ma ekosistema fraġli li minnha niffurmaw parti u niddependu għall-eżistenza tagħna. Filwaqt li t-tkabbir ekonomiku suppost li jwassal għall-prosperità, minflok tana t-tibdil fil-klima, li qed tiħrax, insigurtà dwar sorsi ta’ enerġija, prezzijiet li telgħin mas-sema, biodiversità li qed tikkrolla, aċċess li dejjem jonqos għall-ilma u inugwaljanza fuq livell globali li sejra għall-agħar. Dawn huma problemi ma nistgħux ngħadduhom lill-ġenerazzjoni ta’ warajna.
Il-progress jitkejjel permezz tal Prodott Gross Nazzjonali (GDP), imma dan ikejjel kollox ħlief dak li hu rifless ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Prodott Gross Nazzjonali jikkonċerna ruħu mill-ġid materjali u jinjora saħħitna, l-edukazzjoni ta’ wliedna, is-sigurtà fit-toroq tagħna, it-tessut soċjali tas-soċjetà tagħna, l-istat tal-familji tagħna, il-ħerba kkawżata mill-mibgħeda ……………. Il-GDP jinkludi l-produzzjoni tal-armi u l-qerda ambjentali li sseħħ kontinwament f’isem il-“progress” kif ukoll programmi fuq it-televiżjoni li jigglorifikaw il-vjolenza biex ibiegħu l-ġugarelli lill-uliedna.
Ir-riżorsi tad-dinja huma limitati u għaldaqstant ma nistgħux nibqgħu noħolmu fi tkabbir ekonomiku li ma jispiċċa qatt. Hemm limiti prattiċi għat-tkabbir liema limiti għandhom iwasslu lil dawk li jippjanaw l-ekonomija biex jaqtgħu r-rabta bejn il-prosperità u t-tkabbir ekonomiku.
Id-dokument konsultattiv ifittex li jiggwida d-dibattitu pubbliku biex dan jidentifika l-oġġettivi fit-tul tal-Istrateġija Nazzjonali Ambjentali. Ġaladarba dan ikun seħħ, imbagħad, l-ERA tkun f’posizzjoni li tiżviluppa pjani nazzjonali biex dawn l-oġġettivi jkunu jistgħu jintlaħqu.
Għandu jkun ċar għal kulħadd li nistgħu noqorbu lejn futur sostenibbli biss meta nibdew nirrispettaw lill-eko-sistema mingħajr eċċezzjonijiet. L-eko-sistema għandha l-limitazzjonijiet tagħha u bihom tiddetermina safejn nistgħu naslu. Jekk ninjoraw dawn il-limiti, dak kollu li jiġri hu tort tagħna. Din hi l-isfida tagħna li teħtieġ illi tkun indirizzata mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Ambjent.