Saviour Balzan | ... U l-froġa fit-Times
'Insomma, li naf hu li wara din l-istorja it-Times għandhom jaraw x’ser jagħmlu. Jekk iridu jkomplu jipprietkaw l-aħjar ħaġa jmorru jipprietkaw bejniethom'
Ieqfu minuta.
Mur ara li kieku ġrat lilna din.
Immaġinaw għal minuta li kieku din l-istorja tat-Times kienet għal MaltaToday jew xi gazzetta oħra. Mur ara.
Kemm kien jippoppa sidru dak l-eżaltat Manuel Delia u jippontifika fuq x’inhu sew jew mhux sew. Ara meta kien jiddandan ma’ George Fenech, missier Yorgen u l-avukat Georg Sapiano u Adrian Delia, ma kienx jara d-dlam li qed jara llum.
Imma ejja mmorru għas-suġġett tat-Times.
Din il-gazzetta ilha snin tipprietka kif għandna ngħixu u x’għandna nagħmlu. U issa dawk li kienu diretturi tat-Times spiċċaw biex ser jitressqu fuq każ ta korruzzjoni, kif ukoll miżappropjazzjoni ta’ fondi tal-Malta Enterprise.
Mhux ċajt tafux; frodi u korruzzjoni!
Mur ara kieku jien spiċċajt bħalhom!
Ajma, kemm konna nisimghu biki u theżżiż ta’ snien.
It-tajba li dak l-oraklu, l-eks Imħallef Giovanni Bonello, li huwa ċ-Chairman ta' Strickland Foundation kien ġie mqabbad mit-Times biex jara il-kif u l-come ta' dak li Adrian Hilman ħexa meta Keith Schembri bnielhom l-istamperija. U alla jbierek dan ir-rapport baqa' sigriet u mistur. Iva, mistur!
Għax Alla jbierek rapport tal-Gvern jew xi inkjesta maġisterjali, it-Times tridha fuq il-bank tal-editur imma rapport intern fuq il-ħaxi tagħhom, dak le, dak irid jibqa' msakkar f’xi sejf.
Jien ma nafx kif ċerti nies ma jistħux.
Issa biex l-affarijiet ikun ċari, hawnhekk qed nitkellmu fuq it-Times, kumpanija mmexxija minn dinosawri li mhux biss bnew stamperija u premises ġodda imma rnexxielhom iniżżlu lill-kumpanija fil-qiegħ nett u wara sitt snin kellhom jgħalqu l-istamperija.
Matul dawn l-aħħar snin meta taqra l-editorjali taħseb li qed jitkellem Abraham minn fuq l-għolja, u li għat-Times kulħadd midneb, ħlief huma - li jaraw lil kulħadd dubbien u kretini. U ħalli għalihom ipinġu lil Malta qisha l-agħar post fid-dinja.
Giovanni Bonello aktarx kien jaf aktar fir-rapport li għamel u kieku kien jaf aktar messu qabad u għadda l-informazzjoni lill-pulizija. Bħal ma tagħmel il-Knisja meta taqbad xi qassis li ġie ippruvat li dahar għal xi tifel.
Din l-istorja ma waqfitx hawn, għax Mario De Marco li huwa membru tal-Istrickland Foundation ukoll għandu x’ jirrispondi. Sa fejn naf jien, xi darba kien avukat ta’ Keith Schembri, u fi żmien meta t-Times kienu irċevew €1.7 miljun bħala ‘investment aid’ għall-istamperija hu kien l-avukat tal-Malta Enterprise u Viċi Kap tal-PN. Dan li ddikjara iktar minn nofs miljun ewro fi qliegħ kien jaqla €70,000 fis-sena mill-Malta Enterprise.
Jien mhux qed ngħid li għaffeġ hu, imma responsabbilità politika hemm tibqa' u li kont Demarco, kont nirriżenja.
Insomma, li naf hu li wara din l-istorja it-Times għandhom jaraw x’ser jagħmlu. Jekk iridu jkomplu jipprietkaw l-aħjar ħaġa jmorru jipprietkaw bejniethom. Ifittxu mera kbira u jħarsu waħda sew lejha u jistaqsu lilhom nfsuhom xi tfisser il-frazi li "biex tiskonġra trid tkun pur."
Forsi jekk jistaqsu wieħed mill-kontributuri tagħhom, bħal Manuel Delia - jkun jista' jispjegalhom it-tifsira ta' din il-frażi, aħjar ukoll.
KJARIFIKA: De Marco ċċara li Guido de Marco & Associates hija biss waħda minn numru ta’ ditti legali li joffru servizzi legali lil Malta Enterprise. "Dan minbarra il-fatt ukoll li Malta Enterprise għandha dipartiment legali in-house."
De Marci ċċara wkoll li d-ditta qatt ma intalbet tagħti parir mill-Malta Enterprise fuq xi materja li kienet tikkoncerna b’xi mod lil Allied Group. "Inżid ngħid li jien personalment waqaft nippratika ta avukat bejn l-2008 u l-2013, iż-żmien li fih jien kont niforma parti mill-Kabinett tal-Gvern. Il-każ li fuqu hija ibbażata l-istorja seħħ, madwar l-2010, propju f’dan il-perjodu li jiena waqaft nippratika ta’ avukat."