Alex Agius Saliba | Ekonomija reżiljenti
M’għandix dubju li dan il-Gvern huwa l-aqwa Gvern li jista’ jmexxi dan il-proċess biex bħala pajjiż nagħmlu l-qabża ta’ kwalita’ li jmiss fl-ekonomija tagħna
Wieħed mill-aktar punti importanti li ħareġ b’mod ċar matul il-pandemija kien il-bżonn li nkunu aktar reżiljenti, li naħsbu għal għada, u li jkollna lqugħ tajjeb biex jipproteġina mill-fatturi esterni li jistgħu jimpattawna b’mod negattiv, bħalma ġara bil-pandemija.
Is-sena li għaddiet bdiet ħidma fuq livell Ewropew fuq pjan ta’ rkupru li ser jgħin sabiex nerġgħu naraw l-ekonomiji tagħna jikbru u jistabilizzaw wara x-xokk qawwi li ħadu matul din l-aħħar sena. Pero’ kull pajjiż irid jagħmel ukoll l-isforz tiegħu sabiex isaħħaħ l-ekonomija u r-reżiljenza tiegħu.
Tali rkupru li jibqa’ validu għall-futur u r-reżiljenza fit-tul ifissru li mhux biss irridu nħaddnu t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, iżda wkoll nindirizzaw id-dimenzjoni soċjali, jiġifieri, li niżguraw li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.
Filwaqt li s-soltu mdorrijin nistennew il-baġit f’Ottubru sabiex naraw il-pjan li jkun ħejja l-Gvern għas-sena li jmiss u nifhmu d-direzzjoni ekonomika li nkunu qed nieħdu bħala pajjiż, din is-sena l-Gvern ħadem aktar fuq dawn l-aspetti ta’ reżiljenza u ftit tal-jiem ilu ġie mniedi proċess ta' konsultazzjoni fuq il-Viżjoni Ekonomika ta' pajjiżna għas-sentejn li ġejjin, viżjoni li tiffoka fuq bosta aspetti li rridu nagħtu importanza jekk irridu li nibnu ekonomija b’saħħitha. Bla dubju ta’ xejn, ekonomija b’saħħitha hija waħda mibnija fuq l-innovazzjoni u l-kreattività, waħda li tagħmel l-aqwa użu mill-mezzi diġitali li għandna għad-dispożizzjoni tagħna biex insaħħu l-produttività u l-kompetittività, u fuq kollox, ekonomija li tipprioritizza l-edukazzjoni u tara li jkun hemm żvilupp ta’ ħiliet meħtieġa għal setturi importanti u li rridu nsaħħu f’pajjiżna.
Aktar minn hekk, irridu nibnu ekonomija li tirrispetta l-miri ambjentali li għandna quddiemna mhux biss bħala pajjiż, iżda wkoll fuq livell internazzjonali, u kif ukoll naraw li jkollna qafas regolatorju b’saħħtu għan-negozju li jissettja standards għoljin ta' kontabilità u governanza b’saħħitha. Fuq kollox, bl-avvanzi kollha li saru u li għad iridu jsiru, irridu naraw li jibqa’ jkollna ekonomija mibnija fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza fl-opportunitajiet u li jitħarsu l-interessi tal-ħafna u mhux tal-ftit.
Dan importanti wkoll fl-ambitu tad-diskussjonijiet li qed isiru biex naraw li l-ħaddiema jkunu protetti fid-dinja tax-xogħol moderna, għaliex fl-aħħar mill-aħħar biex ikollok ekonomija b’saħħitha, irid ikollok ħaddiema b’saħħithom u li qed jilħqu livell ta’ kwalita’ ta’ ħajja li jistħoqilhom. Irridu naraw b’mod speċjali li nkomplu naħdmu sabiex jonqos l-isfruttament tal-ħaddiema, permezz ta’ kontrolli u liġijiet b’saħħithom li jiddiżinċentivaw l-abbuż li ħaddiema jgħaddu minnu anke minħabba prattiċi ġodda ta’ xogħol li adottajna f’dawn l-aħħar snin.
Bl-istess mod irridu naraw li mudelli ġodda tax-xogħol li jagħtu aktar flessibilita’ u li fl-istess ħin iżidu l-produttivita’, nużawhom sabiex inkomplu nsaħħu wkoll il-bosta servizzi li jingħataw f’pajjiżna.
F’dawn l-aħħar snin drajna ngħixu f’pajjiż li għandu l-aqwa ekonomija fl-Unjoni Ewropea, b’rati ta’ tkabbir kostanti li tawna saħansitra surplus u tfaddil fil-kaxxa ta’ Malta bla preċedent. Dan kollu nafu kemm kien strumentali biex fil-pandemija il-Gvern seta’ jżid in-nefqa biex saħħaħ is-sistema tas-saħħa, biex żamm ħajjin eluf ta’ negozji u biex sostna eluf ta’ familji fi żmien daqstant diffiċli. Issa li bħala pajjiż irnexxielna b’suċċess nnaqqsu r-rata ta’ infezzjonijiet u lħaqna l-ogħla persentaġġ ta’ tilqim u immunita’, irridu nibdew naħsbu għat-triq li għandna quddiemna sabiex nkomplu t-triq li qbadna u kif noħorġu mill-pandemija, nerġgħu nkunu fuq nett, b’ekonomija li trendi u li tagħtina serħan il-moħħ għall-futur.
Din il-viżjoni li ġiet preżentata mill-Gvern huwa pass importanti ħafna għal pajjiżna, pass li rridu nsostnuh u naraw li nkunu dixxiplinati u ambizzjużi fl-istess ħin sabiex nilħqu l-miri li għandna quddiemna. Hemm bżonn sforz kollettiv sabiex nagħmlu l-qabża li jmiss u nkomplu nagħmlu r-riformi meħtieġa u m’għandix dubju li dan il-Gvern – il-Gvern li ġab l-ekonomija lura fuq saqajha, salva eluf ta’ impjiegi u negozji u ġibed investiment barrani lejn pajjiżna – huwa l-aqwa Gvern li jista’ jmexxi dan il-proċess biex bħala pajjiż nagħmlu l-qabża ta’ kwalita’ li jmiss fl-ekonomija tagħna.