Carmel Cacopardo | Riħa ta’ ħut
L-uffiċjali tal-bank bosta drabi juru entużjażmu esaġerat mal-ħuta ż-żgħira biex imbagħad ma jagħtu każ ta’ xejn, jew kważi, meta titfaċċa l-ħuta l-kbira
Bħala mexxej ta’ partit politiku jiena meqjus persuna esposta politikament (politically exposed person - PEP) skont kif tipprovdi ir-Raba’ Direttiva tal-Unjoni Ewropeja kontra l-ħasil tal-flus, hekk kif din ġiet trasposta fil-liġi Maltija. Anke membri tal-familja mmedjata tiegħi huma kkunsidrati bl-istess mod. Politiċi oħra flimkien mal-familja tagħhom huma fl-istess qagħda.
Hu meqjus li l-persuni esposti politikament (PEPs), minħabba l-pożizzjoni li jokkupaw huma f’riskju ikbar ta’ involviment fil-ħasil tal-flus. Ma hemm l-ebda distinzjoni bejn dawk li għandhom u jeżerċitaw il-poter eżekuttiv u dawk li ma għandhom xejn minn dan. Jiena wieħed minn tal-aħħar!
It-talbiet għall-informazzjoni, xi minn daqqiet repetittivi u bla ħtieġa, li jiena u diversi membri tal-familja nirċievu idejquk, avolja nifhem il-ħtieġa tagħhom kieku kellhom isiru bil-galbu. L-uffiċjali tal-bank bosta drabi juru entużjażmu esaġerat mal-ħuta ż-żgħira biex imbagħad ma jagħtu każ ta’ xejn, jew kważi, meta titfaċċa l-ħuta l-kbira.
Mhuwiex aċċettabbli li waqt li jissorveljaw b’żelu u entużjażmu esaġerat lil dawk li huma ta’ riskju żgħir, imbagħad, lil dawk li mhux biss huma ta’ riskju imma li fil-fatt jabbużaw kontinwament dawn jibqgħu għaddejjin qiesu qatt ma kien xejn.
Dawn jirnexxielhom jiżgiċċaw għax ikollhom min jgħinhom eżatt fil-waqt u l-post meħtieġ. Verament każ tal-ħabib fis-suq li hu ferm aħjar mill-flus fis-senduq!
L-aħħar każ ippreżentat il-Qorti dwar il-ħasil tal-flus jeħodna minn restorant tal-ħut sal-bank u lura. Il-mixja ta’ tiftix tal-allegat ħasil tal-flus wasslet lill-pulizija investigattiva sa restorant tal-ħut f’Marsaxlokk u ieħor ġol-Belt Valletta. Din l-investigazzjoni tidher li hi konnessa ma każ ieħor ewlieni dwar allegat ħasil tal-flus: dak konness mal-kuntrabandu tad-diesel mil-Libja.
Wieħed mill-persuni li presentment għaddej proċeduri kriminali fil-passat kien uffiċjal ta’ bank. Illum hu irtirat kif fakkarna l-bank stess wara li dan ttella’ l-Qorti.
Il-punt importanti hu dwar il-konnessjoni li qed jingħad li kien hemm bejn ir-ristoranti tal-ħut u l-bank. Fil-fatt, il-medja hi u tirrapporta x-xhieda li nstemgħet waqt l-ewwel seduta tal-proċeduri kriminali, irrappurtat li l-uffiċjal prosekutur, huwa u jispjega kif żvolġiet l-investigazzjoni qal li dan l-ex-impjegat tal-bank, meta kien għadu fl-impjieg bħala uffiċjal tat-taqsima tal-bank li tieħu ħsieb il-ħidma tal-kumpaniji allegatament kien kien ta’ għajnuna fil-ħidma tal-ħasil ta’ flus taħt investigazzjoni.
Qed ikun suġġerit li din l-għajnuna serviet biex tinsatar il-ħidma ta’ dawk li allegatament kienu qed jaħslu l-flus.
Dan l-uffiċjal tal-bank illum m’għadux impjegat mal-bank. Sadanittant ħa promozzjoni u issa qed jieħu ħsieb il-kumpaniji fejn allegatament jinħaslu l-flus.
Xi rwol għandha l-MFSA (L-Awtorità Maltija dwar is-Servizzi Finanzjarji) f’dan kollu? Waqt li kienet għaddejja din il-biċċa xogħol l-uffiċjal ewlieni (CEO) tal-MFSA kien għaddej minn perjodu ta’ kollaborazzjoni ma’ Yorgen Fenech, li presentment għaddej proċeduri kriminali fil-Qrati Maltin bl-akkuża li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u huwa meħtieġ ukoll li jidher fi Sqallija dwar skandlu ieħor, din id-darba dwar logħob tal-azzard illegali kif ukoll dwar tbagħbis ta’ logħob.
X’monitoraġġ jagħmlu l-MFSA u l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) biex jassiguraw li l-banek iwettqu sewwa l-obbligi tagħhom konnessi mal-ħasil tal-flus?
L-akkużi li ippreżentaw il-pulizija din il-ġimgħa jindikaw li dan il-moniteraġġ, jekk jeżisti, huwa dgħajjef u ineffettiv ħafna.
L-uffiċjal tal-bank issa bidel l-impieg. Minn ħidma regolatorja fil-bank issa għadda biex allegatament jieħu ħsieb il-ħasil tal-flus ġejjin mill-kuntrabandu tad-diesel Libjan.
Din hi l-konklużjoni loġika li toħroġ mill-akkużi tal-Puliizja din il-ġimgħa dwar l-użu tar-ristoranti tal-ħut fil-Belt Valletta u Marsaxlokk bħala allegati għodda tal-ħasil tal-flus.
Kieku l-MFSA ul-FIAU ħadmu sewwa dan kollu ma kienx ikun possibli li jseħħ. Hu każ ċar fejn l-industrija tal-ħasil tal-flus qed timpjega lin-nies li ġejjin mill-awtoritajiet regolatorji. Affarijiet li qed iseħħu fid-dawl tax-xemx mingħajr ħadd ma jinduna jew jagħti każ.
L-istituzzjonijiet qed jaħdmu għax jidher li t-taħwid qed jikber bil-minuti? Wieħed jittama li l-MFSA u l-FIAU jieħdu azzjoni deċiżiva, u din id-darba b’urġenza.