Alex Agius Saliba | Quo Vadis?
Il-Parlament Ewropew spiċċa l-playground ta’ Metsola, Casa u Simon Busuttil, jogħxew iħufu fil-kurituri jxewxu kontra pajjiżna
Il-ħajja politika hija waħda ta’ missjoni u dedikazzjoni, triq li wieħed jaqbad għax veru jkun irid iservi u jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżu. Pero’ mhux dejjem faċli tifhem kif wieħed ikun qed jagħmel dan, speċjalment meta tikkunsidra kemm ikun qiegħed jaħdem bla heda biex jara lil pajjiżu jkun attakkat kontinwament, f’kull ċans li jkollu, u anke jekk ma jkunx jeżisti ċ-ċans jara kif ser joħolqu.
Aktar ma jgħaddi ż-żmien, qiegħda dejjem toħroġ aktar ċara d-differenza bejn min qed ikun ta’ disservizz għal pajjiżu u min qed jaħdem bla heda biex jagħmel riformi li kienu ilhom tant fuq l-ixkaffa u jara li bħala nazzjon nimxu ‘l quddiem u nissaħħu. F’dawn l-aħħar snin, l-establishment Nazzjonalista għamel minn kollox biex jorkestra attakk wara ieħor fuq pajjiżna, biex jipprova jkisser lill-Gvern Laburista. Kien hemm minn dawk l-anġli tal-paċi li jkunu qed jimmarċjaw mar-Repubblika li saħansitra bdew jitolbu li tolqot riċessjoni qawwija lil pajjiżna fil-pandemija, u qaluha pubblikament, ħalli jkollhom biex jattakkaw lil Gvern.
Pero’ aħna naraw ukoll ta’ kuljum il-ħsara kbira li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem biex jagħmel lil pajjiżna. Il-Parlament Ewropew spiċċa l-playground ta’ Metsola, Casa u Simon Busuttil, jogħxew iħufu fil-kurituri jxewxu kontra pajjiżna u jfittxu kull opportunita’ biex mal-ewwel ċans li jiġi jimbuttaw għal xi dibattitu jew xi reżoluzzjoni mimlija nofs veritajiet, mibgħeda u gideb. L-hena tagħhom idawwru l-messaġġi politiċi moqżieża tagħhom minn taħt u jaraw kif ser isibu lil xi ħadd ikun lest jagħmillhom id-dirty work.
Id-dibattitu u r-riżoluzzjoni li mbuttaw ix-xahar li għadda ma kinux biżżejjed, issa qed jagħmlu aktar mossi biex ikomplu jmexxu l-attakki tagħhom, din id-darba b’attakk dirett fuq il-fondi Ewropej li Malta tirċievi. Bid-disperazzjoni li għandhom, minkejja li ma hemm l-ebda allegazzjonijiet ta’ dan it-tip, il-Grupp tal-Popolari li għandu lil Simon Busuttil bħala Segretarju Ġenerali, flimkien ma’ Grupp tar-Renew Europe, qegħdin jitolbu li jsir dibattitu fl-aħħar ta’ dan ix-xahar dwar kif il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jista’ jkun marbut ma’ xi miżapproprjazzjoni ta’ fondi Ewropej, għalkemm ħadd ma jista’ jifhem x’inhi l-konnessjoni u x’bażi hemm għal din l-allegazzjoni. Dan naturalment ġie opponut mill-kollegi tagħna mill-Grupp tas-Soċjalisti għaliex minn huwa naturali li wieħed jistaqsi għalfejn hemm bżonn dibattitu ieħor meta sar wieħed inqas minn xahar ilu.
Wara dan kollu hemm żewġ raġunijiet. Il-Partit li qiegħed jiggverna bħalissa fir-Repubblika Ċeka, li jifforma parti mill-Grupp Renew Europe, għandu fuq rasu akkużi serji ħafna li ilhom għaddejjin is-snin dwar użu ħażin ta’ fondi Ewropej, u għaldaqstant, bid-dawl ikrah li diġa’ rnexxilhom jitfgħu fuq pajjiżna l-klikka ta’ Busuttil u l-Grupp tal-Popolari, irid idaħħal lil Malta fil-kredu sabiex iċ-Ċeki ma jkunux waħedhom u jiddevjaw l-attenzjoni minn fuqhom, minkejja li pajjiżna qatt ma kellu akkużi ta’ dan it-tip. Naturalment, il-Grupp tal-Popolari ħataf din l-opportunita’ u appoġġja din il-manuvra, b’attentat ieħor biex ikompli jattakka lill-Gvern Laburista, u agħar minn hekk, għaliex bħalissa huwa żmien kruċjali ħafna għal pajjiżna biex jikseb il-fondi li huma dovuti u li nnegozja tant b’għaqal il-Gvern matul is-sena li għaddiet, sabiex jibda t-triq ta’ rkurpru ekonomiku b’saħħtu. Dan huwa s-servizz li qed jagħtu għal pajjiżna l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti, Simon Busuttil u sħabhom.
U jien nistaqsi, fejn iridu jaslu dawn in-nies? Sinċerament hawn xi ħadd jemmen li dawn l-affarijiet jiġru b’kumbinazzjoni u li mhemmx l-orkestrazzjoni u l-id “moħbija” tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista warajhom? Kulħadd għandu moħħ biex jixtarr u janalizza dawn il-manuvri f’kuntest politiku. Min kien jaħseb li n-nies ma tifhimx, jew li n-nies ma tafx tiżen u tiddeċiedi, għadu jemmen l-istess u għadu bl-istess mentalita’ li x-xogħol tal-oppożizzjoni hu li tkisser lill-Gvern tal-ġurnata. Jinfaqgħu kemm jinfaqgħu bżieżaq f’wiċċhom, l-istess jibqgħu. Rajna dil-ġimgħa stess li wara li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea l-ġimgħa l-oħra tat ir-raġun lill-Gvern Malti fil-każ tal-ħatriet tal-ġudikatura li mexxew ‘il quddiem u tant ippuppaw fil-Qorti Simon Busuttil, Manuel Delia, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, issa l-għaqda Repubblika rtirat il-każ, u b’arroganza riedet ukoll tipprova xxejjer il-bandiera tar-rebħa!
In-nies trid partiti politiċi li kapaċi joffru alternattiva għall-Gvern tal-ġurnata, partiti ta’ stoffa li kapaċi jiffukaw fuq il-ġid komuni u mhux jintilfu fil-logħob maħmuġ u l-partiġġjaniżmu. Sfortunatament għadna ferm ‘il bogħod minn dan, u huwa ta’ detriment kbir għad-demokrazija ta’ pajjiżna li għadna fejn konna, anke issa wara li għaddew tmien snin minn fuq Gvern Laburista u wara numru ta’ rebħiet elettorali kbar.