Baġit 2022 | 'Investiment ċar fil-kwalità tal-ħajja' - MHRA
L-MHRA laqgħet b’sodisfazzjon diversi inċentivi li jindirizzaw lin-nies, l-ambjent u l-prosperità
L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukanda u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet il-Baġit li għadu kemm ħabbar il-Gvern u insista li dan huwa investiment ċar fil-kwalità tal-ħajja. L-Assoċjazzjoni laqgħet b’sodisfazzjon diversi inċentivi li, fi kliemha, jindirizzaw lin-nies, l-ambjent u l-prosperità.
Fost l-aqwa proposti, l-MHRA laqgħet dawk marbuta mal-benefiċċji li jippremjaw il-produttività, it-tnaqqis fit-taxxa tal-part-time u l-overtime, l-estensjoni tas-servizz taċ-childcare, it-trasport pubbliku b’xejn u oħrajn.
Faħħret ukoll diversi miżuri ambjentali u anke l-fatt li se jkun qed tiżdied l-allokazzjoni finanzjarja għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u anke entitajiet oħra li jaħdmu biex iżommu nodfa l-ispazji pubbliċi.
Fi kliem il-President Tony Zahra, dan il-Baġit huwa prova kemm Malta imxiet tajjeb fi żmien il-pandemija mhux biss biex tissalvagwardja s-saħħa tal-poplu imma anke biex issostni lin-negozju f’kundizzjonijiet ekonomiċi bla preċedent.