Baġit 2022 | 'Baġit soċjalment kuraġġuż' - General Workers' Union

Il-GWU tesprimi sodisfazzjon għal diversi miżuri mħabbra fil-Baġit tal-lejla...

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Baġit 2022, hekk kif tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi fil-Parlament, il-General Workers Union qalet li tqis dan il-baġit bħala wieħed soċjalment kuraġġjuż li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta' baġits imgħoddija. "Il-GWU hija wkoll ferm sodisfatta li l-Gvern f'dan il-baġit inkluda 'l fuq minn 18-il proposta li ressqitlu li lkoll huma intenzjonati li jtebbju bis-sħiħ il-kwalità tal-ħajja tan-nies partikularment tal-ħaddiema."

Fost il-proposti tal-GWU li ġew milqugħa - qalet l-istess unjin fi stqarrija - hemm dik li mis-sena d-dieħla se jiddaħħal il-prinċipju li l-ħaddiema tal-kuntrattur jibdew jitħallsu doppju tal-Ħdud li jaħdmu. Proposta oħra li l-GWU enfasizzat u li ddaħħlet f'dan il-baġit hi li t-taxxa fuq is-sahra, LI se tinżel għal 15% għal dawk li jaqilgħu sa massimu ta' €10,000. 

Ma' dawn hemm ukoll li t-taxxa fuq ix-xogħol part-time se tinżel minn 15% għal 10% kif ukoll li l-ħinijiet tal-ftuħ taċ-ċentri tac-child care se jkunu estiżi għal benefiċċju ta' min jaħdem wara l-ħinijiet normali tax-xogħol. "Dawn il-miżuri se jkomplu jinċentivaw x-xogħol u dħul aktar għall-ħaddiema," sostniet il-GWU.

L-Unjon semmiet il-pensjonijiet u esprimiet sodisfazzjon għal din iż-żieda filwaqt li qalet ukoll illi tinsab sodisfatta li l-Gvern qed jinċentiva aktar t-trasport pubbliku. 

 

"Il-GWU tqis dan il-baġit bħala li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies billi se jwieżen lil dawk li l-inqas li jifilħu, se jpoġġi l-ambjent fuq quddiem tal-prijoritajiet u se jkompli jinċentiva lil min hu bieżel. Il-GWU hija kunfidenti illi minkejja li pajjiżna għadu jinsab f'pandemija li niżżlet għarkubtejhom bosta pajjiżi sinjuri madwar id-dinja u minkejja s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli internazzjonali, dan il-baġit kompla bħal ta' qabel billi ma żied ebda piżijiet ġodda fuq il-poplu imma kompla jinċentiva x-xogħol u jwieżen lil min jiflaħ l-inqas," temmet tgħid il-General Workers' Union. 

More in Politika