Robert Aquilina | Il-Gvernatur, is-sensara, il-beżżul, il-ġifa u l-Kummissarju

Dak li kellu jibqa’ magħruf għall-frażi “shame on you”, minflok mar jagħti rendikont lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż dwar proġett korrott li fil-Qorti ngħad li wassal għall-assassinju ta’ ġurnalista, qagħad id-dar!"

Snin qabel ma’ Edward Zammit Lewis iddeskriva lil-Laburisti bħala Ġaħan, dak li llum huwa l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali qalilna li jekk tħallas bil-karawett ikollok ix-xadini. Naturalment, fil-kategorija tax-xadini ma kienx qed jara lilu nnifsu imma lill-kumplament.

Il-Gvernatur

Dak iż-żmien Edward Scicluna kien għadu jsir Ministru tal-Finanzi. Dak iż-żmien il-bank Pilatus kien għadu ma fetaħx il-bibien u l-kċina tiegħu f’Ta’ Xbiex, bil-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Mr & Ms Egrant kienu jafu biss ta’ Nexia BT u ta’ Mossack Fonseca, il-ħadma tal-isptarijiet mal-Vitals kienet għadha qed tinħema, kif kien qed jinħema l-proġett korrott tal-Electrogas u kif kienu qed jinħmew skandli oħra li dwarhom Scicluna qalilna biss “U ejja, come on!”

Ma nafx jekk Scicluna, kemm dam Ministru tal-Finanzi, kienx jiekol biss karawett. Imma huwa evidenti għal kulħadd li quddiem skandlu wara l-ieħor Scicluna ma ġabx ruħu aħjar mit-tliet xadini leġġendarji li jagħmluha tabirruħhom li ma jarawx, ma jisimgħux u ma jitkellmux. Ir-riżultat ta’ din l-imġiba ukoll jaf kulħadd x’inhu: Malta tpoġġiet fil-famuża lista griża tal-FATF.

Imma, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, il-Prim Ministru Robert Abela ma sab lil ħadd f’dawn il-gżejjer iktar kapaċi minn Scicluna biex iservi fir-rwol ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Skont Robert Abela ma hawnx f’Malta u Għawdex imqar persuna waħda li hi waħda li tista’ tagħmel aħjar mid-diżastri li għamel Edward Scicluna.

Bilfors li Robert Abela jarana lkoll bħala xadini u iġħna biex ikompli jitma l-karawett tagħna lkoll lil Scicluna. Bilfors ukoll li Robert Abela jiġi jaqa’ u jqum mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ta’ istituzzjoni kruċjali bħall-Bank Ċentrali biex jafdaha f’idejn Scicluna.

Li Scicluna, ftit tal-jiem ilu, tilef libell kontra Simon Busuttil li kien qal li Scicluna huwa “implikat f’investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus” hija biss storja oħra griża mnaqqxa fil-kurrikulu ta’ Scicluna; storja oħra li Abela qiegħed kuljum jagħżel li jinjora.

Is-sensara

Rosianne Cutajar m’għadhiex membru tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa. Allura mhix se tkun qed twieġeb għall-investigazzjoni li l-kumitat tal-Assemblea beda fil-konfront tagħha. Addio l-ħalfa li trid tnaddaf isimha!

L-akkuża fil-konfront ta’ Cutajar hija li f’diskors li għamlet fl-Assemblea ddefendiet lis-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech fl-istess żmien li rċeviet flus li ma ddikjaratx mingħandu.

Meta ħarġet l-aħbar kien hemm min ġietu t-tentazzjoni jifraħ lil Robert Abela għal din id-deċiżjoni li missha ilha bosta xhur li ttieħdet. Iżda Cutajar ġriet fuq il-paġna tal-Facebook u ħabbret li kulma għamel Abela kien li qatgħalha xewqitha u laqa’ t-talba tagħha li ma tibqax tpaxxi lill-Assemblea bid-diskorsi memorabbli tagħha.

Ma kienx hemm għalfejn tgħidilna s-sensara ta’ Yorgen Fenech li Abela huwa dgħajjef fil-konfront tagħha. Dan nafuh għax, minkejja kollox, hi għadha tpoġġi fil-Grupp Parlamentari Laburista. Dan nafuh għax Robert Abela se jħalliha tikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-partit li jmexxi.

