Carmel Cacopardo | Lejn in-normalità? Għadna lura.
Ikun tajjeb jekk il-Prim Ministru jieqaf jilgħaba tal-prima donna, moħħu biss biex jipprova jagħsar kull aħbar għal gwadann politiku
Iktar ma Robert Abela jeqred li “l-instituzzjonijiet qed jaħdmu”, iktar joħloq dubji dwar jekk dan hux minnu. Għandna dritt għan-normalità. Imma f’sitwazzjoni ta’ normalità mhemmx post għal Prim Ministru jindirizza konferenza stampa fuq l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kif sar nhar it-Tlieta b’repetizzjoni nhar il-Ħamis minn Robert Abela.
Il-Kummissarju tal-Pulizija indirizza l-istampa erbgħa u għoxrin siegħa wara, nhar l-Erbgħa. Għamel sewwa l-Kummissarju Angelo Gafà avolja ma kienx f’pożizzjoni li jagħti tweġibiet fid-dettall mitlub, minħabba li f’dan il-mument kritiku kellu l-obbligu li ma jagħmel u jgħid xejn li jista’ jimmina l-investigazzjoni. Ilkoll nistennew lill-Kummissarju tal-Pulizija li jżommna infurmati dwar dak li qed jiġri. Il-predeċessur ta’ Angelo Gafà bil-kemm kien kapaċi jgħaqqad sentenza meta kellu l-opportunità li jindirizza l-istampa. Spiċċa jħalli kollox f’idejn ta’ warajh, dak li s-suspettat ewlieni fl-assassinju diversi drabi irrefera għalih bħala z-ziju Silvio.
Kemm Robert Abela kif ukoll ta’ qablu jafu tajjeb li din mhiex imġieba normali f’soċjetà demokratika. Waqt il-konferenza stampa ta’ nhar it-Tlieta Robert Abela għamel dikjarazzjoni li setgħet tindika li kien qed jiġi mgħarraf mill-Pulizija dwar kif kienet qed tiżviluppa l-investigazzjoni kriminali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Fil-fatt hu qal li mill-investigazzjoni ma kien irriżulta l-involviment tal-ebda politiku fil-kaz. L-għada, fil-konferenza stampa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija kien ċar ħafna huwa u jwieġeb mistoqsija simili. Filwaqt li qal li s’issa l-Pulizija ma kienx irriżultalhom involviment ta’ politiċi, qal ukoll li hu ma jmurx jinforma lil Prim Ministru b’dak li jkun qed jirriżulta waqt l-investigazzjonijiet.
Din hi l-aħbar reali mill-konferenza tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Kummissarju Gafà qed iwassal messaġġ wieħed ċar: il-Pulizija ma jinfurmawx lill-Prim Ministru b’dak li jkun għaddej waqt l-investigazzjonijiet! Dan hu, bla ebda dubju, tibdil kbir minn kif kienu jsiru l-affarijiet sa ftit ilu. Nafu mix-xhieda dettaljata li nstemgħet quddiem maġistrati differenti fil-proċeduri kriminali li uffiċjali tal-Pulizija kienu jinfurmaw lil Joseph Muscat, predeċessur ta’ Robert Abela, b’dak li jkun qed jirriżulta fl-investigazzjonijiet. Muscat, ġeneralment kien ikun akkumpanjat mill-kap tas-segretarjat tiegħu Keith Schembri. Is-sensar Melvin Theuma xehed diversi drabi li kien jaf b’diversi aspetti importanti tal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia mingħand Yorgen Fenech, sieħeb Keith Schembri.
Il-pulizija forsi tgħallmu li ftit jistgħux jafdaw, l-anqas lil min ipoġġi Kastilja. Huwa f’dan is-sens li d-dikjarazzjoni ta’ Angelo Gafà hi pass kbir il-quddiem lejn in-normalità. Imma dan mhux biżżejjed. Min jeżerċita l-poter minn Kastilja jeħtieġlu jifhem ir-rwol tiegħu f’dawn iċ-ċirkustanzi sensittivi. Il-paroli żejjed ma jagħmel ġid lil ħadd. Ikun utli li anke l-Prim Minsitru jitgħallem li dan hu l-waqt li jekk jaqta’ biċċa minn ilsienu jkun aħjar għal kulħadd, b’mod partikolari għall-investigazzjoni. Ovvjament dan jekk jixtieq li din tkun konkluża b’suċċess!
Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma ġratx għall-għarrieda, kiesaħ u biered, imma seħħet f’kuntest ta’ skandli u korruzzjoni fuq skala li qatt ma rajna bħalhom. Il-pulizija mexjin fl-investgazzjonijiet dwar il-qtil innifsu. Flok ma jipprova jieħu l-krettu għal xogħol ħaddieħor dwar dawn l-aħħar żviluppi ikun aħjar kieku l-Prim Ministru jikkonċerna ħidmietu fuq dak li wassal għal qtil. Li dan ikun injorat iwassal messaġġ ċar : li tkun qed taċċettah dak li kollu li wassal għal dan il-qtil.
L-istituzzjonijiet demokratiċi jaħdmu jekk inħalluhom jaħdmu. Ikun tajjeb jekk il-Prim Ministru jieqaf jilgħaba tal-prima donna, moħħu biss biex jipprova jagħsar kull aħbar għal gwadann politiku. Li jieqaf jaġixxi b’dan il-mod ikun bla dubju ta’ għajnuna biex il-pajjiż jaqbad it-triq tan-normalità. Sadanittant it-triq lejn in-normalità għadha mċajpra għax għadna lura.