Bħal fil-każ ta’ Scicluna, Abela qed juri lil kulħadd li għalih ma jfisser xejn li Deputat tiegħu użat il-pożizzjoni tagħha f’forum internazzjonali biex tiddefendi lil min kien qed jimpalalha l-eluf ta’ ewro minflok lill-poplu Malti.

Dan it-tradiment u din l-umiljazzjoni ta’ pajjiżna għal Abela ma jfissru xejn.

Il-beżżul

Bħal-lum ġimgħa bdejna nsiru nafu x’fihom il-Pandora Papers. L-uniku isem Malti li smajna bih f’dawn ir-rivelazzjonijiet huwa ta’ John Dalli. Ngħiduha kif inhi, ħadd f’Malta ma stagħġeb li minn daqs dawn xadini Maltin kellu jissemma’ propju John Dalli.

Bħalma jagħmel dejjem, Dalli, li tgħidx kemm għamlilna ġieħ meta kellu jirreżenja minn Kummissarju Ewropew minħabba każ ta’ korruzzjoni, qalilna li huwa l-vittma tal-istorja. Forsi Dalli, bħal Zammit Lewis, jaħseb li aħna lkoll iġħna.

Forsi jaħseb li se nemmnu li kulma nqabad bih fl-aħħar deċenjii huwa biss ir-riżultat ta’ kemm huwa beżżul u mhux ta’ kemm ħataf jew prova jaħtaf karawett.

Il-ġifa

Nhar l-Erbgħa l-Eks Ministru favorit tal-Labour Konrad Mizzi kellu jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi. Iżda dak li kellu jibqa’ magħruf għall-frażi “shame on you”, minflok mar jagħti rendikont lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż dwar proġett korrott li fil-Qorti ngħad li wassal għall-assassinju ta’ ġurnalista, qagħad id-dar!

Din mhix l-ewwel darba li Mizzi ġab ruħu ta’ ġifa. Fl-inkejsta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Mizzi wkoll irrifjuta li jwieġeb kull mistoqsija li saritlu wara li ħabbar b’ħafna pompa li ma kienx se jattendi.

Intant, dal-ġifa brigant għadu jpoġġi fuq is-siġġijiet tal-Parlament u għadu jissejjaħ Onorevoli. Intant, minkejja li ftaħru li keċċewh mill-partit, id-Deputati tal-Labour nhar l-Erbgħa ddefendew lil Mizzi daqs kemm ċapċpulu meta l-għada li nqabad bil-kumpanija fil-Panama għamluh Deputat Mexxej. 

U l-Kummissarju?

Ftit tal-ġimgħat ilu bdiet iddur l-aħbar li wara kważi disa’ snin jgħid li għandu każ kontra l-beżżul Dalli, il-Kummissarju kien se jressqu l-Qorti. Minn dan kollu ma ġara xejn. Ma ġara xejn lanqas fil-konfront tal-ġifa Mizzi minkejja li ma baqax xadina f’pajjiżna u fid-dinja li ma temminx li Mizzi huwa korrott. Ma ġara xejn lanqas fil-konfront ta’ bosta oħrajn li matul das-sajf waħħalna r-ritratti tagħhom mal-grada tad-Depot.

Minflok ressqu lil min kellhom iressqu, f’dawn l-aħħar snin il-Kummissarju u l-Avukat Ġenerali tawna wirja ta’ prosekuzzjonijiet intiżi biss biex idgħajfu l-forzi tal-oppożizzjoni fil-pajjiż. Ressqu lil Jason Azzopardi, lir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono, Tony, u lil ħija Karol Aquilina b’akkużi frivoli u bla ebda fundament.

Dan għamluh mhux biex jiksbu ġustizzja imma biex isikktu lil min tassew qed jiġġieled għall-ġustizzja f’pajjiżna. Forsi nsew li, illum jew għada, iż-żejt kollu jitla’ f’wiċċ l-ilma. Forsi nsew li aħna ma nsejniex u mhux se ninsew min huma n-nies li kontrihom għadhom ma ħadux passi.

Forsi nsew ukoll li kull meta jinsew, aħna niġu nfakkruhom. Ikolli ngħid, wasalna biex nerġgħu naqbżu qabża sad-Depot.

More in Politika